Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14446 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru għall-Ambjent

Toroq — Road patching

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet madwar Malta u Għawdex qiegħed isir road patching bħala non-council task?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #14454 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Magħtab — Radam

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-prezz uffiċjali meta wieħed jieħu radam biex jiġi depożitat fil-Magħtab dump? Hemm xi regoli fissi għal dawk li għandhom proprjeta' disponibbli għar-radam? X'inhuma r-regolamenti u l-ħlas bit-tunnellata?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-prezz uffiċjali għad-depożitu ta' radam fil-miżbla tal-Magħtab huwa ta' 38 ċenteżmu kull tunellata, VAT inkluża. Ir-regoli huma li l-iskart irid jinġarr f'vetturi li huma reġistrati mad-Dipartiment u li l-ġarr isir waqt il-ħinijiet uffiċjali ta' l-operat ta' l-istess miżbla. Ir-regolamenti huma dawk stipulati fl-Avviż Legali 128 ta' l-1997.
Leg 9 PQ #14539 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Furjana — King George V Playing Fields

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx żviluppi dwar is-suġġett fil-mistoqsijiet parlamentri numri 9814 u 12052?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Jien infurmat li għad ma hemmx żviluppi dwar din il-materja.
Leg 9 PQ #14155 Sitting 252 2000-02-29 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Wied iċ-Ċawsli — Tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitnaddaf Wied iċ-Ċawsli, minn Għar Ħanżir, sa tarf il-Marsa, minħabba li ilu ma jitnaddaf is-snin u mimli terrapien, u l-arkati tan-naħa tal-Marsa jinsabu miżdudin?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9757 (Seduta 175).
Leg 9 PQ #14156 Sitting 252 2000-02-29 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Qormi — Ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'qiegħed isir eżatt, permezz tax-xogħlijiet li saru u li għadhom isiru, biex jinqabad l-ilma tax-xita li jaqa' mit-triq ta' Ħal-Luqa għal Mdina Road, Ħal Qormi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9757 (Seduta 175).
Leg 9 PQ #14174 Sitting 252 2000-02-29 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Ambjent

NPAA — Ambjent

Question

Jidhirlu l-Ministru li miżura li hija msemmija li għandha tittieħed taħt short term priorities (2000), fil-parti li għandha x'taqsam ma' l-ambjent, fil-NPAA, jiġifieri (a) taħt is-subartikolu Civil Protection li tgħid eżattament: "Limiting the emergency telephone number to the police authorities", hija miżura amministrativa tant żgħira u mistennija b'mod loġiku u naturali f'kull pjan ta' azzjon f'każ ta' l-protezzjoni ċivili li huwa ridikolu u assurd li din isib ruħha fi Pjan Nazzjonali għall-Adozzjoni ta' l-Acquis u għandha titneħħħa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Għalkemm din hija miżura amministrattiva żgħira, xorta waħda trid tiġi implimentata.
Leg 9 PQ #12592 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment ta' l-Indafa Pubblika — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fid-Dipartiment ta' l-Indafa Pubblika mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawk l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi mis-16 ta' Settembru 1999 sa l-4 ta' Jannar 2000 ma kien hemm l-ebda mpjieg ta' ħaddiema ġodda fid-Dipartiment ta' l-Indafa Pubblika.
Leg 9 PQ #14120 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Malta Films Studios — Pompa tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jikkummissjona bord ta' esperti sabiex jivverifikaw u jaraw x'inhi r-raġuni li kull sena l-pompa tad-drenaġġ li hemm taħt il-Malta Film Studios tinfaqa' u, apparti l-irwejjaħ, tniġġeż il-baħar mix-Xgħajra sa tas-Sliema? Jista' jiġi wkoll studjat x'effetti negattivi dan kollu qed iħalli fil-ħajja marittima?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-problema li hemm fil-pompa taħt il-Film Studios diġa' ġiet identifika u qiegħda tiġi ndirizzata. Meta din taħdem sewwa d-drenaġġ jiżbokka 'l barra mix-xatt, għax b'hekk jaħdem l-'outfall' ukoll. Li qiegħed jiġi studjat huwa l-ħsara li qiegħda ssir mis-sajjieda fuq is-'submarine pipeline', biex b'hekk l-'outfall' ikun jista' jaħdem fit-totalita' tiegħu.
Leg 9 PQ #14132 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Pjazza Sta. Margerita - Xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol fuq Pjazza Sta. Margerita, Bormla waqaf? Meta se jitkompla u meta se titlesta din il-fażi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13897 (Seduta 243).
Leg 9 PQ #14170 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Ħarsien ta' l-ambjent

Question

Jista' l-Ministru jelenka xi żviluppi seħħew minn Settembru 1998 sal-lum fit-twettiq tal-programm nazzjonali għal moniteraġġ (monitoring) tal-kwalita' ta' l-arja f'pajjiżna, minn kif ħalla l-affarijiet il-gvern Laburista?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Minn Settembru 1998, saru ħafna żviluppi fil-kamp tal-monitoraġġ ta' l-arja. Inxtraw strumenti għall-analiżi ta' sulphur dioxide, nitrogen oxides, ozone, carbon monoxide u particulate matter. Dawn l-istrumenti ġew installati fuq mobile monitoring station. F'Settembru 1999 ingħata bidu għall-monitoraġġ ta' l-arja f'għadd ta' lokalitajiet f'Malta u f'Għawdex permezz ta' dan il-mobile station. Fl-1999 ħarġet tender għax-xiri ta' diffusion tubes. Il-monitoraġġ ta' l-arja permezz tad-diffusion tubes jagħti informazzjoni li tikkumplimenta dik li jagħtu l-istrumenti. Dawn id-diffusion tubes waslu fi Frar 2000 u dalwaqt jibdew jiġu mmuntati fl-irħula u bliet f'Malta u Għawdex. F'Diċembru 1999, id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent ikkummissjona studju biex tiġi studjata l-problema ta' trab iswed li jeffetwa l-parti ta'isfel ta' Malta u tiġi stabbilita l-oriġini ta' dan it-trab. Ittieħdu diversi kampjuni u ntbagħtu barra għall-analiżi. L-ewwel riżultati huma mistennija għal nofs din is-sena.
Leg 9 PQ #14171 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Ambjent

NPAA — Waste management

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif f'paġna 141 tan-NPAA taħt waste managament jingħad li Environment Protection Act ġdid li jissodisfa l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-Acquis qiegħed jiġi drafted u jsir liġi matul din is-sena, filwaqt li f'paġna 145 ta' l-istess document taħt "short term priorities (2000)" u subheading water regulation jingħad li parti IV ta' l-Environmental Protection Act li għandna issa (Kap 348) tiddaħħal in vigore matul din is-sena?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Hemm diversi liġijiet u regolamenti li jaqgħu taħt l-'Environmental Acquis' li jistgħu jinġiebu fis-seħħ taħt il-liġi eżistenti dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent, anki qabel ma ssir il-liġi l-ġdida.
Leg 9 PQ #14172 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Ambjent

Organisimi/ikel

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju jinstab il-ħsieb li tiġi mnedija kampanja nformattiva indirizzata lill-pubbliku in ġenerali, u l-konsumatur in partikolari dwar organisimi u ikel li jkun modifikat, trasformat jew mibdul ġenetikament (Genetically modified organisims, jew Genetically modified food)?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-issue ta' organiżmi u ikel li jkun modifikat ġenetikament, inkluż kampanji informattivi lill-pubbliku, qed jiġi trattat fl-isfond tal-leġiżlazzjoni Ewropeja u fil-qafas ta' miżuri li jridu jittieħdu biex Malta tikkonforma ma' din il-leġiżlazzjoni.
Leg 9 PQ #14173 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Ambjent

NPAA — Genetically Modified Organisims

Question

F'paġna 148 tal-NPAA, taħt Genetically Modified Organisims f'(c) jingħad li "Training of government employees who are to impliment the directives will be also (sic!) organised". Billi hemm indikat li dan huwa "ongoing", jista' l-Ministru jgħid: fuq liema direttivi qed jitkellem ir-rapport; kemm ħaddiema tal-gvern qegħdin jiġu mogħtija t-tħarriġ li hemm riferenza għalih; fiex jikkonsisti dan it-tħarriġ; kif intgħażlu dawn in-nies; u kemm huwa kkalkolat li jdum dan it-tħarriġ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Id-Direttivi li jagħmel referenza għalihom ir-rapport huma: 1. "Council Directive 90/219/EEC on the contained use of genetically modified organisms". 2. "Council Directive 90/220/EEC on the deliberate release into the environment of genetically modified organisms". Il-parti tal-NPAA li qed jagħmel riferenza għaliha l-Onorevoli Interpellant ma tgħidx li l-ħaddiema tal-Gvern qed jingħataw taħriġ iżda li t-taħriġ meħtieġ għad irid jiġi organizzat. Il-ħsieb huwa li diversi impjegati tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jingħataw taħriġ meħtieġ biex jiġu mħarsa l-obbligi li joħorġu mid-direttivi. Minħabba n-natura tas-suġġett li huwa għal kollox ġdid it-taħriġ irid ikun fuq bażi regolari u mhux ta' darba.
Leg 9 PQ #14275 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi — PA 0099/00

Question

Jista'l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop wara l-applikazzjoni PA0099/00 li saret mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA0099/00 tirreferi għall-bini ta' tnax-il garaxx f'sit f'San Ġwann. L-iskop ta' sitta minn dawn il-garaxxijiet hu bħala akkomodazzjoni alternattiva għall-garaxxijiet li jridu jiġu evakwati minn Manoel Island bħala parti mill-proġett ta' Manoel Island, filwaqt li s-sitta l-oħra jkunu għad-dispożizzjoni tad-Dipartiment tal-Bini u Manutenzjoni tad-Djar.
Leg 9 PQ #14310 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Qormi — Roundabout - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk u meta se jsir ix-xogħol li hemm bżonn isir madwar ir-roundabout il-ġdida fl-area magħrufa bħala ta' l-Erba' Qaddisin (fejn il-fabbrika tal-Lowenbrau) Ħal Qormi biex jiġi evitat l-għargħar li jkun hemm f'din l-area wara kull ħalba xita?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onorevoli Interpellant huwa mistenni li jinbeda fi żmien qasir.
Leg 9 PQ #14100 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Romano Prodi — Tindif ta' toroq

Question

Jista'l-Ministru jgħid kemm tħallas f'overtime biex isir tindif fit-toroq, minħabba ż-żjara ta' Romano Prodi f'Malta fil-ġranet li ġejjien?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

It-tindif tat-toroq qed isir fuq bażi regolari u mhux minħabba xi avveniment partikolari.
Leg 9 PQ #14102 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

First Health Maintenance Organisation

Question

Jista'l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop li għalih ġew ingaġġati the first health maintenance organisation? Kif intgħażlu dawn il-persuni? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim bejn il-ministeru u din l-organisation?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Sar ftehim mal-'Health Maintenance Organisation' f'Jannar ta' din is-sena sabiex jipprovdu servizzi mediċi lill-Ministeru u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu. Hemm kuntratt formali bejn il-Ministeru u din l-organizzazzjoni. Sal-22 ta' Frar 2000 ma saret ebda talba biex isiru xi viżti fid-djar. Minħabba n-natura kummerċjali ta' dan il-kuntratt ma jidhirlix li għandi ngħid kemm jitħallsu t-tobba għal kull żjara. Pero' ma nsib l-ebda oġġezzjoni, li b'mod kunfidenzjali, nuri kopja tal-kuntratt lill-Onorevoli Interpellant. Din l-organizzazzjoni ntgħażlet fuq l-istess bażi li għażilha l-Ministeru tal-Finanzi.
Leg 9 PQ #14106 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Sezzjoni LSO (PWD) — Strumenti

Question

Jista'l-Ministru jgħid jekk hemmx il-permess li jinħarġu strumenti (total station) mis-sezzjoni LSO (PWD) wara l-ħin tax-xogħol jew fil-weekends u dan sabiex isir xogħol privat bihom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ma hemmx permessi biex jinħarġu strumenti (total station) mis-Sezzjoni Land Surveying Office, Taqsima tax-Xogħlijiet.
Leg 9 PQ #14114 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Xgħajra — Triq Orlando

Question

Jista'l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex possibbli li materjal u imbarazz li ntefa' ġewwa parti ċentrali ta' Triq Orlando, Xgħajra jiġi mnaddaf billi qiegħed ikun kaġun ta' ħwejjeġ oħra?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Se nagħti struzzjonijiet lid-Dipartiment konċernat biex jieħu l-passi meħtieġa rigward is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #14125 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Fgura — Trab iswed

Question

Issa li għaddew bosta xhur fuq il-problema tat-trab iswed li jinżel fuq il-lokal tal-Fgura u l-inħawi, jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa fuq din il-problema wara li anke saret petizzjoni mil-lokal tal-Fgura? X'sar s'issa, x'riżultat ħareġ u x'se jsir 'il quddiem?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13939 (Seduta 245).