Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie mportat majjal u x'tip ta' majjal ġie mportat matul din is-sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-importazzjoni tal-majjal matul is-sena 2000 (sa l-aħħar ta' Settembru) kienet ta' 288 tunellata li tinkludi wkoll spare ribs li jiġu mpurtati regolarment sena wara sena.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tad-deroga li huwa rrifera għaliha f'Seduta Nru. 369, ċioe' id-deroga li l-UE għamlet mal-Fillandja?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Commission Regulation (EC) No 280/98 li deher fl-Official Journal of the European Communities (OJEC) ta' l-4 ta' Frar 1998.
Jista' l-Ministru jikkonferma b'riferenza għal dak li qal f'Seduta Nru. 369,ċioe' li d-deroga li l-UE tat lill-Fillandja u lis-Svizzera, saru għaliex dawn il-pajjiżi għandhom livell ta' fat content inqas, minn dak li huwa stabbilit fl-UE? Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-fat content tal-ħalib illum f'dawn il-pajjiżi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajtu ghall-Mistoqsija Parlamentari Numru 19576.
B'riferenza għal dak li qal fis-Seduta Nru. 369 ċioe' li abbażi tar-regoli tal-waste management ta' l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea tordna li għal kull baqra jrid ikun hemm 3 tomniet raba' sabiex jiġi utilizzat b'mod environment friendly id-demel naturali li jipproduċi l-istess baqar, jista' l-Ministru jgħid liema regola ta' l-Unjoni Ewropea tinsab f'din il-policy?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma għandi xejn xi nżid mar-risposta li diġa tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 19573.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-liġi ta' l-Agricultural Leases (Reletting) Act tiġi emendata fis-sens li l-aħwa jkunu jistgħu jirtu lill-aħwa, peress li fil-preżent qiegħda tiddiskrimina kontra l-aħwa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi minkejja l-providement tal-liġi, l-Bord dwar il-Kontroll tal-Kiri tar-Raba dejjem ikkonsidra legali qbiela li ġiet mgħoddija bejn l-aħwa u għalhekk ma jinħassx il-bżonn li tiġi emendata l-liġi f'dan is-sens. L-interpretazzjoni tal-liġi fuq dan il-punt diġa ġiet, diskussa mid-Dipartimenti relattivi u ntleħaq ftehim li jkun hemm policy komuni għar-raba kollu tal-gvern, kemm tad-Dipartiment tal-Art, kif ukoll tal-Uffiċċju Konġunt. Dan ifisser li huwa regolari u possibbli li jsir trasferiment ta' qbiela bejn l-aħwa.
Jista' l-Ministru jikkonferma b'riferenza għal dak li qal fis-seduta 369 waqt il-question time ċioe' li mhux vera li fl-Olanda r-raħħala tal-baqar irid ikollhom aktar minn ettaru raba' (9 itmien raba') sabiex ikollhom permess li jkollhom l-baqar abbażi tar-regoli tal-waste management fl-UE?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija l-densita' ta' bhejjem, per eżempju, tal-majjal għal kull ettaru raba' biex ikunu salvagwardjati r-regolamenti ta' l-UE dwar il-waste management?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien nikkonferma dak kollu li għidt.
Nitlob li l-Onor. Interpellant jindirizza l-parti tad-domanda tiegħu dwar ir-regolamenti tal-waste management jiġifieri, t-tieni paragrafu, lill-Ministeru responsabbli mill-waste management.
Dipartiment ta' l-Agrikoltura — Ħaddiema tal-bowsers
Question
Jista' l-Ministru jinformani kemm kien il-ħlas tal-overtime għall-ħaddiema tal-bowsers mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura sena b'sena matul dawn l-aħħar erba' snin ċioe': 1997, 1998 u 1999 inkluż din is-sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-ħlas tal-overtime għall-ħaddiema tal-bowsers mad-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura matul dawn l-aħħar erba’ snin kien hekk:-
1997 Lm9,325.00,0
1998 Lm2,359.15,0
1999 Lm1,665.00,0
2000 (s' Awissu) Lm2,512.50,0
Jista' l-Ministru jinformani kemm kien il-ħlas totali tal-overtime li tħallas lill-ħaddiema li ħadmu fil-packing u grading station ta' l-esportazzjoni tal-patata mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u dak li tħallas mill-ispejjeż ta' l-esportazzjoni matul l-1996, 1997, 1998 u 1999 u din is-sena separatament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-ħlas totali tal-overtime li tħallas lill-ħaddiema li ħadmu fil-packing u grading station ta’ l-esportazzjoni tal-patata mid-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura kien hekk:-
1996 - Lm4,303.57,0
1997 - Lm8,073.52,5
1998 - Lm5,410.74,0
1999 - Lm7,852.23,0
2000 - Lm9,257.12,0
B'riferenza għad-diskussjonijiet ta' koperazzjoni li kienu bdew taħt l-amministrazzjoni preċedenti bejn il-Ministeru tal-Biedja u Sajd u l-Ambaxxata Eġizjana f'Malta sabiex ikun hemm ħidma ta' koperazzjoni regolari fl-oqsma tal-biedja u sajd bejn iż-żewġ pajjiżi, jista' l-Ministru jinformani fl-iżviluppi li saru għal dan il-għan mill-amministrazzjoni attwali u mill-ambaxxata Eġizjana f'Malta u/jew mill-Ministeru ta' l-Agrikoltura Eġizjan mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn?
Response (ZAMMIT, NINU)
Aktar kmieni din is-sena kien propost lill-Awtoritajiet Eġiżżjani biex issir laqgħa f'Malta bejn esperti taż-żewġ naħat għan-nofs Ottubru, 2000. L-Awtoritajiet Eġiżżjani ressqu Draft Agenda u pproponew laqgħa fil-Kajr f'Settembru/Ottubru, 2000. Il-Ministeru tiegħi qiegħed fil-proċess biex, permezz tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, iressaq xi suġġerimenti dwar id-Draft Agenda u proposti dwar l-aħjar żmien meta delegazzjoni Maltija tkun tista tmur il-Kajr.
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ġodda qed jiġu proposti lill-produtturi tal-majjal sabiex dawn jaġġornaw u jinvestu fl-immodernizzar ta' l-irziezet tagħhom?
Kemm huwa kkalkolat li se jiswa dan l-investiment għal kull produttur u minn se jkun responsabbli għall-ispejjeż?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta, bħal kull pajjiż ieħor żviluppat trid taddatta sistemi li jipproteġu s-saħħa tal-konsumatur - is-sistema ta' Stable to Table. Fil-fatt huma ħafna dawk il-produtturi li diġa nvestew f'makkinarju u strutturi biex jilħqu dan il-għan. Mhux talli hekk, talli l-konsumatur qiegħed jitlob li l-annimali tal-produzzjoni għandhom jiġu protetti minn kull moħqrija u din ix-xewqa ser tkun koperta taħt il-liġi l-ġdida ta' l-Animal Welfare.
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ġodda ta' żvilupp qed jiġu rrakkomandati lill-produtturi tal-ħalib frisk fil-mument?
Kemm se jiswew lir-raħħala dawn it-tibdiliet għal modernizzazzjoni tal-kondizzjonijiet tal-merħla u minn irid jagħmel tajjeb għal dawn l-ispejjeż?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta, bħal kull pajjiż ieħor żviluppat trid taddatta sistemi li jipprotegu s-saħħa tal-konsumatur - is-sistema ta' Stable to Table. Fil-fatt huma ħafna dawk il-produtturi li diġa nvestew f'makkinarju u strutturi biex jilħqu dan il-għan. Mhux talli hekk, talli l-konsumatur qiegħed jitlob li l-annimali tal-produzzjoni għandhom jiġu protetti minn kull moħqrija u din ix-xewqa ser tkun koperta taħt il-ligi l-ġdida ta' l-Animal Welfare.
B'riferenza għall-ilment tar-raħħala produtturi tal-ħalib fejn uħud minnhom ilmentaw li mhux isibu tobba veterinarji sabiex jassistu l-bhejjem tagħhom, jista' l-Ministru jinformani x'inhija l-pożizzjoni llum u x'ikkawża dan il-preċedent fost uħud mir-raħħala?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma jaf hu, il-Koperattiva tal-Produtturi tal-Ħalib ila għal hafna snin li ħadet b'obbligu li tforni servizz veterinarju b'xejn lir-raħħala. Imbarra dan is-servizz, hemm veterinarji privati li jwettqu l-professjoni tagħhom fil-kamp tal-annimali tal-ħalib.
Jista' l-Ministru jinformani liema huma dawk il-varjetajiet ta' ħxejjex u frott ġdid li daħlu l-Pitkalija matul 1999 u 2000?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat mill-uffiċjal inkarigat illi matul is-sena 1999 ġew irreġistrati taħt Ħaxix tlett prodotti ġodda. Dawn kienu Lemon Grass, Chives u Radicchio. Ġie rreġistrat ukoll taħt il-kategorija Oħrajn Ġulepp tal-Ħarrub. Din is-sena sas-26 ta' Settembru 2000 ġew irreġistrati żewġ kwalitajiet ta' frott frisk li huma Raspberries u Żinżell.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex l-ilma tat-tisqija qed jitħalla jinħela fit-triq ta' Wied il-Għajn (il-qadima) bejn Ħaż-Żabbar u l-lokalita' ta' Wied il-Għajn?
Response (ZAMMIT, NINU)
Is-sistema tad-distribuzzjoni fil-Kanali ma tippermetix illi twaqqaf l-ilma mill Ġibjun appena jingħalaq is-Sluice Prinċipali.
Biex tissolva din il-problema id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u ta' l-Ambjent għamlu xogħolijiet ta' shutters tal-ħadid sabiex l-ilma tal Katusi Prinċipali jiġi kontrollat u b'hekk ma jispiċċax fit-triq imsemmija.
Barra min dan qiegħdin nippjanaw illi ssir katusa li taqsam it-triq sabiex jekk ikun hemm ilma żejjed dan jiġi ddevjat għal wied viċin.
Tista' tagħti lista komprensiva taż-żidiet kollha fit-tariffi li l-gvern nazzjonalista introduċa matul din il-leġislatura s'issa, inklużi xi korporazzjonijiet li jistgħu jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tad-dekasteru tiegħek?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma kien hemm l-ebda żieda fit-tariffi fil-Ministeru tiegħi.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 19337, li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jara li jitnaddaf u jiġi rranġat il-ġibjun f'Sta. Luċija?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-risposti għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 19119 u 2723.
Jista' l-Ministru jinformani x'investigazzjoni qed jagħmel id-Dipartiment tas-Sajd sabiex ikun jista' jagħmel suġġerimenti/proposti lill-MMA għas-sigurta' aħjar u tal-opri tas-sajjied f'San Pawl il-Baħar, Xemxija fejn kawża ta' nirien li seta' kellu konsegwenzi aktar qerdu totalment oqsma tal-baħar li kienet ilha tiggarantixxi l-għejxien ta' sit sajjieda fulltime għall-aktar minn 30 sena?
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jagħti x'kumpens lis-sajjieda sabiex jinvestu mill-ġdid f'xiri ta' l-opra ġdida?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tas-Sajd qed isegwi b'interess dan il-każ. Filwaqt li jesprimi s-solidarjeta kbira ma dawn is-sitt familji, id-Dipartiment qiegħed jara liema jkun l-aħjar mod li permezz tiegħu jista jgħin lill-dawn is-sajjieda. Pero' niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant li għada għaddejja inkjesta maġisterjali dwar iċ-ċirkostanzi tal-każ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet irrapportati lid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura dwar tqaċċiet ta' siġar kawża ta' inċidenti tat-traffiku, jew tal-maltemp jew b'vandaliżmu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qatt ma nżammet u ma tinżammx statistika ta' din ix-xorta, iżda l-każijiet jiġu trattati fuq bażi individwali. Pero' ninforma lill-Onor. Interpellant li diġa tajt struzzjonijiet ħalli jibda jinżamm reġistru ta' dawn il-każijiet kollha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' siġar f'Malta u Għawdex li nqalgħu/tqaċċtu bil-permess tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura matul l-ewwel sitt xhur tas-sena?
F'liema lokalitajiet u x'tip ta' siġar nqalgħu/tqaċċtu u x'kien il-każ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18836.