Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – xogħol ta’ konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u min huma l-konsulenti mqabbdin mill-Ministeru tiegħu, x’inhu x-xogħol eżatt tagħhom u kemm qed jitħallsu, minn Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward konsulenza li ngħatat lill-Continental Shelf,nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 23476.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Karozzi tal-kiri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi tal-kiri fid-dipartimenti u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u kemm qed iħallas tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa fil-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura hemm 26 karozza tal-kiri, Transport Malta tagħmel użu minn 41 karozza tal-kiri filwaqt li l-Grand Harbour Regeneration Corporation għandha żewġ karozzi mikrija. Il-ħlas tagħhom ivarja skont it-tip u mudell ta’ vettura.

Ħal Luqa – Triq Ġużeppi Ellul — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jara li parti minn Triq Ġużeppi Ellul, Ħal Luqa, tingħata wiċċ bit-tarmak peress li tinsab fi stat diżastruż u dan peress li, kif jidher mill-korrispondenza li qed tiġi annessa separatament, ir-responsabilità ta’ din it-triq hija tal-Gvern ċentrali u anke għaliex din it-triq ilha tiġi mwiegħda fil-programm tat-toroq residenzjali sa mis-sena 2006 u minkejja li l-kunsill lokali ilmenta kemm-il darba ma’ Transport Malta, din it-triq baqgħet ma saritx? Jistgħu jittieħdu l-passi neċessarji sabiex din it-triq ma titħalliex fl-istat li tinsab fih, anke għaliex dan ġara, fost oħrajn, minħabba li sabiex tlesta x-xogħol fi Triq Ħal Qormi, it-traffiku kien devjat għal din it-triq, inkluż heavy vehicles, li din it-triq ma tiflaħx għalihom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għandha pjanijiet sabiex tagħmel l-intervent neċessarju fuq din it-triq skont il-prioritajiet u fondi disponibli.

Ħal Luqa – Triq il-Mitjar –tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jara li Triq il-Mitjar, Ħal Luqa, tingħata wiċċ bit-tarmak peress li tinsab fi stat diżastruż minħabba li, fost oħrajn, sabiex tlesta x-xogħol fi Triq Ħal Qormi, it-traffiku kien devjat għal din it-triq, inkluż heavy vehicles, li din it-triq ma tiflaħx għalihom? Jistgħu jittieħdu l-passi neċessarji sabiex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata wara li anke l-Gvern preċedenti kien wiegħed lill-kunsill lokali li peress li t-traffiku se jkun qiegħed jgħaddi minn din it-triq, il-Gvern kien se jikkumpensa billi jingħata wiċċ ġdid tat-tarmak lil din it-triq, xi ħaġa li sal-lum din għadha ma saritx?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li Transport Malta għandha pjanijiet sabiex tagħmel l-intervent neċessarju fuq din it-triq skont il-prioritajiet u fondi disponibli.

Belt Valletta — lift

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19471, jista' l-Ministru jgħid għaliex il-lift li jieħdok mil-livell tad-daħla tal-Belt Valletta sal-livell tal-Bank Ċentrali għadu mhux qed jopera meta dan kellu jibda jopera sal-aħħar ta' Novembru? Jista' jgħid x'qed iwassal għal dan id-dewmien għad-detriment ta’ persuni li jagħmlu użu minn wheelchair? Jista' jgħid meta ser ikun lest dan il-lift?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol oriġinali li kellu jsir fuq dan il-lift skont il-kuntratt huwa komplut. Peress li l-lift indikat iwassal għal żona li, minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, hija riżervata għall-użu esklussiv tal-Parlament, ġie deċiż li l-operat ta’ dan il-lift tkun taqa f’idejn din l-Istituzzjoni. Madankollu, wara diskussjonijiet li saru mal-Parlament u mal-Kunsill Nazzjonali Persuni b’Diżabilità intlaħaq qbil sabiex persuni bi bżonnijiet speċjali jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dan il-lift f’kull ħin tal-ġurnata. Għaldaqstant, filwaqt li s-sistema elettronika ta’ aċċess fil-Parlament qiegħda tiġi estiża għal dan il-lift, fil-ġimgħat li ġejjin se tiġi stallata sistema ta’ video intercom li tkun kontrollata fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum mill-pulizija assenjati għas-sigurtà tal-Parlament sabiex dawn il-persuni jkollhom aċċess kontinwu u bla xkiel.

National Household Travel Surveys

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar tliet National Household Travel Surveys illi għandha Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-National Household Travel Survey (NHTS) isir bejn wieħed u ieħor kull għaxar snin. L-ewwel żewġ surveys li ttieħdu fis-snin 1989 u 1998 saru mill-MEPA u għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi wkoll din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. It-tielet National Household Travel Survey sar minn Transport Malta fis-sena 2010, u ġie kkummissjonat lill-kumpanija PWC għall-valur totali ta’ €239,540. Rapport li jinkludi detttalji tal-istatistika li ħarġet minn dan is-survey qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il direct order ħareġ il-Ministeru tiegħu, inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet kollha illi jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta’ Marzu 2013 sad-data illi fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jagħti l-ammont totali ta’ kull direct order u lil min ingħataw?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-Onor. Interpellant għandha tkun infurmata li d-direct orders ingħataw skont ir-regolamenti ta’ procurement tal-Gvern bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi.

Proġett tal-Coast Road – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders kollha illi ngħataw fuq il-proġett tal-Coast Road? Jista’ jagħti l-ammont totali ta’ kull direct order illi ngħatat u lil min ingħatat?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 23473, liema informazzjoni hija nkluża bħala parti minn din ir-risposta.

Proġett tal-Coast Road — reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefaq f’reklamar għall-proġett tal-Coast Road, u x’tip ta’ reklamar sar? Jista’ jelenka separatament l-ispiża (i) f’reklami illi dehru fuq gazzetti lokali, (ii) f’reklami fuq online portals, u (iii) f’videos?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont li ntnefaq f’reklamar għall-proġett tal-Coast Road huwa hekk kif ġej: Reklami f’Gazzetti - €5,089.68 + Vat Reklami fuq Radju - €3,864 + Vat Video - €750 + Vat Ta’ min wieħed jinnota li r-reklamar li sar fuq gazzetti u fuq ir-radju ma kienx jinvolvu promozzjoni tal-proġett nnifsu iżda avviżi lill-pubbliku rigward road closures u devjazzjonijiet relatati mal-proġett.

Tfittix taż-żejt – konsulenti jew persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti jew persons of trust illi taw is-servizz tagħhom lill-Ministeru fir-rigward tat-tfittix taż-żejt, bejn l-1 ta’ Marzu 2013 sad-data illi fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid meta jiskadi t-term ta’ konsulenza ta’ kull wieħed minnhom? Jista’ jgħid x’inhi r-remunerazzjoni (salarju u perkaċċi) tagħhom u kemm tħallsu sad-data illi fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22633, inżid li l-kumpanija UK Hydrographic Office ingħatat xogħol ta’ konsulenza fit-3 ta’ Marzu 2013 għal valur ta’ €42,764.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – Transport Malta – konsulenti jew persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti jew persons of trust illi taw is-servizz tagħhom lill-Ministeru fir-rigward ta’ kwalunkwe materja illi taqa’ taħt Transport Malta, bejn l-1 ta’ Marzu 2013 sad-data illi fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ l-Ministru jgħid meta jiskadi t-term ta’ konsulenza ta’ kull wieħed minnhom? Jista’ jgħid x’inhi r-remunerazzjoni (salarju u perkaċċi) tagħhom u kemm tħallsu sad-data illi fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tkun iktar speċifika fil-mistoqsija tagħha.

Main road mir-Rabat għall-Baħrija — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se titlesta t-triq prinċipali li mir-Rabat twasslek għall-Baħrija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta.

Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar – xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema toroq ser ikun qed isir xogħol fuqhom minn Transport Malta fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar matul is -sena 2016?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22856.

Kunsill Lokali Mellieħa – laqgħat dwar bbqs fil-bajja tal-Mellieħa

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk sarux laqgħat mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa b’rabta mal-ħsieb tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li jerġgħu jibdew isiru l-BBQs fuq il-Bajja tal-Mellieħa wara nuqqas ta’ 7 snin? U jekk iva, jista’ jindika x’kien l-eżitu ta’ dawn il-laqgħat ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li regolarment jsiru laqgħat rigward l-operat tal-bajja tal-Għadira mal-Kunsill Lokali Mellieħa. Fl-aħħar laqgħa li saret ftit tal-ġranet ilu, ġejna infurmati bid-deċizjoni li ħa l-Kunsill Lokali sabiex jibdew jsiru BBQs fuq il-bajja tal-Għadira permezz ta’ apparat tal-gass biss.

Dipartiment tal-indafa pubblika — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser iżid il-ħaddiema mad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika (cleansing) fuq il-bajjiet fil-Mellieħa matul ix-xhur tas-sajf jekk kemm-il darba ser jerġgħu jibdew isiru l-BBQs fuq il-Bajja tal-Għadira?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li ma hemm l-ebda ħsieb li jiżdiedu ħaddiema fuq il-bajja tal-Għadira. Fl-opinjoni tagħna hemm biżżejjed ħaddiema sabiex isir it-tindif fuq din il-bajja.

Triq Wied il-Bużbież – xogħlijiet fuq ħajt ta’ sejjieħ – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru minnufih jieħu azzjoni sabiex jitranġa ħajt tas-sejjieħ, illi jinsab f’kundizzjoni ħażina ħafna, u hu ta’ periklu partikolarment għall-bdiewa tal-inħawi, liema ħajt jinsab fi Triq Wied il-Bużbież u li d-dettalji tal-bdiewa konċernati qed jingħataw separatament?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser jintbgħat Perit tad-Dipartiment biex jivverifika jekk l-imsemmi ħajt jappartjenix propjeta’ tal-Gvern , f’liema każ id-Dipartiment ikun jista’ jsegwi bit-tiswijiet meħtieġa.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — direct order

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma l-Onor. Interpellant bejn is-snin 2004 sa Marzu 2015 ngħataw dawn ix-xogħlijiet ta’ konsulenza minn Transport Malta lil kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament; Snin 2010 / 2011 Ammont Konsulenza relatata mal-PSO tal-Gozo Channel €68,978.94 Ma nstabet l-ebda informazzjoni jekk dan is-servizz ingħatax wara sejħa għall-offerti. (Korrezzjoni: Ara Dokument Nru PL 6762 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fis-Seduta 368 nhar it-Tnejn, 14 ta' Marzu 2016)

Triq li twassal lejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata — ftuħ

Question

Jista’ l-Ministru jara li jekk hu possibbli t-triq li mill-ġibjun taċ-Ċimiterju, kienet twassal għal Triq Garibaldi terġa tinfetaħ, għax issa r-residenti li jridu jmorru l-Gudja, Ħal Għaxaq, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, iż-Żejtun u dawk l-inħawi, qed ikollhom iduru dawra żejda? Jista’ jara li l-istreet furniture li hemm fis-central strip fid-daħla taċ-Ċimiterju tiġi mibdula, peress li hija mkissra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-suġġeriment tiegħu ġie mgħoddi lit-team tekniku ta’ Trasport Malta għall-evalwazzjoni.

Rotta 62 – servizz ta’ trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn fil-11 ta' Frar 2016 ma kienx hemm servizz ta’ trasport pubbliku fuq ir-rotta 62 bejn id-9:00 ta’ filgħodu u l-10:00 ta’ filgħodu, u bejn il-5:30 ta’ filgħaxija u s-6:30 ta’ filgħaxija? Jista' jgħid jekk il-kumpanija kenitx immultata għal dan l-inkonvenjent?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindika jekk il-vjaġġi li qed jagħmel referenza għalihom humiex fid-direzzjoni lejn il-Belt Valletta mis-Siġġiewi jew inkella fid-direzzjoni opposta.

Mosta – Triq Ġanni Chetcuti

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk Triq Ġanni Chetcuti li tiżbokka fi Triq il-Kbira Mosta hijiex triq pubblika jew privata, minħabba l-fatt li fejn hemm il-bini, ngħata wiċċ tat-triq u diġà saret il-bankina? Dan minħabba l-fatt li għadu mhux ċar mar-residenti li jgħixu f’din it-triq jekk din l-istess triq tikkwalifikax bħala triq pubblika? Jista’ jagħti risposta bil-miktub u jpoġġieha fuq il-Mejda tal-Kamra.

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont Avviż Legali 29 tal-2010 triq pubblika hi definita bħala triq “li l-Awtorita’ jew Kunsill Lokali għandhom id-dmir li jieħdu ħsieb il-manutenzjoni tagħha.” Għaldaqstant, u skont il-prattika kurrenti, ġaladarba t-triq hi skemata, iffurmata u ngħatat wiċċ, il-manutenzjoni tagħha waqgħet taħt ir-responsabbilta’ tal-Kunsill u għalhekk saret pubblika.