Legislature:
Category:
Reset
Active:

Taxi Drivers — Liċenzji

Question

Jaqbel il-Ministru li taxi drivers ma jistax ikollhom liċenzja tal-mestjier tagħhom jekk ikollhom records kriminali u li jekk jiġri dan titteħdilhom din il-liċenzja għal raġunijiet ovvji ta' sigurta' għall-passiġġieri prospettivi tagħhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-Awtorita dwar it-Trasport ta’ Malta toħroġ tags lix-xufiera li jridu jsuqu kull tip ta’ vettura tat-Trasport Pubbliku. It- tags jinħarġu skond l-Avviż Legali numru 44 tat-2006. It- tag tista' tiġi irtirata mill-Awtorita' f’każ li x-xufier jinstab ħati fil-qorti ta’ atti kriminali ta’ gravita skond l-Atti Legali tat-2006 u /jew f’każ li xufiera tat- taxis jiksru l-kundizzjonijiet (No 7, 12, 16) tal-ftehim li ġie iffirmat (Kodiċi ta’ Kodotta) mas-sidien tat- taxis . Qed inpoġġi fuq il-mejda kopja tal-Kodiċi ta’ Kondotta.

Għargħur — Kamra tan-Nar

Question

Jista' il-Ministru jara jekk tistax titwessa t-triq li tagħti għall-kamra tan-nar San Bert ta' l-Għargħur, li hi liċenzjata, għaliex jekk jinqala' xi inċident lanqas hemm minfejn tgħaddi fire-engine?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-passat, id-Direttorat tat-Toroq għamel xogħlijiet ta’ tiswija fit-triq imsemmija bl-iskop li jiġi ffaċilitat l-aċċess fl-inħawi. It-twessiegħ tat-trejqa imsemmija jiġi kkunsidrat skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Xufiera tal-Minivans — Trasport ta' Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji, jekk hemm, li bihom persuna tkun tista' tingħata liċenzja ta' xufier ta' minivan biex tittrasporta studenti lejn u mill-iskejjel tal-gvern, tal-knisja u tal-privat? Jekk jeżistu dawn il-kriterji, jista' jgħid kemm ilhom in vigore?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li sabiex xufier ikun jista' jsuq vettura tat-Trasport Pubbliku irid ikollhu tag li tkun maħruġa mill-ADT skond l-Avviż Legali numru 44 tas-sena 2006 u l-liċenzja tas-sewqan adattata kif provdut fir-regolamenti dwar Liċenzji għas-Sewqan ta’ Vetturi bil-Mutur.

Imtaħleb/Ħad-Dingli — Triq il-Ħamri

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk Triq il-Ħamri, li tagħti bejn l-Imtaħleb u Ħad-Dingli, tistax tingħata tarmac għax qiegħda fi stat ħażin ħafna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant mhijiex triq arterjali u l-anqas distributorja, u b’hekk il-manutenzzjoni ta’ din it-triq mhijiex responsabilta tal-Gvern Ċentrali.

Belt Valletta — Bus Terminus

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20313 u jgħid kemm fil-fatt hi kkalkultata l-ispiża biex jiġi mmodernizzat il-bus terminus tal-Belt Valletta skond id-dipartiment/awtorita' konċernata? Jista' ipoġġi dettalji/pjan/tagħrif li għandu d-dipartiment/awtorita' jew ente responsabbli mill-immodernizzar tal-bus terminus tal-Belt Valletta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett ta' l-immodernizzar tal-bus terminus tal-Belt Valletta qiegħed jitmexxa b'ko-ordinazzjoni bejn dan il-Ministeru u l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta. L-ispiża ta' dan il-proġett hija mistennija tlaħħaq il-Lm140,000. Dettalji dwar dan il-proġett mistennija jitħabbru aktar tard din is-sena.

San Ġwann — Naxxar Road

Question

Jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi biex jinżebgħu z-zebra crossings kollha li hemm f'Naxxar Road, San Ġwann li huma faded?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li ser isiru spezzjonijiet biex nevalwaw il-kundizzjoni ta’ dawn ir-road markings sabiex jittieħdu l-passi neċessarji ħalli x-xogħol li hemm bżonn isir.

Ħal Tarxien — Pedestrian crossing

Question

Jista' il-Ministru jixtarr il-possibbilta' li mill-aktar fis issir pedestrian crossing quddiem Dar Nazareth, f'Ħal Tarxien minħabba l-periklu kbir li hemm għal min jaqsam minn hemm?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċċjali tat-Taqsima għall-Immanniġġjar tat-Traffiku irriżulta li bi skema ta’ junction upgrading u pedestrian crossing fi Triq Palma, kemm it-traffiku kif ukoll il-pedestrians ikollhom aċċess aħjar fl-inħawi. Minn riċerka li saret fir- records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku ta’ dawn l-aħħar erba’ snin irriżulta li ma kien hemm l-ebda talba mill-Kunsill Lokali Tarxien għal pedestrian crossing fi Triq Palma. It-Taqsima ghall-Immaniġjar tat-Traffiku ser jikkuntattja lil Kunsill Lokali biex flimkien jaraw x’jista jsir.

Gudja — Pedestrian crossing

Question

Jista' il-Ministru jgħid, anke wara d-diversi mistoqsijiet li jien għamilt fuq dan l-istess suġġett, fiex wasal is-suġġeriment tiegħi lill-awtorita' dwar it-trasport sabiex issir pedestrian crossing fi Triq Dawret il-Gudja, fil-Gudja minħabba l-periklu evidenti u kostanti li min jaqsamha jkollu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li nneċessita li ssir din il-pelican crossing ġiet ippjanata bħala parti mix-xogħlijiet għal upgrading ta’ din it-triq. Minħabba li l-ispiża hija sostanzjali l-ADT se tipproċedi sabiex din il-pelican light tidħol fil-lista ta’ prijorita ta’ l-implementazzjoni ta’ pelican crossings.

Imtarfa/Hemsija — Bypass

Question

Jista' il-Ministru jinformana u cioe' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapport ta' l-esperti li ddikjaraw li s-sistema tal-gabione (li ntużat fil-proġett ta' Wied il-Qlejgħa) mhux tajba għall-infrastruttura tal-bypass ta' l-Imtarfa u tal-Ħemsija li bis-sistema li ntużat dawn it-toroq xorta sfrundaw?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li d-difetti li irriżultaw fi triq il-Ħemsija m'humiex relatati mall-bini ta' ħitan tul dawn it-toroq. Il-bini ta’ ħajt ta’ lqugħ biex iżomm il- bypass ta' l-Imtarfa ma setgħax jinbena bis-sistema tal- gabion walls . Dan għaliex dan it-tip ta’ ħajt m'għandux is-saħħa strutturali biex jilqa' t-toqol tal-materjal tafli warajh kif ukoll toqol u vibrazzjonijiet tat-traffiku ta’ vetturi tqal. Għalhekk inbena ħajt sod bil-blokki tal-franka li ġew miksija bil-blokki tas-sejjieħ. Fil- bypass tal-Ħemsija intużat sistema ta bini ta’ ħitan tal-lqugħ tar-raba li tikkonsisti fil-bini ta’ ħitan bill-knaten tal-franka li mbagħad ġew miksija bill-bini ta' ħitan tas-sejjieħ. Is-sistema ta’ ħitan bil- gabion wall ġeneralment tintuża biex jinżamm terrapien u ħamrija f’widien u raba. Din is-sistema ta’ bini ta’ ħitan ġiet mistħarġa mill-ADT għall-bini ta’ ħitan tul toroq arterjali. Din is-sistema għandha numru ta’ żvantaggi li huma; il-bini ta’ dawn il-ħitan huwa għola mill-bini ta’ ħitan b’metodi tradizzjonali; tinħtieġ aktar art għal bini tal-ħitan għaliex kull filata (metru) trid tiġi rtirata il-ġewwa; ix-xogħol jieħu iktar ħin biex jitlesta u il- gabion (li hi magħmula minn xibka tal-ħadid) tiddetorjora bir-riżultat li jaqgħa dan il-hajt.

Santa Venera — Triq Kardinal Sciberras

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa d-direttorat tat-traffiku fi ħdan l-Awtorita' dwar it-Trasport fil-konfront tas-sindku ta' Santa Venera li mhux jobdi direttivi ta' l-istess direttorat dwar ksur tar-regolamenti tat-traffiku (regolament 77) fil-każ ta' ipparkjar quddiem garage fi Triq Kardinal Sciberras, Santa Venera, u li dwar dan il-każ kien hemm kommunikazzjoni u korrispondenza minn koppja anzjana mad-direttorat tat-traffiku u u l-aġġornament tiegħi fil-Parlament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ADT kitbet uffiċjalment fit-18 ta’ April, 2006 lill-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera biex tinforma li l-ADT ma ħarġet l-ebda permess għaż-żebgħa f’din il-parti tat-triq. Kopja ta’ din l-ittra ntbagħtet ukoll lill-għassa tal-Ħamrun. Sadanitant l-ADT ħasret diversi drabi ż-żebgħa li qed issir mingħajr permess.

Testijiet tas-sewqan

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta kienet l-ewwel darba li sar jaf b'rapporti dwar li uffiċjali ta' l-awtorita' dwar it-trasport kienu qed jieħdu l-flus biex jgħaddu persuni mit-test tas-sewqan? Meta ħa passi l-Ministru dwar dawn ir-rapporti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien sirt naf bil-possibilita' li seta' kien qed isir abbuż fid-Driving Examiners' Unit fir-raba' ġimgħa ta' Mejju wara li l-manager tal-Unit bagħat rapport lis-CEO fejn infurmah b'inċident li seħħ fis-16 ta' Mejju u li minnu ħareġ li instructor ta' skola partikolari seta' kien qed jiġbor flus żejda minn għand xi kandidati bħala garanzija biex dawn jgħaddu mill-eżami. Is-CEO kien beda' jinvestiga internament dan il-każ. Din kienet twaqqfet meta sar magħruf li l-pulizija kienet għadejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar l-istess każ. Fit-22 ta' Ġunju ġejt mgħoddi kopja tar-rapport tal-pulizija dwar l-investigazzjoni tagħha. L-għada waqqaft bord ta' inkjesta skond l-Att dwar l-Investigazzjonijiet (Kap.273) bit-terms of referenceli jidhru fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.

Electric cars

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpanniji differenti li wrew interess u applikaw biex jipprovdu karozzi li jaħdmu bl-elettriku għall-Belt Valletta? Liema kienu dawn il-kumpanniji? Liema minnhom intgħażlet? B'liema kriterji ntgħażlet? Jista' jgħid jekk din il-kumpannija għandux rabtiet magħha l-ex chairman ta' l-ADT?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kien hemm zewg kumpanniji li ssottomittew proposti biex jipprovdu u joperaw karozzi li jahdmu bl-elettriku fil-Belt Valletta. Dawn kienu Mikrozzini Co Ltd u CT Park Limited. Il-proposta ta’ CT Park Limited intaghzlet fuq kriterji stabbiliti u ppublikati fit-tender document. Evaluation Criteria Max Weighting Rationale The level of understanding of the assignment in terms of business operations and functions; 5 Strategy The completeness and quality of the Tender; 10 The functional and technical solution proposed; 10 Environmental sensitivity of design and operation 5 Services The services and vehicles proposed (including fare levels) 15 Attractiveness of customer rates proposed (cheapest first) 45 Total Technical Score 90 Financial Proposal 10 Total Commercial Score 10 Overall Total Score 100 Il-Ministeru ma tirriżultalux informazzjoni li l-ex Chairman ta' l-ADT għandu xi shareholding jew karigi mal-kumpannija li ntghazlet ghal dan it-Tender.

Park & ride

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif il-Ministri se jitwasslu fil-ministeru rispettiv tagħhom minn meta tidħol fis-seħħ il-park & ride u meta l-Belt Valletta se tinbidel f'pedestrian zone?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-Ministri ser jibqgħu jitwasslu l-Belt bħal ma jagħklu llum. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-Belt Valletta mhiex ser tinbidel f'pedestrian Zonekollha. Partijiet minnha biss ser ikunu magħluqin għall-karrozzi. Pjanta turi dawn it-toroq qed tiġi mqiegħda guq il-mejda tal-Kamra. Dawk il-Ministri li għandhom il-Ministeri f'din iż-zona ser jinstabilhom parkeġġ viċin, barra miż-żona pedonali.

Ħaż-Żabbar — Triq San Ġużepp

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan li tkun irranġata Triq San Ġużepp, bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, minħabba li kull meta tagħmel ix-xita qed jinħoloq kull inkonvenjent għall-pubbliku minħabba l-kwantita' ta' ilma li żżomm fiha?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-Triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant mhux triq arterjali u l-anqas distributorja u għaldaqstant il-manutenzjoni ta’din it-triq għandha ssir mill-Kunsill Lokali. Madankollu mhux eskluż li jistgħu jsiru xi interventi fuq din it-triq meta jkunu qed isiru x-xogħlijiet fuq il-bypass ta' Wied il-Għajn, meta din it-triq tista' tintuża bħala devjazzjoni waqt parti mix-xogħlijiet.

Mġarr — Triq iż-Żebbiegħ

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li l-bankina fi Triq iż-Żebbiegħ, fl-Imġarr Malta tiġi rranġata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ser isiru l-ispezzjonijiet fuq il-bankina imsemmija fil-mistoqsija tiegħu biex tkun tista' ssir stima għax-xogħolijjiet meħtieġa. Wara li ssir stima, jkun evalwat jekk dawn jekk dawn ix-xogħolijiet jistgħux jidħlu fil-prijoritajiet immedjati.

Belt Valleta — Bus Terminus

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20178 u jgħid kemm fil-fatt hi kkalkulata l-ispiża biex jiġi mmodernizzat il-bus terminus tal-Belt Valletta skond id-dipartiment/awtorita' konċernata? Jista' ipoġġi dettalji/pjan/tagħrif li għandu d-dipartiment/awtorita' jew ente responsabbli mill-immodernizzar tal-bus terminus tal-Belt Valletta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f'seduta oħra.

Ħaż-Żabbar — Triq Patri Schembri

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fuq Triq Patri Schembri, Ħaż-Żabbar? Dan minħabba li saru xi linji sofor fuq naħa waħda biss tat-triq.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpelant li fix-xhur li ghaddew l-ADT bniet mill-gdid Triq Patri Schembri u parti min Triq il-hofra u parti minn Triq il-maghsar. Bhala tkomplija tal-progett il-Koperativa tat-Tabelli u Sinjali bdiet timmarka s-sinjali mehtiega. Ix-xoghol ghandu jitkompla fil-granet li gejjin.

Mtarfa bypass

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga u jinformani għaliex it-tarmac tal-bypass ta' l-Imtarfa li ftit xhur ilu ġie rranġat, reġa' inqasam bir-riżultat li reġgħet sfrondat parti mill-bypass?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saru investigazzjonijiet fuq it-triq imsemmija madwar sena ilu, meta kienu ffurmaw l-ewwel qsim fuq il-parti ta’ ġewwa tat-triq. Minn dawn l-investigazzjonijiet irriżulta li peress li l-parti ta’ ġewwa nbniet qabel ma kien inbeda x-xogħol tal-ħajt, waqt l-iskavar tal-parti ta’ barra tat-triq fejn kien hemm masses ta’ tafal ċediet u b’hekk inħolqu dawn il-qsim. Parti minn dawn il-qsim ġew irranġati bix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni f’din il-parti. Bħalissa l-ADT qed timmoniterja din l- area biex wieħed ikun jista’ jevalwa kif u kemm qed jiżdiedu dawn il-qsim biex isir intervent ta’ tiswija fuq partijiet tal-karreġjata ta’ ġewwa.

Skejjel tas-Sewwieqa — Eżamijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'arranġament hemm ma' skejjel tas-sewwieqa biex isiru eżamijiet nhar ta' Sibt? Meta daħal l-arranġament biex l-eżamijiet isiru s-Sibt u għaliex?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi f’Settembru 2004 l-Awtorita' dwar it-Trasport irciviet talba mill-Kumitat tas-Sezzjoni li tirrapprezenta l-iskejjel tas-sewqan Maltin fi hdan il-General Workers Union fejn talbu lill-Awtorita' sabiex isiru t-testijiet tal-vetturi nhar ta’ Sibt ukoll apparti matul il-gimgha. Din it-talba giet milqugha mill-ADT f’Ottubru 2004 u minn dak iz-zmien l’hawn bdew isiru t-testijiet tal-vetturi s-Sibt ukoll. Kanditati li jkunu jridu jaghmlu t-test is-Sibt iridu jhallsu mizata ta’ Lm10 zejda sabiex ikopri l-ispejjez tal-overtime tal-impjegati tal-ADT.

Xgħajra — Triq A.G. Cestni

Question

No question text.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-Triq imsemmija giet inkluza fil-programm ta’ toroq li jridu jsiru. Id-Direttorat qed iħejji programm għal bini ta’ Toroq ġodda u dawn se jsiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.