Jista' il-Ministru jgħid fejn se jkunu allokati l-istudenti tal-Junior Lyceum tal-Verdala waqt li jkun qed isir ix-xogħol? Jista' jgħid ukoll x'se jiġri milll-istudenti ta' l-ewwel sena tal-Liceo Vassalli li huma wkoll matul din l-aħħar sena kienu fi skola oħra minħabba xogħlijiet li qed isiru fl-iskola tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti tal-Junior Lyceum Giuseppi Despot Bormla se jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fl-iskola Adelaide Cini Ħamrun waqt li tkun qed tinbena l-iskola msemmija. L-istudenti tat-tieni sena tal-Liċeo Vassalli li matul l-aħħar sena kienu fl-iskola Adelaide Cini se jibdew jattendu l-Liċeo Vassalli f'Ħal Qormi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20188, jista' il-Ministru jgħid l-eżaminaturi kif se jkunu jafu min huma l-istudenti tal-year 7 meta dan suppost ikun hemm index number u mhux l-isem fuq il-karta ta' l-eżami?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-eżaminaturi m'għandhomx għalfejn ikunu jafu min huma t-tfal tal-Year 7. L-eżaminaturi ser jiltaqgħu ma' metodi ġodda użati mit-tfal tal-Year 6, kif ukoll ma' metodi oħrajn użati mit-tfal tal-Year 7. Naturalment, l-eżaminaturi ser jaċċettaw dawn ta' l-aħħar ukoll.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19737, jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess u ma' min saru/qed isiru konsultazzjonijiet? Meta hu maħsub li jintemmu dawn il-konsultazzjonijiet?
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19533 u jgħid kemm saru rapporti mill-ministeru jew mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni mis-sena 2000 sal-lum li huma marbuta mal-qasam edukattiv? X'kienu dawn ir-rapporti u kemm ġie jqum kull rapport?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li mhux it-tagħrif kollu wasal fl-uffiċju tiegħi u tagħrif ieħor qed jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti, subien u bniet, li qagħdu għas-suġġetti kollha għad-dħul fil-junior lyceum? Jista' jgħid kemm kien hemm li għażlu li ma joqogħdux għar-reliġjon? Kemm weħlu minn kull suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li applikaw għall-eżami tal-Junior Lyceum huwa hekk :-
Subien - 2183 Bniet - 1785 Total - 3968
In-numru ta' studenti li qagħdu għall-eżami li qagħdu għall-eżami skond is-suġġetti huwa kif ġej :-
Ingliż Matematika Malti Studju Soċjali Reliġjon
Subien 2149 2146 2127 2131 2091
Bniet 1764 1760 1746 1749 1712
Total 3913 3906 3873 3880 3803
In-numru ta' studenti eżentati mir-Reliġjon huwa 108.
Informat ukoll li n-numru ta' studenti li weħlu f'kull suġġett kien hekk :-
Ingliż Matematika Malti Studju Soċjali Reliġjon
Weħlu 1374 997 488 625 208
35.1% 25.5% 12.6% 16.1% 5.5%
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ħin li fih suppost jinxtegħlu l-floodlights tal-Luxol stadium minħabba l-inkonvenjent li qed jinħoloq għar-residenti tal-housing estate?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport m'għandu l-ebda involviment fil-ħinijiet ta' l-użu tal-Luxol St. Andrews Grounds.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti li qagħdu għall-eżamijiet għad-dħul ta' l-iskejjel tal-knisja? Kemm minn dawk li għaddew daħlu f'xi skola tal-knisja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li 1,381 student qagħdu għall-eżamijiet għad-dħul ta' l-iskejjel tal-Knisja u li l-proċess ta' l-għażla għadu qed isir.
Jista' il-Ministru jgħid jekk assistent kap ta' skola li jkun ġej minn dawk li qabel kienu t-trade schools jistax japplika sabiex isir kap ta' skola f'livell sekondarju ġenerali? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid meta se tiġi rranġata din l-anomalija, l-aktar fid-dawl li l-iskejjel tas-snajja' issa ilhom snin li ġew magħluqa mill-istess gvern?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-diskussjonijiet mal-Unions dwar din il-materja għadhom għaddejjin.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx skejjel indipendenti li nformaw lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni li mis-sena skolastika li jmiss se jgħollu l-miżati? Liema skejjel huma u kif kienu l-miżati sal-lum?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa l-20 ta' Lulju 2006 kien hemm 3 skejjel Indipendenti li nformaw lill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni kif titlob il-liġi fir-rigward ta' żieda fil-miżati għas-sena skolastika 2006/2007.
Dawn huma Little Angels, St Cecilia Kindergarten u Oranges and Lemons Kindergarten.
Informat ukoll li l-miżati għas-sena skolastika 2005/2006 ser tkun hekk :-
Skejjel Miżati
Sena Skolastika
2005/2006
Little Angles
Kindergarten Lm115
Year 1 Lm175
Year 2 Lm185
Year 3 to Year 6 Lm190
St Cecilia Kindergarten
Kindergarten Lm110
Oranges and Lemons
Kindergarten Lm105
Jista' il-Ministru jgħid kemm qed jitħallsu l-persuni li qed jiffurmaw parti mill-kummissjoni nazzjonali għall-edukazzjoni ogħla?
Response (GALEA, LOUIS)
S'issa l-membri tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla ma tħallsu l-ebda remunerazzjoni. Il-materja ser tiġi stabbilita meta l-Kummissjoni titwaqqaf skond il-liġi l-ġdida.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19689, jista' il-Ministru jgħid b'mod speċifiku x'kienet in-nefqa tal-foundation for tomorrow schools f'Għawdex? Jista' jekk jogħġbu jgħid x'nefqet kull sena l-FTS f'Għawdex minn meta twaqqfet sal-lum?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 19689, f'seduta numru 398. L-FTSma tagħmilx nefqiet hi iżda jagħmilhom il-Gvern.
Jista' il-Ministru jgħid meta hu ppjanat li l-iskola ta' Birżebbuġa jkollha surmast imexxi stante li din il-kariga ilha vojta u hija x-xewqa ta' dawk kollha konċernati li għas-sena d-dieħla dan in-nuqqas ma jipperpettwax ruħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li qed jiġu proċessati l-applikazzjonijiet għall-Kap ta' l-iskejjel li ħarġet u tagħlaq nhar il-Ġimgħa 21 ta' Lulju 2006.
Jista' il-Ministru jagħti dettalji ta' min jagħmel ħidma mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ biex jgħallem persuni li jkunu jridu jmorru sewwieqa barra minn Malta? Kemm hu l-ħlas li jirċievi l-instructor għal kull persuna li tmur titgħallem?
Minn dawk li attendew għat-taħriġ matul is-snin 2004 u 2005, kemm minnhom marru jaħdmu barra minn Malta u fejn? Kien hemm xi ħadd li ntbagħat lura għax ma kienx skond standards Ewropej? Dan it-taħriġ huwa b'xi mod funded mill-Unjoni Ewropea? Jekk iva, liema programm u kemm hu l-grant?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kuntrattur huwa Swallows Garage. Il-kumpanija ntgħażlet wara sejħa għall-offerti li ħarġet is-sena l-oħra u tagħlaq f'Settembru ta' din is-sena. Ir-rata mħallsa mill-Korporazzjoni għal dan is-servizz huwa ta’ Lm206.50 għal kull persuna li titħarreġ.
L-uffiċċju tal-EURES tal-KXT ma jżommx informazzjoni dwar min eventwalment telaq minn Malta sabiex jaħdem barra jew ġie lura.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il siegħa tagħlim tar-reliġjon jingħata lit-tfal kull ġimgħa f'kull sena akkademika mill-iskola primarja sa dik sekondarja?
X'arranġamenti hemm bejn id-dipartiment ta' l-edukazzjoni u l-awtoritajiet ekklesjastiċi sabiex jiġu approvati l-programmi ta' tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel kif ukoll sabiex jiġu ċċertifikati l-għalliema tar-reliġjon?
X'arranġamenti hemm sabiex isir il-qrar u s-smiegħ tal-quddies fl-iskejjel primarji u sekondarji? Jiasta' jgħid jekk f'kull skola hemmx kappella?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel primarji hemm 30 minuta kuljum (sagħtejn u nofs fil-ġimgħa) allokata għat-tagħlim tar-Reliġjon, waqt li l-iskejjel sekondarji hemm żewġ lezzjonijiet ta' 45 minuta kuljum (siegħa u nofs fil-ġimgħa). Il-ħatra ta' l-għalliema kif ukoll il-programmi ta' tagħlim tar-Reliġjon Nisrani fl-iskejjel huma approvati mill-Konferenza Episkopali li hija mmexxija mill-Knisja.
Informat ukoll li l-amministrazzjoni ta' l-iskejjel jagħmlu l-arranġamenti li jidhrilhom meħtieġa mad-direttur spiritwali ta' l-iskejjel dwar ħtiġijiet spiritwali għal l-istudenti. L-iskejjel m'għandhomx kappelli.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19877 issa li qed ngħaddilu l-informazzjoni dwar il-persuna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament irreġistrat fuq it-Tielet Parti tar-Reġistru tal-Korporazzjoni (Part 3) fid-9 ta’ Frar 2004 bħala ' Manager in Finance and Administration' u li r–Reġistrazzjoni baqgħet valida sal-31 ta’ Mejju 2004 peress li din ma ġietx imġedda. (Ir- reġistrazzjoni tat- tielet parti trid tiġi mġedda kull 3 xhur).
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew studenti jitgħallmu l-Ingliż is-sena l-oħra u kemm ġew din is-sena? Kif jikkompara din is-sena ma' l-istess żmien is-sena l-oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sena l-oħra ġew 61,607 student jitgħallmu l-Ingliż f'Malta u Għawdex. Iċ-ċifri ta' kemm jiġu studenti kull sena jinġabru meta tintemm is-sena.
Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Cyberspace Solutions Ltd
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, jew xi kumpanniji parastatali, korporazzjonijiet jew awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu f'dawn l-aħħar ħames snin qattx għamlu użu mill-kumpannija Cyberspace Solutions Ltd jew mill-kumpanniji sussidjarji tagħha Digital Signage Cyberspace Solutions, Wicked Promo jew Cyberspace Medical? Jekk iva, x'kien dan ix-xogħol, għal kemm kien jammonta u jekk itteħidx wara sejħa għall-offerti jew b'direct order?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Ministeru għamel użu mill-kumpanija Cyberspace Solutions Ltd. matul is-snin 2005 u 2006 kif jidher hawn:
F'Awissu 2005 inxtara xogħol ta' software permezz ta' direct order li kien jammonta għal Lm172.28. Fl-istess xahar inxtara wkoll xogħol ieħor ta' software wara sejħa għall-offerti (quotations) li kien jammonta għal Lm2,596.
F'Mejju 2006 inxtara xogħol ta' software permezz ta' direct order li kien jammonta għal Lm1,610.70.
Ma ngħata ebda xogħol ieħor matul dawn l-aħħar ħames snin lil din il-kumpanija jew xi waħda mill-kumpaniji sussidjarji tagħha msemmija fil-mistoqsija.