Jista' l-Ministru jgħid meta s-surġent li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ħa l-promozzjoni ta' Surġent Maġġur (data preċiża)? Jista' jgħid fejn kien ġie assenjat wara li kien ġie promoss bħala Surġent Maġġur? Jista' jgħid meta rtira mill-Korp dan l-individwu (data preċiża)?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li s-surġent li d-dettalji dwaru ngħataw separatament, ingħata l-promozzjoni għar-rank ta’ Surġent Maġġur tat-Tieni Klassi b’effett mill-15 ta’ Novembru 2013. Qabel il-promozzjoni kien stazzjonat ġewwa l-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin u uffiċjalment bil-letter-minute baqa’ f’dik it-taqsima sal-11 ta’ Settembru 2014. B’effett mit-12 ta’ Settembru 2014 ġie stazzjonat l-għassa ta’ Bormla bħala persuna inkarigata mid-detail tad-Diviżjoni, min fejn spiċċa bil-penzjoni b’effett mill-11 ta’ Mejju 2015.
Korp tal-Pulizija — karozzi tal-ex Kummissarju u tal-ex Aġent Kummissarju
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-ex Kummissarju tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadu jagħmel użu mill-karozza tal-Korp tal-Pulizija u s-servizz ta' xufier li hu pulizija? Jista' jgħid jekk hux minnu li l-ex Aġent/Deputat Kummissarju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadu qed jagħmel użu mill-karozza tal-Korp tal-Pulizija u s-servizz ta' xufier li hu pulizija? Jista' jgħid min qed iħallas il-page ta' dawn iż-żewġ xufiera li minkejja li huma pulizija mhux qed jagħmlu xogħol ta' pulizija imma huma assenjati bħala xufiera ma' żewġ individwi li huma rtirati mill-Korp? Jista' jgħid dawn l-individw għadhom qed jagħmlu użu mill-karozza tal-Korp u mix-xufiera meta dawn irtiraw mill-Korp? Jista' jikkonferma li l-garaxx tal-pulizija qed jissuplixxi lil dawn iż-żewġ vetturi bil-fuel kif kien isir meta dawn iż-żewġ indivdwi kienu membri tal-Korp tal-Pulizija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-ex Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll l-ex Aġent/Deputat Kummissarju li d-dettalji dwarhom ingħataw separatament għadhom qed jagħmlu użu mis-servizz ta' xufiera li huma membri tal-Korp. Filwaqt li l-ex Agent/Deputat Kummissarju jagħmel użu minn karozza tal-Korp, il-vettura li jagħmel użu minnha l-ex Kummissarju m’hiex tal-Korp. Ix-xufiera li qed jagħmlu dan ix-xogħol jitħallsu mil-vot tas-salarji tal-Pulizija. Il-vettura tal-Pulizija biss tingħata fuel mil-pompa tal-Korp. Dan huwa arranġament temporanju.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li twaqqfet unit ġdida fi ħdan is-CPD bl-isem ta' Urban Search and Rescue (USR)? Jista' jgħid meta ġiet imwaqqfa l-USR (data preċiża)? Jista' jispjega u jgħid x'se jkun ir-rwol tal-USR u x'tip ta' xogħol se tkun qed twettaq? Jista' jgħid jekk kienx hemm sejħa interna jew pubblika biex wieħed setgħa jissieħeb fil-USR? Jista' jgħid jekk kienx hemm bord tal-għażla li għażlu n-nies għal din il-unit u jekk le fuq liema merti u kif ġew magħżula n-nies? Jista' jgħid kemm hemm nies li qed jiffurmaw parti mill-iskwadra l-ġdida? Jista' jgħid mil-liema post se tkun qed topera din l-iskwadra? JIsta' jgħid min hu l-uffiċjal li se jkun responsabbli minn din l-iskwadra u x'inhu r-rank tiegħu?
Response (ABELA, CARMELO)
Din l-unit kienet teżisti fi ħdan il-voluntiera għal numru ta’ snin. Issa li dan il-Gvern ħa ħsieb li jsaħħaħ id-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, din il-unit tista’ tibda tgħamel parti mill-forza regolari. In-nies kollha huma mħarrġa u dan ix-xogħol kienu qed jgħamluh sa minn snin ilu. F’din il-unit hemm 15 –il persuna taħt it-tmexxija ta’ l-Operations Manager. Ix-xogħol ta’ din il-unit huwa l-istess bħalma hemm f’units oħra fl-ewropa kollha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw fi flus l-ispare parts li nxtaraw b'kollox mill-garaxx tal-pulizija bejn Marzu 2013 sa Ġunju 2015? Jista' jgħid jekk dawn inxtrawx wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Jista' jgħid min kienu l-aġenti, kumpaniji, individwi li nxtraw minn għandhom dawn l-ispare parts?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba l-ammont ta’ informazzjoni mitluba, l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fih il-Fond Ġenerali tal-Pulizija u meta sar l-aħħar awditjar ta' dan il-Fond?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Fond Ġenerali tal-Pulizija fih bilanċ ta’ €8,282.73. Peress li jirri¿ulta li dan il-Fond ilu ma jiġi vverifikat mill-Awditur Ġenerali għal diversi snin u ma nstabx ħjiel jekk fil-fatt qatx ġie verifikat skont ir-regolament 12(4) tal-Avviż Legali 14/60 kif sussegwentament amendat. Il-Kummissarju kurrenti talab mal-ewwel lill-Awditur Ġenerali biex jagħmel verifika tal-fond in kwistjoni. Fil-fatt, bħalissa, il-Fond qed jiġi vverifikat mill-‘Internal Audit Investigations Directorate (IAID)’.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — ingaġġ ta' individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk, u filkas liema, entitajiet, bordijiet, awtoritajiet, dipartiment u simili li għalihom huwa responsabbli fid-dekasteru tiegħu, ħatrux, appuntawx jew innominaw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għal xi kariga, uffiċċju, jew ħatra, hi liema hi, mill-10 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’kienet il-ħatra, uffiċċju jew kariga? X’kien il-ħlas għaliha?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda entita, bordijiet, awtoritajiet, dipartiment u simili li għalihom huwa responsabbli fid-dekasteru tiegħi, ma ħatru, appuntaw jew innominaw lill-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament għal xi kariga, uffiċċju, jew ħatra.
Aġenzija Identità Malta — Impjegata tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li gwardjana tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jew impjegata oħra fl-istess faċilità, ingħatat il-permess li taħdem f’dipartiment li jaqa’ taħt l-Aġenzija Identità Malta? Jekk iva, min awtorizzaha tagħmel dan? Jista’ jikkonferma jekk dan sarx bil-kundizzjoni li sakemm hija tkun qed taħdem f’dan id-dipartiment, jibqa’ jgħoddilha s-servizz ta’ 25 sena għall-pensjoni?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li nikkonferma li gwardjana mill-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin ingħatat il-permess temporanjament li taħdem f’dipartiment li jaqa’ taħt l-Aġenzija Identità Malta. Nikkonferma ukoll li sakemm hija qed taħdem f’dan id-Dipartiment is-servizz ta’ 25 sena mhux qiegħed jghoddilha għall-pensjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex twaqqaf wara ġurnata l-kors ta’ B1 Cook tal-Forzi Armati ta’ Malta din il-ġimgħa? Jaf il-Ministru li s-suldati li kienu qed jattendu ħallsu għall-ikel li kellu jintuża f’dan il-kors?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kors imsemmi twaqqaf għaliex ġiet identifikata opportunita’ li taħriġ fl-imsemmija snajja jsir f’istituzzjoni rikonoxxuta, li normalment jiswa’ l-flus, u li jagħti lill-kandidati mhux biss kwalifika rikonoxxuta fl-Armata imma anke barra mill-istess Forza. M’għandix dubju li l-Onor. Interpellant jaqbel li dan huwa investiment fil-membri tal-Armata. Fir-rigward tal-ikel li kellu jintuza għall-kors, ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa nfurmat ħazin, għaliex dan jinxtara mill-Armata bħala parti mill-kors. Il-kandidati jħallsu biss għal dak li jridu jikkonsmaw personalment fil-ħinijiet tal-breaks bħal ma jsir kuljum.
Forzi Armati ta’ Malta – transfers mis-servizzi tad-detenzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il transfer ħarġu għal suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta mis-servizzi tad-detenzjoni fl-aħħar jiem, inkluż din il-ġimgħa? Fejn ġew trasferiti dawn is-suldati?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal darba oħra huwa nfurmat ħażin, dan għaliex fl-aħħar jiem mhux transfers kien hemm mis-servizz ta' Detenzjoni imma twaqqif ta' secondments. Dan minħabba nuqqas fin-numru ta' detenuti. In-numru nvolut kien ta' tmintax (18) u dawn qed iservu fl-Ewwel Reġiment skont l-esiġenzi tas-servizz. Sebgħa (7) mill-imsemmija tmintax (18) kienu diġa' jifformaw parti mill-istess l-Ewwel Reġiment.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu l-Qorti pulizija akkużati b’reati kriminali (kumpilazzjonijiet) tul is-sena 2014? Jista’ jgħid b’liema reati ġew akkużati?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul is-sena 2014, kien hemm ħames (5) uffiċjali tal-Pulizija li tressqu b’kumpilazzjoni l-Qorti. Dawn kienu akkużati b’dawn ir-reati:
1. Sewqan traskurat u perikoluż
2. Sewqan traskurat
3. Attentat ta’ qtil
4. Ħebb bi vjolenza fuq il-persuna
5. Tbagħbis ta’ evidenza
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu l-Qorti pulizija akkużati b’reati kriminali (kumpilazzjonijiet) tul is-sena 2013? Jista’ jgħid b’liema reati ġew akkużati?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li matul is-sena 2013, kien hemm erba’(4) uffiċjali tal-Pulizija li tressqu b’kumpilazzjoni l-Qorti. Dawn kienu akkuzati b’dawn ir-reati:
1. Sewqan perikoluż
2. Serq aggravat
3. Ġrieħi ta’ natura ħafifa u sewqan perikoluż
4. Grieħi ta’ natura ħafifa
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu l-Qorti pulizija akkużati b’reati kriminali (kumpilazzjonijiet) tul is-sena 2015? Jista’ jgħid b’liema reati ġew akkużati?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li matul is-sena 2015 (sa Ġunju), kien hemm sitt (6) uffiċjali tal-Pulizija li tressqu b’kumpilazzjoni l-Qorti. Dawn kienu akkużati b’dawn ir-reati:
1. Frodi/misapproprazzjoni.
2. Distribuzzjoni ta’ voti llegali
3. Distrubuzzjoni ta’ voti llegali
4. Serq aggravat
5. Xorb ‘il fuq mil-limitu stabbilit, sewqan eċessiv u qtil involontarju
6. Korruzzjoni u tixħim
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkunu mħallsa l-flus dovuti għall-overtime li kienu għamlu l-pulizija u li qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet ġew imwegħda li se jitħallsu?
Response (ABELA, CARMELO)
Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li kienu Gvernijiet Nazzjonalisti li wiegħdu u ma żammewx il-wiegħdi li għamlu lill-Pulizija f’dan ir-rigward. Dan il-Gvern qed jaħdem biex jimplimenta dak li hemm fil-programm elettorali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il inspection taħt il-kategorija ta' places of entertainment saret mill-pulizija fuq il-post li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jinsab fil-limiti tal-Ħandaq bejn Jannar 2012 u Ġunju 2015? Jista' jgħid min hu l-licencee jew/hu is-substitute tal-istabbiliment msemmi hekk kif titlob il-liġi u l-awtoritajiet kompetenti? Jista' jgħid jekk il-pulizija qadtx ħadet azzjoni kontra il-licencee jew/is-substitute bejn Jannar 2012 u Ġunju 2015 jew jekk qattx ittieħdu azzjonijiet ta' infurzar oħra mill-Pulizija fuq l-istabbiliment msemmi? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid fuq min inħarġu l-akkużi u jekk il-każ kienx deċiż mill-Qorti?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Ninsab infurmat li saru żewġ spezzjonijiet mil-Pulizija tad-Distrett fil-lokalita ,msemmija u li fis-7 ta’ April 2015 ħarġet akkuża kontra is-sid tal-post magħruf bħala ‘Iċ-Ċavett’, talli dan iggestixxa attivita kummerċjali, mingħajr liċenzja mill-Awtorita Kompetenti. Il-każ ġie appuntat għal 10 ta’ Settembru 2015, quddiem il-Magistrat Dott. Saviour Demicoli. Peress li lokalita mhux liċenzjata biex tintuża għal attivita kummerċjali, ma hemmx licencee jew substitute tal-istabbiliment msemmi hekk kif titlob il-liġi u l-awtoritajiet kompetenti.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — konsulenza lill-individwu
Question
Jista l-Ministru jgħid l-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru li hu jmexxi tawx xi forma ta' konsulenza lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma ngħata l-ebda konslulenza lill-individwu li d-dettalji dwara nbgħatu separatament mill-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17288 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u cioè jgħid x'inhi l-policy f'dak li jirrigwarda clamping zones? Kemm hawn clamping zones awtorizzati madwar Malta u Għawdex? Fejn huma ż-żoni li fihom jistgħu jiġu clamped il-vetturi? Fil-każijiet fejn hu permessibli l-clamping, kemm hu l-ħlas stipulat li għandu jitħallas??
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din l-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
San Pawl il-Baħar u San Ġiljan – Neighbourhood watch
Question
B'referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 11650 u 16221, jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi ġodda għal dak li jirrigwarda n-neighbourhood watch? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx possibiltà li neighbourhood watches jiġu stabiliti fl-iqsar żmien possibli, iktar u iktar meta wieħed iqis li qed jinħolqu sitwazzjonjiet ta' diffikultà, b'mod partikulari f'postijiet bħalma huma San Pawl il-Baħar, u San Ġiljan?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma kien hemm l-ebda zviluppi ġodda għal dak li jirrigwarda n-neighbourhood watch. Għalhekk nitolbu jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 11650.
B'referenza għar-risposti parlamentari 16104, 17249 u 17402, jista' l-Ministru jgħid x'se tkun id-differenza fix-xogħol bejn is-C Company u l-Ispecial Operations Unit li se titwaqqaf fi ħdan il-Forzi Armati ta' Malta? Jista' jgħid jekk il-personnel office tal-Forzi Armati ta' Malta għamilx studju ta' kif se jkun qed jaħdem dan il-unit il-ġdid? Jista' jgħid jekk hux se jingħata tagħrif apposta lill-membri li se jiġu magħżula f'dan il-unit il-ġdid? Jista' jgħid kif ġew/se jiġu magħżula l-membri l-ġodda li se jkunu qed iservu f'dan il-unit il-ġdid? Jista' jgħid min kienu jew se jkunu l-persuni fuq l-interviewing board li għażel/se jagħżel il-persuni li biex ikunu f'dan il-unit? Jista' jgħid jekk kienx hemm sejħa interna u x'kienu r-rekwiżiti biex wieħed seta' japplika biex jissieħeb f'dan il-unit il-ġdid?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għal-mistoqsija parlamentari 17402.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-regolamenti għall-ħinijiet tal-postijiet ta’ divertiment f’pajjiżna? X’miżuri qed jittieħdu biex isir kontroll ta’ dawn ir-regolamenti u li jkunu osservati?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li r-regolament li specifikament jistabilixxu il-ħinijiet differenti tal-operat ta’ postijiet ta’ divertiment huma, il-Legislazzjoni Sussidjarja numru 441,07, dwar Regolamenti dwar il-licenzji tal-Kummerċ u il-legislazzjoni Suddidjarja numru 10,40, dwar ir-Regolamenti biex jinzamm il-bon ordni f’lokalitajiet tad-divertiment. Biex jiġu mħarsa u osservati il-ħinjiet u r-regolamenti in kwistjoni, il-Pulizija tagħmel diversi spezzjonijiet waqt il-qasi ta’ dmirijietha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura u mutur għandu l-Korp tal-Pulizija ġewwa Għawdex u Kemmuna? Jista' jgħid kull vettura x'marka hi u ta' liema sena hi? Jista' jgħid kull vettura jew mutur mil-liema taqsima tal-Pulizija ġewwa Għawdex qed jintuża?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.