Billi l-Ministru fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 13869 infurmani li f’Malta hawn zoo wieħed illegali, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux rapporti wara spezzjonijiet li saru f’dan iż-zoo illegali? Jekk iva, jista’ l-Ministru jqiegħed tali rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma diġa ntqal fi twegibiet oħra, hemm diversi rapporti fuq dan iz-zoo partikolari. Mhux għaqli li npoġġu dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra, kemm għaliex fihom informazzjoni kummerċjalment sensittiva kif ukoll għaliex dawn jista’ jkun hemm bżonnhom biex jintużaw fl-azzjoni legali li qed tittieħed.
Zoos illegali/mhux liċenzjati – Annimali Eżotiċi – Dħul f’Malta
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 13871, jista’ l-Ministru jwieġeb il-msitoqsija tiegħi u jgħid jekk sarux l-investigazzjonijiet neċessarji mill-awtoritajiet kompetenti? Kif iddaħħlu f’Malta l-annimali kollha esebiti f’zoos jew f’postijiet mhux liċenzjati?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13870.
Zoos illegali/mhux liċenzjati – dokumentazzjoni dwar Annimali Eżotiċi
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 13870 fejn il-Ministru infurmani li “l-awtoritajiet veterinarji jafu bl-eżistenza ta’ annimali eżotiċi li hawn f’pajjiżna” dan ifisser li dawn l-awtoritajiet għandhom dokumentazzjoni dwar l-annimali kollha eżotiċi li hawn f’pajjiżna? Jiċċekkjaw l-awtoritajiet jekk dawn l-annimali eżotiċi ddaħħlux f’Malta legalment?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13870 kienet diġa ċara f’dan ir-rigward.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 13869 fejn il-Ministru qal li jeżisti zoo wieħed illegali, dan ifisser li postijiet pubbliċi oħra li għandhom annimali eżotiċi huma kollha liċenzjati, anki jekk ma jissejħux zoos?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-kelma zoo hija definita fl-Avviż Legali 265/2003. Dan l-Avviż jgħid li zoo huwa stabbiliment permanenti fejn jinżammu għal wiri pubbliku l-annimali ta’ speċi selvaġġa għal sebgħat ijiem jew aktar fis-sena. Skond il-ħtiġijiet ta’ dawn ir-regolamenti, id-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji jista’ jeżenta lill-dawk l-istabblimenti li ma jkollhomx għall-wiri pubbliku numru sinifikanti ta’ annimali eżotiċi jew ta’ speċi selvaġġa.
Jista’ l-Ministru jara li jiġu rranġati t-toroq li hemm fil-Pitkalija għax huma ta’ inkonvenjent għal kull min juża l-Pitkalija fuq bażi regolari?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li bl-għajnuna ta’ Transport Malta ser naraw x’hemm bżonn isir u xi tkun l-ispiża biex imbgħad tkun tista’ ssir talba lill-Finanzi, jekk ikun il-każ, għall-fondi neċessarji.
Jista’ l-Ministru jikkunsidra li biex jiġu salvagwardjati l-bdiewa Maltin u Għawdxin, fi swieq, ħwienet u kull punt ta’ bejgħ ta’ prodotti agrikoli, prodotti lokali jkunu identifikabbli minn dawk ta’ barra?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-Gvern diġa’ nieda l-qafas leġislattiv neċessarju fl-2014 u qiegħed jaħdem fuq skema nazzjonali, li tippermetti li prodott agrikolu Malti ta' kwalita' mhux biss ikun identifikat minn dak ta’ barra, iżda li tippermetti ukoll li tkun promossa l-kwalita` tal-prodott agrikolu Malti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk in-naħal importati riċentament mill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament kenux neqsin minn mard fosthom l-American Foul Brood, l-European Foul Brood, Nosemae, Acarina, Chalk Brood, Bee Paralyses u Varroa Destractor?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-kolonji li nġiebu Malta huma ċċertifikati bħala ħielsa minn kull tip ta’ mard imsemmija fil-Mistoqsija Parlamentari.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-razza tan-naħla Maltija ġietx estinta mill-gżejjer Maltin? Jekk fin-negattiv, jista’ jagħti numru approssimattiv ta’ kemm fadal naħal Malti fil-gżejjer tagħna?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li d-dipartiment ikkonċernat m’għandu l-ebda informazzjoni li turi li n-naħla Maltija ġiet estinta u lanqas informazzjoni ta’ kemm fadal minn din in-naħla.
In-naħal Malti — Studju fuq il-produzzjoni tal-għasel
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’dawn l-aħħar għaxar snin sarx xi studju mill-Università ta’ Malta u/jew studenti tal-Università ta’ Malta dwar il-produzzjoni tal-għasel f’pajjiżna? F’dan l-istudju, ġie identifikat jekk f’pajjiżna hawnx naħal Malti u jekk hawn, għadhomx ifaqqsu irġejjen Maltin?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi sezzjoni responsabbli min-naħal li tifforma parti mill-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid jekk din is-sezzjoni għadhiex tiffunzjoni jew le?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont it-tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari teżisti unit responsabbli dwar it-trobbija tan-naħal fi ħdan id-Direttorat tal-Agrikoltura u sezzjoni dwar aspetti sanitarji fi ħdan id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja. Id-Direttorati jikkordinaw flimkien fuq spezzjonijiet dwar is-saħħa tan-naħal. Dawn it-taqsimiet għadhom jiffunzjonaw.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12533, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk it-tender tax-xogħol li suppost għandu jsir fil-fatt inħarġitx, jekk għalqitx, kemm applikaw għaliha, u jekk ingħatatx. Meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol u kemm hu mistenni li jdum l-istess xogħol biex ikun finalizzat? Kemm hu l-valur tax-xogħol li mistenni jitwettaq?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li t-tender tax-xogħolijiet li għandhom isiru fis-sit imsemmi għadu ma ġiex ippublikat u għalhekk f’dan l-istadju huwa prematur li tingħata aktar informazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk in-naħal li nġab Malta minn Sqallija mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ġewx iċċertifikati li huma ħielsa minn mard u jekk fl-affermattiv min ħareġ din iċ-ċertifikazzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-kumpanija inkwistjoni ma ġabet l-ebda naħal minn Sqallija. In-naħal inġieb minn Franza u kif jitolbu r-regoli dawn kienu ċċertifikati bħala ħielsa mill-mard mill-awtoritajiet kompetenti fi Franza.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kolonja ta’ naħal ġew iċċertifikati biex jinġiebu Malta mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Hemm ħsieb li jiġu importati aktar kolonji ta’ naħal f’pajjiżna? Jekk fl-affermattiv, kemm se jkun in-numru addizzjonali ta’ kolonji li se jiġu impurtati?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, 448 kolonji tan-naħal ġew iċċertifikati li jistgħu jidħlu Malta. Fil-preżent ma nafux jekk il-kumpanija għandiex pjan biex iġġib kolonji oħra f'Malta.
Importazzjoni ta’ frott u ħxejjex – kontrolli minħabba mard
Question
Minħabba l-marda tal-ismall hive beetle, jista’ l-Ministru jgħid x’kontrolli qed isiru fuq l-importazzjoni ta’ frott u ħxejjex mir-reġjun ta’ Sqallija?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsijiet Parlmentari Nru. 12556 u dik għan-Nru. 13001.
Importazzjoni ta’ naħal – cross making man-naħla Maltija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’garanzija jista’ jagħti l-Gvern li l-importazzjoni tan-naħal mhix se tirriżulta f’naħal aggressiv meta jkun hemm cross making bejn dan in-naħal importat u n-naħla Maltija? Jista’ jagħti garanzija li f’tali eventwalità dan in-naħal ma jattakkax il-pubbliku inġenerali b’mod speċjali lill-bdiewa kif ukoll lin-naħħala Maltin?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nistax nifhem sewwa sew għal liema raġuni qed issir din il-Mistoqsija meta kif jaf u jifhem tajjeb, bħala kelliemi għall-Oppożizzjoni f’dan il-qasam, ir-regoli tal-UE huma ċari: li membru stat ma jistax iżomm l-importazzjoni ta’ naħal minn membru stat ieħor sakemm dawn ikunu ċċertifikati skont ir-regoli applikabbli kif kien il-każ fl-importazzjoni tan-naħal li ssemma dan l-aħħar fil-midja u f’diversi Mistoqsijiet Parlamentari oħra. Ma naħsibx li xi ħadd jista’ qatt jagħti garanzija fuq affarijiet li jiddependu min-natura.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni kollha ta’ ċertifikazzjoni relatati mal-importazzjoni tan-naħal?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikazzjoni mis-sistema TRACES relata mal-importazzjoni tan-naħal, kif imħaddna fl-Unjoni Ewropea.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk, kif qed jingħad, dawn in-naħal ġew importati minn Franza, x’inhi r-raġuni li ma ġewx importati lejn pajjiżna direttament minn Franza iżda l-aħħar destinazzjoni li ġew minnha kienet Sqallija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Permanenti li l-għażla dwar il-modalitajiet tat-trasport fis-suq intern huma strettament prerogativa tal-operaturi privati kkonċernati u allura l-awtoritajiet ma jidħlux f’dan l-aspett fil-każ ta’ ebda operatur, bla distinzjoni jekk huwiex ċittadin Malti jew ċittadin ta' Stat Membru ieħor.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jispjega għaliex fis-sena 2014, il-Ministeru tiegħu nefaq €9,900,000 iżjed milli kien budgeted? Jista’ jagħti d-dettalji ġew minfuqa l-€3,500,000 li l-Ministeru nefaq aktar minn dak li kien ipprovdut fil-Vot numru 18 tal-Ministeru tiegħu fil-baġit tal-2014? Jista’ jagħti d-dettalji fejn ġew minfuqa l-€6,400,000 li l-Ministeru nefaq aktar minn dak ipprovdut fil-Vot VII tal-Ministeru fil-baġit tal-2014?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skont l-informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, l-ammont ta’ €9,900,000, kif imsemmi fil-Mistoqsija Parlamentari, joħroġ mill-Att Nru. XL tal-2014, imsejjaħ “Att għall-approprjazzjoni ta’ somma ta’ mhux iżjed minn mitejn u sitta u għoxrin miljun, ħames mija u tmienja u tmenin elf euro (€226,588,000) għas-servizz tas-sena finanzjarja 2014”. Dan ma jikkostitwixxix nefqa addizzjonali “iżjed milli kien budgeted” iżda possibilità ta’ nefqa żejda li, fil-każ tal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, ma teċċedix €3,500,000 taħt il-Vot Rikorrenti (Nru.18) u €6,400,000 taħt il-Vot Kapitali (nru. VII).
Inżid ngħid li minn figuri proviżorji maħruġa mid-
Departmental Accounting System
kif mgħoddija lili, jirriżulta li, sal-aħħar ta’ Diċembru 2014 fuq il-Vot Rikorrenti (in-nru.18) in-nefqa addizzjonali kienet ta’ €2,617,058.09 li minnha 17% kienu
Personal Emoluments
, 26% kienu
Operational and Maintenance Expenses
u 57% kienu
Contributions to Government Entities
. Fil-Vot Kapitali (nru.VII) in-nefqa li saret kienet fil-parametri tal-allokazzjoni oriġinali u għaldaqstant ma kienx hemm nefqa addizzjonali.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-Animal Welfare, li qabel kienet taqa’ taħt Veterinary and Animal Welfare, issa qed taqa’ taħt l-agrikoltura meta jidher li jagħmel aktar sens li tkun taħt is-Servizzi Veterinarji?
Response (BRINCAT, LEO)
L-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari jikkonferma li fil-fatt id-Direttorat inkwistjoni jaqa’ taħt il-Veterinary and Phytosanitary Regulation Department.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux veru li Tajlan qed jitħalla jġib mijiet ta’ kaxex ta’ naħal f’Malta b’detriment għall-industrija tan-naħal f’Malta? Veru li dan it-Taljan ġie pprojbit milli jbigħ naħal f’pajjiżi oħra minħabba riskju ta’ mard li jista’ jeżisti fl-Italja? Jekk hu hekk, għaliex qed jitħalla jdaħħal in-naħal tiegħu f’Malta? Kemm ġab kaxex tan-naħal s’issa u jista’ jikkonferma li dawn ġew kollha ċċekkjati waħda waħda biex jiġi eskluż mard? Huwa minnu li dan it-Taljan qed jieħu dawn il-kaxex tan-naħal f’Għawdex? Sar xi studju dwar x’effett jista’ jkun hemm fuq in-naħla Maltija jekk titgħammar ma’ dan in-naħal meta hu meqjus li n-naħla Maltija hija fost l-aqwa naħal li jeżistu? Sar xi studju dwar ir-riskju li l-importazzjoni ta’ dan in-naħal idaħħal f’Malta l-ismall bee hive li tidħol fil-kaxxa tan-naħal u teqred il-bajd tan-naħal? Jista’ jwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li b’żieda mal-informazzjoni li diġa tajt fit-tweġibiet għall-diversi mistoqsijiet parlamentari m’hemm l-ebda bażi xjentifika għall-allarmiżmu li donnu qiegħed jinżera' meta l-importazzjoni ta’ naħal barranin ila sejra snin twal. Huwa dan l-allarmiżmu nfundat li qed jagħmel ħsara kbira lill-industrija tan-naħal f’Malta. F’dan il-kuntest nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għab-bażi ta' x’hiex fil-Mistoqsija tiegħu qed jagħmel referenzi li l-importazzjoni tan-naħal li saret riċentament qed tagħmel ħsara lill-industrija meta kif diġa għidt in-naħal ilu snin twal ikun impurtat.
Nerġa ntenni li l-importazzjoni tan-naħal minn Membru Stat tal-UE hija libera u ħielsa u li l-ebda Gvern ta’ Membru Stat m’għandu dritt jipprojbixxiha. Inżid ngħid li mgħarraf ukoll li m'hu minnu xejn li l-persuna li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ġie pprojbit milli jbiegħ naħal f’pajjiżi oħra. Il-projbizzjoni li teżisti u li tapplika għall-kulħadd hija li ma jinbiegħx naħal li ġej minn Sqallija minħabba riskju ta’ mard li ġie identifikat hemmhekk, mentri dan in-naħal ġej minn Franza, fejn m’hemmx ir-riskju bħal fil-każ ta’ Sqallija. In-naħal f’dal każ, kienu kollha ċċertifikati taħt ir-regoli kkonċernati bħala ħielsa minn kull tip ta' mard mill-awtoritajiet kompetenti fi Franza. Dawn ġew ukoll spezzjonati mill-ġdid mill-Awtoritajiet Veterinarji Maltin li kkonfermaw l-istess ħaġa.
Ninsab infurmat ukoll li hu minnu li dawn il-kaxxex ittieħdu ġewwa Għawdex. Sadanittant id-Direttorat tal-Agrikoltura huwa konoxxenti li fl-Universita` ta’ Malta, hemm teżi li saret minn studenta li għamlet riċerka fuq l-istatus ġenetiku tan-naħla Maltija, iżda li dan għadu mhux ippublikat, u li għaliħ d-Direttorat għadu ma ngħatax aċċess, minkejja talba f’dan ir-rigward. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija l-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari jtenni li m’hemm l-ebda studju xjentifiku li nafu biħ li jikkonferma dak li qed jalludi għaliħ l-Onor. Interpellant, iżda nenfasizza li n-naħal inġiebu minn Franza, li huwa territorju li mhux meqjus f’riskju tal-
ismall hive beetle
.