Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dar Malta fi Brussell — Xogħol ta' kostruzzjoni

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex wasal u meta se jitlesta x-xogħol ta' kostruzzjoni fuq Dar Malta fi Brussell u meta hu ppjanat li Dar Malta tibda tiffunzjona b'mod uffiċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratturi ta’ Dar Malta avżawna li x-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni se jitlestew sa l-aħħar ta’ Jannar 2007. Aħna nistennew li la darba l-għamara, ICT, is-sigurta’, it-trasferiment tan-nies u xogħolijiet oħra jitlestew, il-funzjoni uffiċjali ta’ Dar Malta tista’ tibda fl-ewwel tliet xhur tal-2007

Impjegat mas-Servizz Pubbliku

Question

Jista' il-Prim Ministru, bħala l-Ministru responsabbli minn kull reklutaġġ li jsir fis-servizz ċivili u s-servizz pubbliku, jgħid x'inhu r-rwol tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, fil-gvern tiegħu u kif minn impjegat ta' l-Universita' sekondat mal-fondazzjoni għall-istudji internazzjonali, din il-persuna tkun mad-delegazzjonijiet barranin li jkunu hawn Malta? Jista' il-Prim Ministru, filwaqt li jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tax-xogħol ta' l-imsemmi persuna għas-servizzi li qed jagħti filwaqt li jgħid permezz ta' liema sejħa għall-applikazzjoni ġie magħżul jaqdi dan is-servizz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Ġbir ta' VAT mill-industrija tal-kostruzzjoni

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti l-persentaġġ ta' valur ta' VAT miġbur mill-industrija tal-kostruzzjoni matul l-2005 meta mqabbel mal-valur totali miġbur għall-istess sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

VAT

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġabar il-gvern taxxa tal-VAT fuq il-fuel kollu ta' kull tip importat f'Malta matul l-2004, l-2005 u l-2006 sat-30 ta' Settembru? Kemm ġabar VAT fuq servizzi soġġetti għat-taxxa tal-VAT matul l-2004, l-2005 u l-2006 sa Settembru? Kemm ġabar VAT fuq il-kumplament ta' prodotti soġġetti għat-taxxa tal-VAT matul l-2004, l-2005 u l-2006 sat-30 ta' Settembru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant l-informazzjoni għada qed tinġabar u għaldaqstant t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

AFM — Promozzjonijiet

Question

Jikkonferma l-Prim Ministru li fi żmien qasir se joħorġu l-promozzjonijiet fl-armata? Jidhirlu l-Prim Ministru wara li fil-passat kienu saru ħafna allegazzjonijiet ta' inġustizzji f'dan ir-rigward u li saħansitra kienu nqatgħu ħafna każi f'dan is-sens mit-tribunal għall-investigazzjoni ta' l-inġustizzji, li din id-darba l-gvern irid juri ferm iktar trasparenza u ġustizzja fil-mod ta' kif se jingħataw dawn il-promozzjonijiet, fosthom li jitqies is-seniority ta' dak li jkun u l-kwalifiki meħtieġa biex b'hekk jiġi evitat dak li ġara fil-passat meta membri tal-forza ħassew sens kbir ta' diskriminazzjoni u frustrazzjoni? Jikkonferma wkoll il-Prim Ministru li fost il-promozzjonijiet indikati hemm ukoll kontemplati promozzjonijiet fl-ogħla livelli ta' l-armata fosthom il-karigi ta' Logotenent Kurunell? Jidhirlu l-Prim Ministru li anke f'din il-kariga daqstant sensittiva għandux ukoll jittieħed in konsiderazzjoni l-anzjanita' (seniority) tal-kandidat, l-esperjenza ta' l-istess u x-xogħol li jkun ġie assenjat lilu matul is-snin? Jidhirlu wkoll il-Prim Ministru li meta jasal il-mument għax-xelta, jekk ikun hemm xi kwestjonijiet li jkunu jridu jiġu kkjarifikati minħabba l-proċess ta' l-għażla għandux ta' l-inqas jibgħat għal dak li jkun sabiex jekk ikun hemm xi problemi dak li jkun jiġi rinfaċċjat bihom u jkollu l-jedd li jirribatti, jispjega u jiċċara biex b'hekk żgur tiġi evitata inġustizzja inutilment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħalissa qed isir iżerċizzju sħiħ ta’ promozzjonijiet fil-Forzi Armati ta’ Malta fejn ir-rakkomandazzjoni se tkun imsejsa fuq il-kriterji stabiliti mill-Forzi Armati.

Segretarjat privat — Press secretary

Question

Jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tax-xogħol ta' persuna li isimha qed jintbagħat separatament, li ħatar bħala Press Secretary fis-segretarjat privat tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-kundizzjonijiet tas-Segretarja Stampa u Kommunikazzjoni huwa ekwivalenti għal dawk tal-kuntratt tas-Segretarju Privat. Nirreferi lill-Onor Interpellant għad-dokument ‘Engagement of Staff for Minsiter’s Secretariat’ datat Marzu 2004 kif approvat mill-Kabinett.

MFSA — Kumpanniji ta' l-Assigurazzjoni

Question

Jista' il-Prim Ministru jara jekk l-MFSA hux qed taqdi dmirha kif suppost fejn jidħlu l-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni? Jista' permezz ta' l-MFSA jiċċara kif ċerti kumpanniji ta' l-assigurazzjoni daħlu fin-negozju tal-parts tal-karozzi dirett huma? Jista' jgħid jekk hux etiku u fl-interess tal-konsumatur li surveyor ta' l-insurance jiddetermina x'parts ta' karozzi jinxtraw mill-istess insurance?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi kumpanniji ta’ l-assigurazzjoni huma awtorizzati jwettqu il-kummerċ ta’ l-assigurazzjoni u xogħol ieħor anċillari li jkollu x’jaqsam jew li joħroġ direttament minn dan il-kummerċ. Dan jinkludi t-tmexxija ta’ klejms (handling of claims) li l-kumpannija assiguratriċi jista jkollha taħt il-polza ta’ l-assigurazzjoni. Għalhekk f’każ ta’ klejms li jinvolvi vetturi, hija prattika tas-suq li l-parts tal-vettura li tkun involuta f’inċident tat-traffiku jinxtraw mill-kumpannija ta’ l-assigurazzjoni konċernata. B’hekk jintlaħaq l-iskop ta’ polza ta’ assigurazzjoni, li huwa dak li jpoġġi l-assiguratur fis-sitwazzjoni finanzjarja li kien fiha qabel il-klejm. Hija ukoll prattika fis-suq li fl-iproċessar ta’ klejms li jinvolvi vetturi, l-assiguratur jaħtar surveyor hu stess. Ix-xogħol tas-surveyor huwa li jiddettermina l-ħsara li jkollha l-vettura involuta fl-inċident tat-traffiku, kif ukoll il-parts li għandhom jinxtraw biex il-vettura tissewwilha l-ħsara.

BICAL

Question

Jista' il-Prim Ministru jispjega kif f'risposta parlamentari ad hoc spjega kif l-assi/flus tal-BICAL u l-kumpanniji assoċjati ma' l-istess dalwaqt se jiġu likwidati u maqsuma lill-kredituri meta hemm sekwestru għal madwar Lm1 miljun kontra l-istess BICAL, liema sekwestru għadu viġenti sal-lum? Jista' jgħid liema huma l-kumpanniji assoċjati mal-BICAL? Kemm ġew depositati flus fil-banek wara li nbiegħu l-assi ta' dawn il-kumpanniji assoċjati? Jista' jindika min huma l-likwidaturi ta' dawn il-kumpanniji u l-avukati rispettivi tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħat tweġiba f’xi seduta oħra.

Żbilanċ Finanzjarju tal-Gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20457 u jgħid u jagħti s-segwenti figuri mitluba aktar 'l isfel kif rapportati lill-Kummissjoni Ewropea: Kemm kien l-iżbilanċ finanzjarju tal-gvern (general government) fl-ewwel tliet xhur ta' l-2006 meta kkomparat ma' l-ewwel tliet xhur ta' l-2005? Kif jikkomparaw il-figuri bħala proporzjon tal-GDP? Kif l-istess figuri tal-general government jikkomparaw ma' tal-fond konsolidat għall-istess perijodu? Jekk hemm differenza bejn il-figura tal-fond konsolidat u dik tal-gvern ġenerali, jista' il-gvern jispjega din id-differenza? Nitlob li kemm il-figuri ta' general government u tal-fond konsolidat jingħatw biex wieħed ikun jista' isegwi aħjar.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant l-informazzjoni għada qed tinġabar u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

OPM — Rapporti

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew ikkummissjonati rapporti fid-dekasteru tiegħu kull sena għal dawn l-aħħar erba' snin? Kemm swew kull wieħed u x'inhuma dawk pendenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli ‘A’ u ‘B’ għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li juru l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Fil-każ tal-Ministeru tal-Finanzi tabella ‘Ċ’ turi l-istess informazzjoni mitluba.

NSO — Illitteriżmu

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20393 u jgħid: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19975 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi u li issa ġiet riferuta lill-Prim Ministru, jista' il-Prim Ministru jgħid meta sar l-aħħar studju dwar l-illitteriżmu f'pajjiżna? Kemm hu stmat li hawn nies illitterati? Kemm minnhom huma ta' l-eta' ta' l-iskola? Jista' jgħid ukoll x'inhi t-tifsira uffiċjali ta' persuna illitterata f'pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 20393.

AFM — Immigranti Illegali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il darba ġew interċettati opri tal-baħar li fuqhom kien hemm immigranti illegali waqt patrols regolari tal-forzi armati din is-sena? Kemm saru interċetazzjonijiet wara rapporti minn persuni ċivili jew mill-pulizija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li sa l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena (2006) kien hemm 52 każ fejn il-Forzi Armati ta’ Malta interċettaw opri tal-baħar li fuqhom kien hemm immigranti rregolari u li sussegwentament daħlu Malta. Ħamsa minn dawn il-każijiet kienu waqt patrols regolari li l-Armata soltu taghmel, erbgħa wara rapport minn persuni civili u tnax wara rapport mill-Pulizija. Fil-kumplament, l-interċettazzjoni ġiet effetwata wara notifika li ġiet minn diversi sorsi bħalma huma vapuri merkantili u dgħajjes tas-sajd, ajruplani ċivili, u miċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni u Salvataġġ Maritimu li hemm f’Ruma.

OPM — Direttur

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma min se jkun direttur fl-OPM dwar id-difiża b'effett mill-1 ta' Ottubru 2006? X'esperjenza għandha din il-persuna għal dan ix-xogħol? Fuq liema kriterji ntgħażlet? Xi kwalifiċi u taħriġ għandha għal dan il-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ħatriet ta’ Kapijiet ta’ Dipartiment isiru skond Artiklu 92 (4) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta fost uffiċjali pubbliċi anzjani. Ninsab infurmat li, wara l-ħruġ ta’ sejħa t’applikazzjonijiet għall-pożizzjoni ta’ Direttur (Affarijiet tad-Difiża) fl-Uffiċċju tiegħi, s-Sinjura Vanessa Frazier intgħażlet għal din il-pożizzjoni, b’effett mit-2 ta’ Ottubru 2006.

Infiq kapitali

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti, sena b'sena mill-1976 sal-lum, in-nefqa kapitali taħt l-oqsma kollha ta' spiża differenti bħal ilma, biedja, edukazzjoni, ambjent eċċ.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Skemi ta' Irtirar Kmieni

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid liema huma dawk l-enti li bħalissa għandhom skemi ta' irtirar kmieni? Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li għamlu użu minn din l-iskema u f'liema ente kienu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onor Interpellant li bħalissa hija l-Air Malta biss li kelli Skema ta’ Irtir Kmieni li għalqet fil-15 ta’ Settembru. Kull applikazzjoni f’din l-iskema issa hija fid-diskrezjoni tal-kumpanija li jiddeċiedu jekk jaċċettawx l-applikazzjoni kif ukoll b’effett minn meta tibda tapplika. Ninsab infurmat ukoll li kemm il-Bank Ċentrali kif ukoll l-Awtorita’ Maltija għas-Servizzi Finanzjarji jħaddmu skema msejħa ‘Voluntary Severance Scheme’. Skond din l-iskema l-Bank Ċentrali jista’ ma jilqax l-applikazzjoni. Minn meta din l-iskema ġiet imnedija, il-Bank laqa’ 7 applikazzjonijiet. Meta twaqqfet l-MFSA fis-sena 2002, 22 impjegat tas-CBM ġew trasferiti għal ma’ din l-Awtorita’. Dawn ġarrew magħhom l-iskema imsemmija hawn fuq. Skond din l-iskema l-impjegat ikun intitolat għal tlett snin salarju. Mit-22 impjegat, s’issa wieħed biss għamel użu minn din l-iskema.

Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja

Question

Jista' il-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-aħħar rapport li sar mill-ġudikatura lill-kummissjoni għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja sal-15 ta' Jannar, 2006 u jinkludi l-lista tal-kawżi pendenti skond Artiklu II ta' Kap 369?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Artikolu 11 ta’ Kap 369 ma jsemmix rapport mill-ġudikatura iżda rapport minn kull imħallef u maġistrat li jippresiedi xi Qorti.

OPM — Cyberspace Solutions Ltd

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 20230 u 20342 u jgħid jekk il-Ministeru, jew xi kumpanniji parastatali, korporazzjonijiet jew awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu f'dawn l-aħħar ħames snin qattx għamlu użu mill-kumpannija Cyberspace Solutions Ltd jew mill-kumpanniji sussidjarji tagħha Digital Signage Cyberspace Solutions, Wicked Promo jew Cyberspace Medical? Jekk iva, x'kien dan ix-xogħol, għal kemm kien jammonta u jekk itteħidx wara sejħa għall-offerti jew b'direct order?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numri 20230 u 20342.

Membri ta' l-Armata

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex is-suldati tal-forzi armati meta jilħqu l-eta' ta' 65 sena jiġu mitluba jirtiraw, anke jekk ma jkunux għamlu 25 sena servizz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ir-regolamenti dwar in-Nomini u l-Kondizzjonijiet tas-Servizz tal-Forza Regolari tal-Forzi Armati ta’ Malta, jistipulaw li l-membri tal-Forzi Armati għandhom jirtiraw meta jilħqu l-eta’ ta’ ħamsa u ħamsin sena. (u mhux 65 sena kif intqal fil-mistoqsija) In-numru ta’ snin ta’ servizz m’għandu x’jaqsam xejn ma l-eta’ ta’ l-irtirar.

Dipartiment tal-VAT — Inspectors

Question

Jista' il-Prim Ministru jinvestiga l-ilment ta' diversi inspectors fl-uffiċċju tal-VAT li qegħdin spiss jinħarġu charges kontra tagħhom minn persuna li laħqet manager riċentement u li għalkemm tinsab fi scale 7 xogħolha huwa aktar wieħed klerikali, fejn matul il-ġurnata sempliċement tqassam ix-xogħol lill-inspectors? Jista' jinvestiga l-allegazzjoni li ċ-charges qegħdin jinħarġu wkoll b'mod diskriminatorju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m’hu veru xejn li qegħdin spiss jinħarġu charges kontra spetturi tal-VAT kif ġie allegat fil-mistoqsija. L-uniku charges li ħarġu kienu kollha fis-6 ta’ Lulju 2006 kontra sitt spetturi tal VAT wara li d-Dipartiment kellu provi li dawn abbużaw mill-overtime kif ukoll naqsu li jwettqu d-dmirijiet u x-xogħol tagħhom kif kienu obbligati li jagħmlu. Dawn l-ispetturi ammettew bil-kitba l-akkużi kollha kontra tagħhom. Dwar dan il-każ kienu saru taħdidiet mal-Unjoni Ħaddiema Maghqudin li insistiet mal-Management li l-każ kellu jieqaf hemm u l-investigazzjonijiet jieqfu. Il-mamagement kien aċċetta din it-talb bil-kundizzjoni li jinbiddlu xi prattiċi tax-xogħol waqt l-overtime sabiex jinqatgħu l-abbużi.