Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xogħol fi Triq Hompesch

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu pprogrammat li jitlesta x-xogħol fi Triq Hompesch, Fgura?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li skond it-termini tal-kuntratt oriġinali x-xogħol kellu jieħu tletin ġimgħa u b'hekk kellu ppjanat li jitlesta' fl-1 ta' April 2002. Minħabba l-azzjonijiet ġudizzjarji li ttieħdu mill-Kunsill Lokali tal-Fgura x-xogħol waqaf għal diversi ġimgħat. Dan ser ifisser li x-xogħol jitlesta f'xi żmien wara d-data oriġinali. Dan iż-żmien ser jiddependi wkoll dwar meta jiġi deċiż li tinbeda t-tieni fażi tax-xogħol, billi issa hu mistenni li x-xogħol jieqaf għall-perjodu tal-Milied.

B'Kara — Telephone Box

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra it-tqegħid ta' kaxxa ta' l-ittri u telephone box fl-area tal-Qattus f'B'Kara għaliex ma hemmx?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fl-inħawi tal-Qattus diġa hemm kaxxa ta' l-ittri fi Triq iż-Żernieq kantuniera ma' Triq Ġanni Vella u oħra qrib l-iskola ta' St. Martin fis-Swatar. Għalhekk mhux jinħass il-bżonn li jiżdiedu kaxxi ta' l-ittri f'din il-lokalita'.

Kuntratt — Tabelli fit-Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu l-kuntratttur li hu inkarigat mit-tabelli ġodda li qegħdin jitwaħħlu fit-toroq bħalissa u kemm hu l-valur ta' dan il-kuntratt? Kemm-il kumpanija tefgħu offerti għal dan ix-xogħol u x'kien il-valur ta' l-offerti tagħhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-kuntrattur li ngħata l-kuntratt għall-provista u twaħħil tas-signage il-ġdid f'Route 1 u l-bini ta' l-istrutturi u l-pedamenti tagħhom huwa VCC Contractors Ltd. Il-kuntratt ingħata għall-valur ta' Lm336,462. Offerti oħra li ntefgħu għal dan ix-xogħol kienu Cosir spa, FAU srl, KHC Enterprises Ltd., Steel Structures Ltd., Associated Holdings u Philip Chircop & Sons. Minn dawn imsemmija hawn fuq l-offerta ta' Cosir spa biss infetħet peress li l-offerti tad-ditti l-oħra ma kienux jilħqu l-istandards mitluba. L-offerta ta' Cosir spa kienet tammonta għal Lm343,878.

Ħamrun — Loading/Unloading Bays

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi hemm fir-rigward ta' l-iżvlupp tal-proġett f'Pjazza 7 ta' Ġunju 1919 fil-Ħamrun, fir-rigward ta' kif dan l-iżvilupp jista' jaffettwa loading/unloading ta' merkanzija ta' xi ħwienet fl-istess misraħ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-disinn tal-pjazza 7 ta' Ġunju sar skond ix-xewqat tal-Kunsill u ġie wkoll approvat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.

Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili

Question

1. Kemm hemm konsulenti barranin jaħdmu mad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili? 2. X'nazzjonalita' huma? 3. X'inhu xogħol ta' kull wieħed minnhom 4. Kemm ilhu impjegat u meta se jagħlaq il-kuntratt ta' kull wieħed minnhom? 5. Xi kwalifiċi speċjali għandhom dawn il-konsulenti, li ma kellhomx ċittadini Maltin biex jagħmlu dan ix-xogħol? 6. Xi ħlas u benefiċċji qed jieħdu kull wieħed minnhom? 7. X'passi qed jittieħdu biex ix-xogħol li jagħmlu dawn il-konsulenti jibdew jagħmluh ċittadini Maltin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa fid-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Civili hemm jaħdmu żewġ Konsulenti barranin bħala Airworthiness Surveyors/Inspectors u dawn bdew jaħdmu b'kuntratt ta' erba' snin, wieħed mill-5 ta' Settembru 2001 u l-ieħor mit-8 ta' Ottubru 2001. In-nazzjonalita' ta' dawn il-Konsulenti hija Bulgara u Ingliża rispettivament. Dawn il-Konsulenti huma kwalifikati skond l-esiġenzi Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni u għandhom bejn disa' u tnax-il sena ta' esperjenza fix-xogħol tagħhom. Id-Dipartiment diġa' rrekluta uffiċjal li spiċċa t-taħriġ formali tiegħu ta' Airworthiness Surveyor/Inspector u li issa beda jakkwista l-esperjenza f'dan ix-xogħol. Azzjoni qiegħda tittieħed biex ikun reklutat uffiċjal ieħor f'dan il-qasam wara li kmieni din is-sena rriżenja wieħed li kien fi stadju avvanzat ta' taħriġ. Fir-rigward ta' Flight Operations Inspectors, id-Dipartiment diġa' rrekluta fuq bażi part-time u ta t-taħriġ meħtieġ lil żewġ Kaptani Maltin. Iżda mhux mistenni li d-Dipartiment ikun fil-pożizzjoni jirrekluta Kaptan Malti bħala Flight Operations Inspector fuq bażi full-time sakemm ma jkunx hawn Kaptana Maltin li jkunu temmew il-karriera tagħhom ta' titjir mal-linja ta' l-ajru li jkunu mpjegati magħha.

San Pawl il-Baħar — By Pass

Question

Jista' l-Ministru b'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari numru 29838 peress li l-By pass ta' San Pawl il-Baħar qed tiddeterjora minħabba li matul dawn l-aħħar tliet snin ma saret ebda manutenzjoni, jinvestiga s-sitwazzjoni u jara li jsir pjan immedjat sabiex jibdew ix-xogħolijiet? Jekk fl-affermatttiv meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-pjan diġa' sar u ġie ppubblikat fil-Master Plan għar-restawr tat-toroq arterjali. Xogħol ta' manutenzjoni fit-triq isir minn żmien għal żmien sabiex kemm jista' jkun it-triq tinżamm operabbli mal grado il-ħsarat li jiżviluppaw fiha minn żmien għal żmien.

San Pawl il-Baħar — Radam u Blat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol qed isir wara l-Knisja ta' ħdejn il-Gillieru f'San Pawl il-Baħar fuq it-triq li qed jitneħħiela l-ġenb tar-radam u blat? X'passi qed jittieħdu biex it-triq ma ċċediex?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta tax-xogħol li qed jitwettaq fil-lokalita'. Ix-xogħol qiegħed jitmexxa mis-sezzjoni tat-Titjieb ta' l-Ambjent fid-Diviżjoni tax-Xogħolijiet. Jien infurmat li l-periti nkarigati minn dan ix-xogħol ikkunsidraw l-istabilita' ta' dan il-post u mexjin bix-xogħol kif tirrikjedi s-sena u l-prassi f' dawn it-tip ta' ċirkustanzi.

Bus Shelters

Question

Jista' l-Ministru jgħid min liema kumpanija qegħdin jinxtraw il-bus shelter li qegħdin jiġu installata fit-toroq bħalissa u x'inhu l-prezz ta' kull bus shelter?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 28861.

Żejtun — Triq is-Suq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir Triq is-Suq, Żejtun li hi kważi kollha abitata u għadha ma saritx? Hi inkluża fil-lista tat-toroq li se jsiru din is-sena jew is-sena d-dieħla?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li Triq is-Suq hija diġa asfaltata u għalhekk xogħol ta' manutenzjoni isir mill-Kunsill Lokali.

Venda Ġdida

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-proġett tal-venda ġdida għall-Qawra, Buġibba u San Pawl il-Baħar matul dawn l-aħħar tliet snin? X'inhija s-sitwazzjoni illum? Jista' jara li l-proġett jinbeda s-sena li ġejja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-ewwel applikazzjoni lill-Planning Authority saret fil-21 ta` Marzu 1997. Minn din id-data kien hemm korrispondenza kontinwa għaddejja bejn l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku u l-Planning Authority. B'ittra mill-Planning Authority datata 17 ta` Jannar ta` din is-sena, l-Awtorita` ġiet infurmata li b'deċiżjoni meħuda mid-Development Control Board ta' l-istess Planning Authority li l-applikazzjoni ġiet sospiża waqt li fl-istess ħin l-Awtorita' intalbet tagħmel is-sottomissjonijiet tagħha. Dawn is-sottomissjonijiet saru b'ittra datata 23 ta' Frar ta' din is-sena. B'ittra li rċevit l-Awtorita` u li ġġib id-data ta' 2 ta` Awissu, ta' din is-sena hija ġiet infurmata li l-applikazzjoni ġiet irrifjutata u ngħatata lura parti mis-somma li tħallset ma' l-applikazzjoni oriġinali. Madanakollu l-Public Transport Authority ser tkompli tinsisti li f'Buġibba tinbena venda ġdida.

San Gwann — Sleeping Police

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir sleeping policeman fin-naħa t'isfel ta' Taż-Żwejt road, San Ġwann?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lill-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta biex tara x'jista' jsir.
Leg 9 PQ #29915 Sitting 647 2001-11-26 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Reserved Parking Space

Question

Jista' l-Ministru jara li r-reserved parking space għall-persuna bi bżonnijiet speċjali li tgħix fl-indirizz li qed nibgħat separatament tiġi mogħtija ż-żebgħa safra mill-ġdid peress illi din iċċarat u jinkiteb il-kliem reserved jew jitpinġa s-simbolu ta' wheelchair kif hemm f'partijiet ta' parkeġġ reserved simili?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li skond ir-records tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku m'hemm l-ebda approvazzjoni għal reserved parking bay għal persuna b'diżabilita' fl-indirizz indikat mill-Onor. Interpellant. Fiċ-ċirkustanzi nitlob lill-Onor. Interpellant jissuplixxi l-isem tal-persuna f'każ li n-numru fit-triq ikkonċernata ġew mibdula.

Maltapost

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħaddiema tal-Maltapost li kienu jaħdmu fil-fergħa ta' Raħal Ġdid u ġew transferiti għall-posta ta' Bormla humiex ser jibqgħu hemm għal dejjem jew għal żmien temporanju?

Response (GALEA, ĊENSU)

Dan il-Ministeru hu responsabbli mill-aspetti regolatorji tal-Maltapost u mhux responsabbli għall-amministrazzjoni tal-kumpanija. Għalhekk l-Onor. Membru huwa mitlub li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Xatt il-Belt — Dwal fil-Mina

Question

Jista' l-Ministru jgħid tistax il-mina fix-Xatt il-Belt terġa' tiddawwal mill-aktar fis?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li għalkemm dan ix-xogħol mhux responsabilta' tad-Dipartiment tat-Toroq, l-Enemalta u l-Kunsill Lokali ġew mitluba jieħdu ħsieb sabiex il-mina terġa tiddawwal.

Traffic Management — Pedestrian Crossing

Question

Jista' l-Ministru jieħu dawk il-passi kollha neċessarji sabiex tiġi kostruita sistema ta' kontrol tat-traffiku fi Vjal il-Blue Grotto Zurrieq u dan bill-liġi kostruita trafic management u pedestrian crossing, bħal dik li ġiet kostruita fl-istess triq, fil-parti qrib Qrendi Road u dan meta wieħed iqis n-numru ta' inċidenti tat-traffiku fejn fost oħrajn tilfu ħajjithom/ġew feruti gravi, Rokku Camilleri, Elizabeth Camilleri u Maria Camilleri?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lill-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta biex tara x'jista' jsir.

Imqabba — L-Akwati tal-Matla

Question

Peress li fi Triq hons Alfons Caruana, Triq il-Franka u l-akwati tal-Matla l-Imqabba, qiegħed jaqa l-ilma kollu tax-xaqliba l-oħra ta' l-Imqabba u tal-ġibjun appena dan ifur (peress li dawn it-toroq qegħdin fuq maqgħad) jista' l-Ministru jara x'passi jistgħu jittieħdu biex dawn l-akwati jingħataw wiċċ u l-ilma jiġi mgħoddi min kanali sabiex b'hekk ma jibqux jgħerqu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex flimkien mal-Kunsill Lokali jara l-każ u jiġi stabbilit x'jista' jsir.

Ħal Luqa — Inspection

Question

Jista' l-Ministru, peress li qed ikun hemm interferenza kontinwa fir-reception televiżiv, jordna li ssir inspection f'Ħal Luqa fl-akwati ta' Triq Mikelangelo Sapiano, u Tarxien road?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li mill-investigazzjonijiet li saru mid-Dipartiment tat-Telegrafija mingħajr Fili fl-akwati ta' triq Mikelangelo Sapiano u Triq Tarxien, ġewwa Ħal Luqa, ma rriżultaw l-ebda sinjali ta' interferenza fuq l-istazzjonijiet televiżivi fil-band VHF u UHF. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika aktar fuq liema stazzjonijiet tat-televiżjoni hemm l-interferenza, xi kwalita' ta' nterferenza qed tiġi osservata u f'liema ħinijiet tal-ġurnata.

San Ġiljan — Parking Management

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar il-kundiżżjonijiet tat-tender għall-management tal-parking f'Pender Place San Ġiljan? Jikkonferma l-Ministru li l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet tal-kuntratt ma nbidlet wara li dan ingħata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li peress li l-propjeta' ta' Pander Place hija amministrata mill-MIMCOL, l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Imtarfa Bypass

Question

Jista' l-Ministru jaġġornani dwar is-sitwazzjoni tal-bypass ta' l-Imtarfa u ċioe meta se jitkomplew ix-xogħlijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol fuq l-ewwel karreġjata issa tlesta' u mistenni li jibda x-xogħol għal bini ta' lqugħ tat-triq fuq in-naħa tal-wied biex ikun jista' jitkompla x-xogħol fuq it-tieni karreġjata.

San Pawl il-Baħar Bypass

Question

Jista' l-Ministru jaġġornani dwar is-sitwazzjoni tal-bypass ta' San Pawl il-Baħar u ċioe meta se jitkomplew ix-xogħlijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

M'hemm xejn x'inżid mar-risposti preċedenti dwar dan is-suġġett.