B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 15074, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-istudji msemmija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li teżisti biss kopja waħda tad-dokumenti mitlubin, li hija voluminuża ħafna. Għaldaqstant, ninforma lill-Onor. Interpellant li jista’ jmur l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) sabiex jara dan id-dokument hemmhekk, skond il-provvedimenti ta’ l-aċċess għall-informazzjoni mill-pubbliku kif stabbilit fl-Att dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-gvern għadu ma bagħatx ir-rapport dwar id-deroga dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa lill-Kummissjoni Ewropea? Meta beħsiebu jibgħat dan ir-rapport?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Gvern Malti ppreżenta r-rapport dwar l-applikazzjoni tad-deroga taħt Artiklu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar għall-kaċċa u l-insib tal-gamiem u s-summien fir-rebbiegħa lill-Kummissjoni Ewropea.
Jista’ il-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' siġar imħawla din is-sena u s-sena l-oħra? Fejn ġew imħawla?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ siġar mħawla mis-Sezzjoni Park, Afforestazzjoni u Restawr tal-Kampanja fis-sena 2004 jammonta għal 5,693. Dawn ġew imħawla f’Ta’ Qali u fil-Mellieħa, filwaqt li fis-sena 2005 ġew imħawla 4,369 siġra. Dawn ġew imħawla fTa’ Qali u s-Salina.
Min-naħa l-oħra n-numru ta' siġar imħawla mill-Environmental Landscaping Consortium din is-sena, u s-sena l-oħra huma dawn:
Siġar Arbuxell
Siġar u arbuxell 2004 1,972 31,261
" " 2005 16,500 40,800
Dawn is-siġar u arbuxell ġew imħawla fil-proġetti ġodda u postijiet amministrati mill-Gvern Ċentrali.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-Pjan nazzjonali ta' azzjoni kontra tinġiż minn sorsi bbażati fuq l-art (National action plan for land-based pollution)?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fuq il-website ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Jista' il-Ministru jgħid x'persentaġġ mill-kosta ta': 1) Malta u 2) Għawdex ġiet "artifiċjalizzata", (indikatur ta' kif il-UNEP tkejjel il-bini fuq il-kosta)?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-ammont totali ta’ xtut fil-Gżejjer Maltin huwa ta’ 267.984 km.
L-ammont totali ta’ xtut artifiċjalizzati, jew aħjar fejn il-linja ta’ l-art mal-baħar ma baqgħetx naturali, hija ta’ 56.121km. Dan huwa ekkwivalenti għal 20.9% mill-kosta kollha.
L-ammont ta’ xtut artifiċjalizzati f’Malta huwa 52.969km, jew aħjar 19.7% tax-xtut fil-gżejjer Maltin, u 26.81 % mix-xtut tal-gżira ta’ Malta.
L-ammont ta’ xtut artifiċjalizzati fuq Għawdex huwa ta’ 3.01km, jew aħjar 1.12% tax-xtut fil-gżejjer Maltin u 5.37% mix-xtut tal-gżira t’Għawdex .
L-ammont ta’ xtut artificjalizzati fuq Kemmuna huwa ta’ 0.142km, jew aħjar 0.05% tax-xtut fil-gżejjer Maltin, u 0.94% mix-xtut tal-gżira ta’ Kemmuna. Dawn il-figuri huma maħdumin fuq il-‘
basemap
’ tal-1998 u r-ritratti mill-ajru (
aerial photos
) tas-sena 2004. Huwa mportanti li ninnutaw li dawn il-figuri jirriflettu l-impatt ta’ l-iżvilupp fuq l-ewwel metru ta’ xtutna biss. Biex inkunu nafu aktar dwar l-ammont ta’ bini fuq il-kosta trid indikatur differenti li jkejjel l-ammont ta’spazju (
area
) mibni.
Jista' il-Ministru jgħid ġiex identifikat is-sit fejn sejra ssir is-slipway ġewwa Pembroke? Hemm xi indikazzjoni meta ser isir dan u jekk hux se jkun hemm konsultazzjoni mal-kunsill lokali dwar dan? Jekk ġie identifikat is-sit, saret talba lill-MEPA għall-permessi meħtieġa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub li jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sa tmiem din il-leġislatura l-gvern hux se jressaq abbozz ta' liġi fil-parlament dwar l-aċċess fil-kampanja lokali kif jixtiequ r-Ramblers association, skond kif espressa f'petizzjoni mressqa f'dan il-parlament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex it-testijiet tal-livelli tar-residue fil-laħam frisk lokali mhux issir fil-laboratorju lokali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Laboratorju tar-Residwi fid-Diviżjoni ta' l-Ikel u Attivita' Veterinarja fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, twettaq testijiet ta' 'screening' għal residwi 'antimicrobial' fuq laħam frisk lokali u prodotti ta' l-annimali. Testijiet oħra għal residwi isiru fil-laboratorji akkreditati fi Stati Membri oħra minħabba li ma hijiex ekonomikament vijabbli li dawn it-testijiet isiru lokalment meta tikkonsidra il-produzzjoni baxxa lokali, u li għalhekk ikun hawn relattivament numru zgħir ta' kampjuni biex jiġu analizzati.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex għadhom ma tħalsux il-flus tas-sussidju fuq il-ħaxix u frott li suppost il-bdiewa kellhom jirċievu f'Settembru li għadda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-sussidji fuq il-ħaxix u frott għadhom ma tħallsux għax għadhom qegħdin isiru l-verifiki meħtieġa qabel ma joħroġ il-pagament.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex ma ġiex appuntat assistent direttur ġdid għat-trobbija tal-bhejjem
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-kariga ta’ Kap tas-Sezzjoni, Animal Husbandry preżentament hi mimlija minn Scientific Officer. Inżid biss li l-Ministeru mhux se joqgħod lura milli jagħti opportunitajiet ta’ promozzjoni lil min jistħoqqlu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tekniċi u tekniċi xjentifiċi u uffiċjali eċċ li telqu mid-dipartiment ta' l-agrikoltura u sajd sabiex marru jaħdmu f'dipartimenti oħra? Xi grad u responsabbilta' kellhom u min ġie sostitut flokhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li matul din is-sena marru jaħdmu f’Dipartimenti oħrai erbatax (14)-il uffiċċjal. F’ħafna mill-okkażjonijiet dan iċ-ċaqliq kien riżultat ta’ sejħa għall-promozzjonijiet f’dipartimenti oħra, jew f’entitajiet pubbliċi.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dettalji ta’ dawn it-trasferimenti kif ġej :
Annex 1 (Trasferimenti għal Dipatimenti oħra tal-Gvern)
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-aħħar ċifra ta' applikazzjonijiet għall-agricultural holidings li ssottomettew il-bdiewa u r-raħħala din is-sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li saru total ta’ 248 applikazzjonijiet minn bdiewa u raħħala taħt it-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet (2005) għall-Miżura 3.1 Investimenti fi Strutturi Agrikoli.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-kont li ħallset il-Wasteserv lil min ipprepara l-Environment Impact Assessment fuq il-proġett ta' upgrading ta' Sant'Antnin f'Wied il-Għajn?
Min kien nominat għadu konsulent tal-Wasteserv fuq il-proġett?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13145.
Jista' il-Ministru jara li tiġi rranġata Vjal Sta. Luċija ġewwa Raħal Ġdid, f'dik li hija t-tħawwil ta' siġar li hemm neqsin li huma ħafna u jagħtu fl-għajn fit-triq ta' l-ajruport?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li t-tħawwil ta' siġar fi Vjal Santa Luċija ġewwa Raħal Ġdid fit-triq ta' l-Airport qiegħda issir issa u sejjer jitkompla sakemm jitlesta.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il tunnellata skart ġew iġġenerati f'pajjiżna kull sena għal dawn l-aħħar snin? Jista' jgħid kemm hija r-rata fiż-żieda ta' l-iskart f'Malta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il tunnellata ta' hazardous waste ġew iġġenerati f'pajjiżna f'din l-aħħar sena u kif qed jintrema'?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li hu stmat li bejn 15,000 u 16,000 tunnellata ta' hazardous waste ġew iġġenerati f'din l-aħħar sena.
F'Malta għad m'hawnx il-faċilitajiet kollha meħtieġa għall-immaniġġjar ta' skart perikoluż. Il-kumpanija WasteServ Malta Co Ltd għandha applikazzjoni għand l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għal engineered landfill għal skart perikoluż, kif ukoll faċilità għall-ħażna, trattament u esportazzjoni ta' dawk it-tipi ta' skart li ma jistgħux imorru ġo landfill. Sakemm dawn il-faċilitajiet ikunu lesti, il-kumpanija WasteServ Malta Co Ltd qegħda tagħti l-għajnuna kollha meħtieġa lill-industrija sabiex jiġu identifikati alternattivi għall-immaniġġjar ta' dan it-tip ta' skart. Hemm ukoll kumpaniji privati li qed joffru servizzi għall-esportazzjoni ta' skart perikoluż. Fil-fatt, parti minn dan l-iskart ġie esportat, filwaqt li l-parti oħra qed tiġi maħżuna fil-post fejn ġiet iġġenerata.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti minn xi enteedukattiva biex isir xi bini, tibdil, manutenzjoni fil-bini, eċċ.? Meta saret kull waħda u minn min? Għal-liema xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid meta il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, se jitħallas l-aħħar pagament bħala għotja taħt l-iskema ta' l-għajnuna finanzjarja marbuta ma' l-immaniġġar u l-konservazzjoni tas-sajd madwar il-gżejjer Maltin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlasijiet kollha dovuti fuq l-programmi kollha ta' għajnuna mnieda mill-gvern jitħallsu skond il-ftehim (kuntratt milħuq) u sakemm il-kundizzjonijiet kollha tal-ftehim ikunu ġew milħuqa. Mingħajr distinzjoni ta' persuni, taħt il-programm imsemmi hemm numru ta' nies li tterminaw l-parti tagħhom tal-ftehim u fil-preżent qed jistennew pagament.
Billi l-"Animal Welfare Council" qiegħed fit-tieni sena ta' l-operazzjoni tiegħu, jista' il-Ministru jgħid x'miżuri ttieħdu mill-kunsill biex iżid l-infurzar ta' l-"Animal Welfare Act"? X'miżuri ttieħdu rigward annimali domestiċi u jekk hemmx xi emendi fil-liġi li ġew proposti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Animal Welfare Council approva dawn l-Avviżi Legali li ġew ippubblikati taħt l-Animal Welfare Act:
Regolamenti ta’ l-2003 dwar il-Ħarsien ta’ l-Għoġġiela.
Regolamenti ta’ l-2003 dwar il-Ħarsien tal-Majjali.
Regolamenti ta’l-2003 dwar il-Protezzjoni ta’ Annimali waqt it-Tbiċċir jew il-Qatla.
Regolamenti ta’ l-2003 dwar Kriterji għal Staging Points.
Regolamenti ta’l-2003 dwar Standards ta’ Vetturi fil-Ġarr ta’ Annimal fi Vjaġġi ta’ Aktar minn Tmien Sigħat.
Regolamenti ta’l-2003 dwar Esperimenti li jsiru fuq Annimali.
Regolamenti ta’ l-2003 dwar Standards minimi għall-protezzjoni ta’ Tiġieġ tal-Bajd.
Regolamenti ta’2003 dwar iż-Żamma ta’ Annimali Selvaġġi f’Stabilimenti Żooloġiċi.
Regolamenti ta’l-2003 dwar il-protezzjoni ta’ l-Annimali miżmuma għal raġunijiet tal-Agrikoltura.
Regolamenti ta’2003 dwar il-protezzjoni ta’ l-Annimali matul il-Ġarr.
Regolamenti ta’l-2003 dwar l-Ispezzjoni ta’ Fondi fejn jinżammu Annimali għall-Produzzjoni.
Għandu jingħad ukoll li l-abbozz ta' l-Avviż Legali dwar it-trobbija tal-flieles tas-simna li kien approvat fis-sena 2004 mill-istess Kunsill daħal fis-seħħ bħala liġi taħt l-Avviż Legali Numru 119/2005.
Il-Kunsill approva l-abbozz ta' l-Avviż Legali dwar il-kompetizzjonijiet taż-żwiemel;
Twaqqfet sub-committee dwar l-isperimentazzjoni fuq l-annimali.
Dwar l- annimali domestiċi tħejja u gie diskuss dokument dwar Stray Animal Control, li jinkludi żewġ dokumenti li jirrigwardjaw qtates u klieb meqjusa bħala stray;
Saret investigazzjoni dwar it-trasferiment tal-qtates li kienu jinstabu fil-ġonna tal-Palazz ta' San Anton.
L-Animal Welfare Council ippropona liġijiet li jikkonċernaw Standards Minimi għall-Protezzjoni ta' l-annimali fil-Pet Shops u "Standards" Minimi dwar l-Boarding Establishments tal-qtates u klieb.
Twaqqfet sub-committee dwar il-klieb li għandhom jitqiesu perikolużi.