Jista' l-Ministru jgħid mill-persuni kollha barranin li kienu fil-ħabs matul is-sena 2000, tistax tingħata breakdown tagħhom skond in-nazzjonalita'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000 il-Qorti rreferit 110 barrani biex jinżammu fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin.
Dawn kienu ġejjin mill-pajjiżi kif jidher hawn taħt:-
Libja
68
Italja
6
Niġerja
2
Palestina
1
Sudan
1
Sirja
4
Ġordan
1
Bulgarija
1
Eġittu
7
Olanda
3
Ġermanja
1
Afrika t`Isfel
1
Tuneżija
4
Awstralja
1
Jugoslavja
1
Alġerija
1
Renju Unit
4
Iraq
2
Russja
1
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu każijiet minħabba traffikar ta' droga, sena b'sena dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar għaxar snin in-numru ta` persuni li tressqu l-Qorti fuq traffikar ta` droga kien kif ġej:-
1991
1992
1993
1994
1995
1996
1997
1998
1999
2000
28
28
24
49
68
70
72
98
109
128
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux vera dak li qed jingħad li fl-area magħrufa bħala Tal-Ħandaq, se jitwaqqaf impjant ta' riċiklaġġ? Jekk iva, x'tip ta' impjant hu? X'permessi għandu? X'environmental, noise eċċ impact assessments saru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irċeviet applikazzjoni għall-kostruzzjoni ta` impjant għas-separazzjoni ta` l-iskart fl-inħawi tal-Ħandaq. Bħalissa l-Awtorita` għadha qed teżamina l-applikazzjoni biex jiġi determinat jekk hux permissibli żvilupp ta` dan it-tip fil-post propost. Jekk jiġi deċiż li fil-prinċipju l-iżvilupp jista` jiġi kkunsidrat aktar fid-dettal, l-applikant jintalab jissottometti studju dettaljat dwar l-impatti fuq l-ambjent (EIA) li jkun ippreparat skond terms of reference maħruġa mid-Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent u l-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx talba quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li jiġu nstallati lifts fil-palazz ta' Verdala? Jista' jgħid ukoll jekk l-awtorita' tapprovax dan it-tip ta' installar ta' lifts f'postijiet storiċi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar m`għandha l-ebda talba quddiemha sabiex jiġi nstallat lift/s fil-palazz ta` Verdala.
Talbiet għall-installazzjoni ta` lift/s f`postijiet storiċi jiġu kkunsiderati skond il-merti tal-każ individwali.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa mat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern dwar il-każ imqajjem mill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament dwar skular ta' ilma mill-flat ta' fuqu li qed iħassarlu soqfa u ħitan? Jistgħu jittieħdu l-passi kollha minħabba l-ħsara li qed tkompli ssirlu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta` l-Artijiet qiegħed jieħu passi legali kontra l-inkwilin konċernat biex dan isewwi l-ħsarat.
B'riferenza għar-risposta mogħtija lil mistoqsija parlamentari numru 22651, dwar l-appuntamenti taċ-chairman ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, bħala structural consultant/structural engineering and management consultant/project manager, tista' jekk jogħġbok tagħti lista tal-karigi fl-istess funzjonijiet li kellha l-persuna msemmija qabel saret chairman ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
1975 - 1978 Graduate Engineer mal-Malta Consult International.
1978 - 1982 Structural Engineer ma` numru ta` kumpaniji f`Adelaide, l-Awstralja inkluż bħala Professional Officer ma` Adelaide City Council.
1982 - 1989 Structural Engineer mal-Building Development Department tal-Gvern ta` Hong Kong.
1989 - 1991 Technical Manager mal-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp.
1991 - 1997 Kunsulent u aktar tard Managing Consultant mal-MSU.
1997 - General Manager (Properties) ma` L. Farrugia & Sons.
Is-Sur Falzon ngħata l-warrant ta` A&CE fl-1996.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi dwar karozza abbandunata li ilha żmien ipparkjata quddiem Triq il-Peprin, Block IIA, San Ġwann?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi vettura li kienet tidher abbandunata ġiet imneħħija minn Triq l-Ispika. Ma rriżultax li kien hemm xi karozza abbandunata fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 22609, jista' l-Ministru jgħid jekk jaħsibx illi ħames snin għandhom ikunu ferm aktar minn biżżejjed sabiex il-każ tal-persuna li referejnha għalih ikunu investigat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi deċiżjoni dwar dan il-każ għandha tittieħed fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jinfurmani għaliex matul din is-sena ma ġiex organizzat il-programm tal-logħob tal-Football fis-CCF għall-ħabsin?
Kemm-il sena kien ilu organizzat? Jista' l-Ministru jinvestiga u jara li dan il-logħob jkompli jiġi organizzat għall-ġid tal-kondizzjoni fiżika tal-ħabsin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi din is-sena għadu ma bediex il-programm tal-logħob tal-football għaliex is-sena għada kif bdiet u normalment dan il-logħob jibda għal ħabta ta` nofs Jannar.
Ninsab infurmat ukoll illi l-programm ta` logħob tal-ballun ilu jinżamm mill-1996.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni matul is-sena 2000 jilagħbu u/jew jorganizzaw logħob klandestin ta' kull tip?
Fejn inqabdu u kemm kienu li ttieħdu passi kontrihom u x'weħlu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000, kien hemm 63 persuna li ġew imressqa quddiem il-Qorti fuq reati konnessi ma` xi tip ta` logħob klandestin. Il-lokalitajiet fejn inqabdu huma l-Marsa, Ħaż Żabbar, il-Gżira, Marsaxlokk, Raħal Ġdid, il-Fgura, Ħal Luqa, Ta` Xbiex, il-Belt Valletta, Buġibba u Ħaż Żebbuġ. Il-pieni mogħtija kienu jinkludu sentenza sospiża, ammenda, konfiska ta` flus jew twiddiba.
Jista' l-Ministru jgħid jekk trabi u tfal taħt l-eta', minkejja li jkunu akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom, jistgħux idumu addirittura jidħlu fi stabbilimenti li huma ntiżi għal divertiment ta' persuni adulti, anke minħabba l-fatt li jkun hemm mużika tgħajjat u xorb alkoħoliku?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-Regolamenti ta` l-1995 dwar iż-Żamma ta` Bon Ordni fl-Lokalitajiet ta` Divertiment jipprojbixxu li persuni taħt l-eta` ta` sittax-il sena jitħallew jidħlu ġewwa lokal ta` divertiment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jagħtu u/jew ibiegħu alkoħol lil tfal taħt is-16-il sena matul is-sena 2000? Kemm ittellgħu l-qorti persuni għal dan ir-reat u kemm weħlu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000 kien hemm persuna waħda li ġiet imressqa quddiem il-Qorti talli biegħet xorba alkoħoliku lill-persuni taħt is-16-il sena. Dan il-każ għad mhux deċiż.
Peress li saru diversi rapporti lill-pulizija u awtoritajiet oħra, jista' l-Ministru jara li karozza Land Rover mingħajr liċenzja tal-wind screen u b'number plate TIN 28 titneħħa minn Triq Markiż J. Scicluna, f'San Ġiljan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-vettura li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant tneħħiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet lir-Reġistru Pubbliku għal riċerki testamentarji fl-1998, 1999 u 2000, imqassma xahar b'xahar? X'kien id-dħul minn dawn ir-riċerki?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-talbiet li saru lir-Reġistru Pubbliku għall-riċerki testmentarji u d-dħul mill-istess riċerki huwa kif jidher hawn taħt:
MALTA GĦAWDEX
Sena Talbiet Dħul
(Lm)
1998 3,289 8,222.50
1999 3,683 9,207.50 Xejn
2000 5,177 12,942.50
Ma tinżammx statistika xahar b`xahar tar-riċerki tat-testmenti kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħal flus ir-Reġistru Pubbliku minn photocopying u talbiet għal public registry certificates mill-1996 sa l-2000 sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li r-Reġistru Pubbliku ma kellu ebda dħul mill-Photocopying. Id-dħul mill-Public Registry Certificates (PRC) kien kif jidher hawn taħt:
Sena
Malta
Dħul (Lm)
Għawdex
Dħul (Lm)
1996
1,692.00
214.80
1997
1,105.00
179.10
1998*
11,457.00
628.20
1999
5,085.00
381.50
2000
5,497.50
501.00
* Il-ħlas tal-Public Registry Certificates żdied għal Lm1.50 fil-1998.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każi ta' serq tul Diċembru 2000? X'kienu l-oġġetti jew ammonti ta' flus li nsterqu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Diċembru 2000, il-Pulizija kellha 714-il rapport li jikkonċerna serq. L-ammont totali ta` flus li ġie rapportat li nsteraq huwa ta` Lm190,339.00.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-hold ups li sal-lum għadhom ma ġewx solvuti? X'kien insteraq f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000 ġew irrapurtati lill-Pulizija 31 każ ta` hold up. F`dawn il-każi kien rappurtat li nsterqu ammonti differenti ta` flus Maltin u barranin, telefon ċellulari, arloġġ u deheb. Fi tnejn minn dawn il-każi ma ġie misruq xejn.
Dan hu tnaqqis ta` 35% fuq is-sena 1999, u tnaqqis ta` 45% fuq is-sena 1998 Miċ-ċifra tas-sena 2000, ġew solvuti 14, u qed jiġu nvestigati 17.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' applikazzjonijiet hemm quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal Triq il-Farfett tal-Flejġel, Żabbar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għandha quddiemha applikazzjoni waħda li hi pendenti u tirrigwardja żvilupp fi Triq il-Farfett tal-Flejgel, Żabbar. Fl-applikazzjoni ntalab permess biex biċċa art tinbena f`residenza.