Jista' l-Ministru jgħid xi studji saru s'issa fuq ix-xiri ta' proprjeta' privata mill-barranin jekk nissieħbu fl-Unjoni Ewropea?
Response (BORG, JOE)
Ġie kkummissjonat studju rigward l-akkwist tal-propjeta immobbli min persuni ta' ċittadinanza mhux Maltija fil-kuntest tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropeja.
Jista' l-Ministru jgħid kif se jsir it-tqassim finanzjarju tal-pajjiż: (a) tul il-fażi sakemm tintlaqa' l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-Ewropa; (b) meta Malta tiġi kkonsidrata bħala membru; u (ċ) wara s-sena 2003, f'każ li sa din id-data ma nkunux membri ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (BORG, JOE)
Peress li ma nistax nifhem il-mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant u b'mod partikolari ma fhimtx x'irid jgħid bil-frażi, tqassim finanzjarju tal-pajjiż, nitolbu jerġa jagħmel mistoqsija parlamentari fejn jispjega aħjar x'irid ikun jaf sabiex inkun nista nirrispondih.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tiġi tiswa lill-Malta sabiex din issir membru tal-grupp Europew u kif se tiġi ffinanzjata din l-ispiża?
Response (BORG, JOE)
It-tibdiliet li qed isiru tista tgħid kważi kollha hemm bżonn li jsiru indipendentement mis-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropeja. Dawn it-tibdiliet huma bżonnjużi sew għat-tisħih tal-ekonomija Maltija u wkoll għat-titjieb tal-kwalita tal-ħajja tal-Maltin. Ma jagħmilx sens għalhekk li wieħed jagħmel kalkoli dwar kemm ser tiġi tiswa lil Malta sabiex din issir membru tal-Unjoni Ewropeja.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Ħaddiema ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fil-Ministeru, dipartimenti jew entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f'dawn l-aħħar 20 xahar in konnessjoni mal-proċess ta' Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea?
F'dan is-sens, jista' l-Ministru jgħid: (a) kif ġew impjegati dawn il-ħaddiema; (b) min huma; (ċ) x'salarju u kondizzjonijiet dawn qed jirċievu; u (d) mil-liema fond qed jittieħdu l-flus għal dawn ir-raġunijiet?
Response (BORG, JOE)
L-informazzjoni qed tinġabar u risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti lista t'ambaxxaturi Maltin li qed iservu fi bliet Ewropej? X'inhu s-salarju ta' kull ambaxxatur? X'benefiċċji oħra għandhom dawn l-ambaxxaturi?
Response (BORG, JOE)
L-Ambaxxaturi Maltin li qed iservu fi bliet Ewropej huma:
Ambaxxatur Belt
Is-Sur William Spiteri Berlin
Is-Sur Victor Camilleri Brussels
Dr Michael Bartolo Geneva
Dr George Bonello du Puis Londra
Is-Sur Carmel Aquilina Madrid
Chev Paul Naudi Moscow
Prof Salvino Busuttil Pariġi
Dr Joseph Cassar Ruma
Is-Sur Eric Gerada Azzopardi Stockholm
Dr Joseph Licari Strasbourg
Dr Noel Buttigieg Scicluna Vienna
Ambaxxatur għandu salarju ta' Lm8,234 fis-sena u ma' dan irid jiżdied ukoll l-instalment ta' Lm156 fis-sena tal-Ftehim Kollettiv. Waqt li jkunu qed iservu barra minn Malta l-ambaxxaturi u uffiċċjali fi gradi oħra jitħallsu, flok dan is-salarju, global emoluments kif stabbiliti mill-Ministeru bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi.
L-ambaxxaturi għandhom dawn il-benefiċċji:
(a) Representation allowance ta' Lm1,000 fis-sena;
(b) Akkomodazzjoni mħallsa mill-Gvern, inkluż l-ispejjeż għas-servizzi ta' dawl, ilma, telefon, etc. Ta' min jgħid li peress illi l-akkomodazzjoni hija b'xejn, l-ambaxxaturi jitnaqsulhom 25% tal-Global Emoluments;
(c) Outfit allowance ta' Lm400 li titħallas kull ħmistax-il sena;
(d) Benefiċċji oħra skond il-każ kif hemm ipprovdut fil-Conditions of Service for Officers Serving Overseas bħalma huma education grant u spejjeż ta' mard.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi mobile phones u/jew karozzi mikrija mill-gvern għall-użu mill-impjegati tal-European Union Information Centre? Jekk iva, min jużahom u kemm jiswew lill-gvern fuq medda ta' xahar?
Response (BORG, JOE)
Il-European Union Information Centre għandu mobile phone wieħed li jintuża mill-Kap taċ-Ċentru. Dan jiswa medja ta' Lm50 fix-xahar f'sejħiet, skond il-ħtieġa.
Iċ-Ċentru jikri karozza waħda għal-Kap taċ-Ċentru li tiswa Lm178.25 fix-xahar. Ma dawn l-ispejjeż, hemm l-ispejjeż tal-petrol li huma madwar Lm30 u Lm40 fix-xahar skond il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu mal-European Union Information Centre? Kemm jitħallsu fuq medda ta' xahar u kemm sewa lill-pajjiż dan iċ-ċentru minn mindu nfetaħ?
Response (BORG, JOE)
Bħalissa hemm seba' persuni, minbarra il-Kap (Dr Simon Busuttil) li jaħdmu mal-European Union Information Centre. Dawn is-seba impjegati jitħallsu s-somma ta' Lm3241.42 fix-xahar bħala salarji u Lm1270.00 f'allowances bejniethom.
Fl-1999 meta nfetaħ, dan iċ-ċentru ma kellux allokazzjoni għalih u l-infieq dak iż-żmien kien meħud mill-voti differenti tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u għaldaqstant, kif jista' jifhem l-Onorevoli Interpellant, jeħtieġ żmien twil biex tislet din l-informazzjoni dettaljata. Minn din is-sena 2000, iċ-Ċentru għandu allokat vot għalih, kif imħabbar fl-Estimi Ġenerali, ta' Lm310,000. L-ispiża għal perjodu minn Jannar sa April 2000 kienet ta' Lm43,323.90.
Jista' l-ministru jgħid kemm kienu d-delegazzjonijiet ministerjali li żaru pajjiżi barranin matul is-sena 1999? Minn min kienu fformati d-delegazzjonijiet imsemmija u għal-liema raġuni d-delegazzjonijiet żaru l-imsemmija pajjiżi? Kemm swiet f'termini finanzjarji kull delegazzjoni?
Jista' l-Ministru jgħid kemm siefru staff mid-Dipartiment ta' l-Affarijiet Barranin fuq żjarat uffiċjali matul is-sena 1999? Min kienu dawk l-impjegati li marru fuq xogħol barra minn Malta? Kemm swew f'termini finanzjarji ż-żjarat imsemmija?
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'se jkun l-impatt tas-sitwazzjoni meta l-Unjoni Ewropea trid tissussidja permezz tad-direct aid lill-22.6% tal-ħaddiema tas-settur agrikolu tal-pajjiżi ġodda? Kif se tiffaċċja din ir-realta' l-Unjoni Ewropea meta fil-mument tissussidja 5% li huwa n-numru ta' ħaddiema fl-Unjoni jaħdmu fis-settur agrikolu?
Response (BORG, JOE)
L-impatt jista biss jiġi ikkalkulat meta jintlaħaq ftehim finali u globali bejn l-Unjoni Ewropeja u l-pajjiżi applikanti kollha. Inoltre il-mistoqsija qegħda tirreferi għall-impatt tas-sussidju permezz tad-direct aid lill-ħaddiema tas-settur agrikolu tal-pajjiżi ġodda fuq l-Unjoni Ewropeja. Tkun preżunzjoni da parti tal-Gvern Malti li jipprova jikkalkula dan l-impatt fuq l-Unjoni Eworpeja innifisha. Hija l-Unjoni Ewropeja li għandha tagħmel dan l-eżerċizzju.
B'riferenza għall-propaganda li għamel il-gvern flimkien mal-ministeru tiegħu u ta' l-agrikoltura dwar is-sussidju tad-direct aid li l-Unjoni Ewropea tiggarantixxi fis-settur agrikolu tal-pajjiżi membri u pajjiżi ġodda, jista' l-Ministru jinfurmani kemm qed jikkalkolu l-Gvern Malti li se jkun is-sussidju tad-direct aid f'ċifra ta' flus li kull produttur tal-ħalib frisk lokali se jieħu qabel u wara li Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Ministeru ta'l-Affarijiet Barranin — Second Secretary
Question
Jista' l-Ministru, jekk jogħġbu, jara għaliex ir-revision of papers fl-eżami tas-Second Secretary fi ħdan il-Ministeru skritt, liema eżami sar f'Novembru 1999 (skritt) u Frar 2000 (orali), u liema revision of papers ġiet mitluba minn żewġ persuni biss madwar seba' ġimgħat ilu, għadha ma tlestietx u b'hekk il-kandidati l-oħra tħallew imdendlin?
Response (BORG, JOE)
L-eżami li għalih qiegħed jirreferi l-Onorevoli Interpellant u l-proċeduri li għandhom x'jaqsmu ma' dan l-eżami huma r-responsabbilita ta' l-Examination Branch fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u mhux tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin. Għalhekk nistieden lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienu r-raġunijiet li l-Kummissarji Verheugen u Fischler ħabbru li l-Kummissjoni Ewropea bidlet l-opinjoni tagħha dwar il-granting direct aid lill-bdiewa u raħħala tal-pajjiżi l-ġodda?
Response (BORG, JOE)
Dak li qalu l-Kummissarji Verheugen u Fischler jirreferi biss għall-bdiewa u r-raħħala tal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Malta mhix parti minn negozjati bejn l-Unjoni Eworpeja u l-pajjiżi applikanti tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u għalhekk il-mistoqsija mhix relevanti għall-każ ta' Malta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mal-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu mis-7 ta' Mejju, 1987 sal-25 ta' Ottubru, 1999?
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' mpjieg ingħataw dawn il-ħaddiema?
Response (BORG, JOE)
Bħal ma kelli l-okkażżjoni nirrispondi f'dan it-tip ta' mistoqsijiet, sakemm ma tingħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-gvern huwiex biħsiebu jakkwista bini ġdid għall-ambaxxata f'Moscow, ir-Russja? Jekk fl-affermattiv, kemm se jkun jiswa dan il-bini?
Response (BORG, JOE)
Nikkonferma li qed isiru negozjati ma' l-awtoritajiet Russi biex il-Gvern Malti jingħata bini ieħor għall-użu ta' l-ambaxxata Maltija f'Moska minflok l-appartament minn fejn qed topera bħalissa, liema appartament huwa wkoll proprjeta tal-Gvern Russu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li żjarat prospettivi tal-President tar-Repubblika f'pajjiżi barranin bħal dik ta' Kuba ġew miżmuma mill-gvern? X'kienet ir-raġuni għal dan? Kemm kien hemm stediniet lill-President li ma ġewx approvati mill-gvern?
Response (BORG, JOE)
Il-proċeduri stabbiliti għal ħafna snin rigward inviti għal żjarat barra minn Malta lill-President tar-Repubblika, jitolbu li dawn jiġu referiti mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin bil-parir tiegħu għad-deċiżjoni tal-Prim Ministru. Il-prattika kostanti kienet u għadha li l-parir tal-Ministeru lill-Prim Ministru jkun fis-sens li jiġi salvagwardjat l-istatus tal-Presidenza tal-Pajjiż f'każi ta' inviti li jinvolvu diskussjoni ta' materji li jikkonċernaw politika tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'safar bejn l-1987 u l-1996 mill-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu?
Response (BORG, JOE)
Bħal ma kelli l-okkażżjoni nirrispondi f'dan it-tip ta' mistoqsijiet, sakemm ma tingħatax raġuni 'l-għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Richard Cachia Caruana — Malta/EU Negotiating Team
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex finalizzat il-pakkett finanzjarju offrut lil Richard Cachia Caruana bħala ko-ordinatur tal-Malta/EU Negotiating Team? Jekk iva, fiex jikkonsisti?
Response (BORG, JOE)
Ma għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14090.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'riċevimenti mill-ministeru, dipartiment,korporazzjonijet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, bejn l-1987 u l-1996 sena b'sena?
Response (BORG, JOE)
Diġa kelli l-okkażżjoni nirrispondi li f'dan it-tip ta' mistoqsijiet, sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni li f'dan il-każ tkopri disa' snin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern li jkollu ambaxxata f'kull pajjiż membru jew applikant ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (BORG, JOE)
S'issa m'hux il-ħsieb tal-Gvern li jkollu ambaxxata f'kull pajjiż membru jew applikant ta' l-Unjoni Ewropeja, iżda li maż-żmien tinfetaħ Ambaxxata Maltija f'kull kapitali li l-Gvern jidhirlu li tkun għall-benefiċċju ta' Malta kemm fil-qasam politiku kif ukoll dak ekonomiku.