Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bordijiet tal-Gvern – persuni maħtura

Question

Tista' l-Ministru tagħti t-total , kif ukoll b’mod separat, tan-numru ta' nisa u n-numru ta' rġiel li ġew maħtura s'issa mill-Gvern preżenti fuq il-bordijiet tal-Gvern fl-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li kif tindika t-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra sa issa 21 persuna ġodda ġew maħtura fuq bordijiet taħt id-dekasteru li minnhom tmienja (8) huma nisa.

Ħaddiema taċ-ċivil — telework

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm ħaddiema taċ-ċivil fl-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha illi kienu qegħdin fuq teleworking sal-31 ta' Mejju 2013? Kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li sal-31 ta’ Mejju 2013 kien hemm 22 ħaddiema taċ-ċivil fl-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi li qegħdin fuq teleworking. Minn dawn hemm 21 nisa u raġel wieħed.

Mizzi House – asbestos

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’se tagħmel biex isserraħ ras l-impjegati tal-MCCAA dwar dak li kienet tgħid meta kienet fl-Oppożizzjoni dwar is-soqfa tal-asbestos fil-viċinanzi u dan meta kienet tiddikjara li l-preżenza tal-asbestos huwa ta’ detriment għas-saħħa tal-ħaddiema? Tista’ tgħid meta saru l-aħħar testijiet tas-sulari kollha u tpoġġi kopja ta’ dawn ir-riżultati fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-testijiet li kienu saru fl-MCCAA taħt l-amministrazzjoni preċedenti u li b’riżultat tagħhom ġew installati HEPA filters għas-spejjez tal-istess awtorità biex tiġi indirizzata din il-problema. Dan juri li l-management ta’ din l-istess awtorità kien konxju tad-dannu li seta’ kien hemm għas-saħħa tal-ħaddiema minħabba l-preżenza ta’ soqfa bl-asbestos. Kien ikun tajjeb kieku l-amministrazzjoni preċedenti serrħet ras l-impjegati billi qabel daħlithom fl-uffiċċji l-ġodda tal-MCCAA, għamlet health and safety risk assessment report komplut u dan wara li x-xogholijiet kollha jkunu lesti. Fir-rigward tal-materjal innifsu, jiġifieri l-asbestos, tiddikjara li hu ta’ detriment għas-saħħa tan-nies, Regulation (EC) No. 1272/2008 li tistipula li dan il-materjal huwa Carcinogen Categori 1A, jiġifieri ġie xjentifikament u epidemjoloġikament ippruvat li jikkawża l-kanċer fil-bniedem (asbestosis, mesothelioma, bronchial carcinoma u gastro-intestinal carcinoma – dan kollu hu stipulat f’Direttiva 2009/148/EC tal-KE). Fil-fatt skont Regulation (EC) No. 1907/2006 l-użu u t-tqegħid fis-suq tal-KE ta’ dan il-materjal huwa pprojbit wara l-2005 u jekk il-prodott kien installat qabel l-2005 jista’ jibqa’ jintuża sakemm jasal fl-aħħar tas-service life tiegħu. Kif dħalna fil-gvern ordnajt li ssir investigazzjoni f’dan ir-rigward u jidhirli li għandi nistenna l-esperti jagħmlu xogħolhom qabel nikkummenta aktar dwar dan il-kaz. Id-dokumentazzjoni tkun ippubblikata meta l-investigazzjoni tiġi konkluża.

Ministeru għad-Djaloju Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — konsulenza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tagħha lill-individwu li ismu qed jintbagħat separatament, mill-1999 sal-lum? Tista' tgħid dwar xiex kien dan ix-xogħol, jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ma ngħata ebda xogħol ta’ konsulenza lill-individwu li ismu qed jidher separatament mill-1999 sal-lum, mill-Ministeru inkluz entitajiet kollha li jaqgħu taħti.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — kuntratti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-kumpaniji, li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, għandhomx kuntratti mal-Ministeru, inkluż entitajiet kollha li jaqgħu taħtha? Jekk iva, tista' tgħid x'tip ta' kuntratti għandhom? Tista' tgħid meta daħal fis-seħħ dan il-kuntratt u sakemm se jibqa' fis-seħħ? Tista' tgħid kemm huwa l-valur ta' kull kuntratt?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ma ngħata ebda xogħol lil kumpaniji li dettalji tagħhom ingħataw seperatament, mill-Ministeru inkluz entitajiet kollha li jaqgħhu taħti.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — Spejjeż għar-rinnovazzjoni tal-Ministeru

Question

Tista’ l-Ministru tagħti breakdown ta' kemm intefqu mill-fondi pubbliċi biex isir rinovar fil-Ministeru tiegħu minn Marzu 2013 ’l hawn? Tista’ fil-breakdown jinkludi l-uffiċċju tagħha, kif ukoll tal-istaff tagħha u konsulenti rispettivi? Tista’ fis-somma tinkludi l-ispejjeż fuq l-għamara kollha tal-uffiċċji, kompjuters u n-nefqa biex dawn jitwaħħlu mas-sistemi neċessarji kif ukoll l-ispiża fuq stationery? Tista’ għal kull item/servizz tgħid kif dan ġie mixtri/inġaġġat, jekk hux permezz ta’ direct order, quotations jew tender?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li: · Fir- rigward xiri / leasing ta’ Computers u Laptops nagħmel riferenza għat-tweġieba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2368. Wara li ngħatat din ir-risposta sar: · Leasing ta’ laptop u desktop. Il-leasing ser ikun ta’Euro 616.37 fis-sena għal 5 snin u charge ta’darba ta’ Euro 1,456.12 · Xiri ta’PC Tablet wara li kienu evalwati 3 stimi għas-somma ta’ Euro 679 Fir-rigward tal-bini li qed jintuża fil-prezent mill-Ministeru ma sar l-ebda spejjez ta’refurbishment. Mandankollu rigward l-ispejjez li saru sa issa għal refurbishment tal-bini fejn ser ikun rilokat fih il-Ministeru f’Barriera Wharf ( ex Dipartiment tas-Sajd ) huwa kif ġej: · Wi-Fi network u żewġ network switches f’Barriera wharf li l-ispiża mistennija tkun Euro 1301.76. · Network printer li ser jiswa Euro 260 · Xiri ta’materjal għal-Pest Control għall binja f’Barriera Wharf – Euro 125.00 · Tibdil strutturali intern f’Barriera Wharf – Euro 1888.00 · Tibdil ta’pavimentar intern f’Barriera Wharf – Euro 4956.00 L-ispiża fuq Stationery ammontat għall Euro 737.58. Dawn l-affarijiet intuzaw jew inxtraw wara li jkunu ġew maħruġa talbiet għall-Quotations neċessarji.

Għaqdiet tal-konsumaturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il għaqda tal-konsumaturi hija reġistrata f'Malta? Meta ġew reġistrati dawn l-għaqdiet? Kemm hu n-numru ta' membri ta' kull għaqda reġistrata? X' għajnuna ngħatat diġà kull għaqda din is-sena u x'inhu ppjanat li tingħata kull għaqda sal-aħħar tas-sena 2013?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li bħalissa hemm għaqda waħda, L-Għaqda tal-Konsumaturi, reġistrata. Ir-reġistrazzjoni tkun imġedda kull sena. Din l-għaqda għandha 105 membru. Għal dik li hi għajnuna l-Awtorita tipprovdi post u l-kera fejn tiltaqa l-għaqda kif ukoll il-ħlas ta'servizzi ta'dawl, ilma u ndafa.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — Proġetti inawgurati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema kienu l-proġetti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu li ġew inawgurati bejn l-1 ta’ Diċembru 2012 u t-8 ta’ Marzu 2013 u min inawgurahom? Tista’ tgħid jekk dawn il-proġetti kenux lesti kompletament jew jekk kienx fadal xi xogħol xi jsir fuqhom u filkas tgħid fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol li kien fadal? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu tħallsu flus sad-data tal-ftuħ, u kemm kien fadal spejjeż pendenti?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ma kien hemm ebda proġett li jaqgħa taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħi u li gie inawgurat bejn l-1 ta' Diċembru 2012 u t-8 ta' Marzu 2013.

MCCAA – użu ta’ liftijiet

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar x'tip ta' spezzjonijiet isiru mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), jew xi awtorità oħra għal dak li jikkonċerna użu ta' liftijiet, kemm jekk dawn huma fil-privat kif ukoll jekk jinsabu f'postijiet pubbliċi?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li d-divizjoni tar-Regolamenti Tekniċi tal-MCCAA tagħmel spezzjonijiet skond il-Programm Nazzjonali taqs-Sorveljanza tas-Suq fuq lifts. Is-Sorveljanza issir kemm fuq lifts installati f’postijiet privati kif ukoll dawk fi stabilimenti pubbliċi u / jew kummerċjali. L-ispezzjonijiet jirrigwardjaw tfittxija fuq il-lift jekk għandux is- CE mark flimkien man-numru tan-Notified Body li huma mandatorji skond il-liġi li jitwaħħlu f’post fejn jidher fil-kabina, għall-lifts kollha li ġew installati wara l-1 ta’ Lulju 2002. Issiru ukoll verifikazzjonijiet biex jigi stabbilit jekk il-lifts humiex reġistrati, haġa li hija mandatorja għall-lifts kollha li hawn f’Malta irrispettivament mid-data tal-instalazzjoni.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — konsulenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tagħha jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tagħha lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-1998 sal-lum? Tista’ tgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dettal relatat ta' kemm ingħata xogħol ta' konsulenza lill persuna ( li dettalji tagħha ngħataw separatament ) mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — spiża fuq IT

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inxtraw jew inkrew computers/laptops/mobile devices għall-impjegati tas-Segretarjat tal-Ministru? Meta nxtraw u kemm hu l-valur li nxtraw bih? Kemm inkrew, jekk inkrew u kemm hi l-kirja? Kemm kienet l-ispiża inizjali? Hemm spiża rikorrenti u kemm hi?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella tal-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivil — lista ta' bordijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tal-bordijiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Tista’ tgħid min huma d-diretturi li jservu fuq kull bord? Tista’ tgħid ukoll min kienu l-membri fuq kull bord sad-9 ta' Marzu 2013?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji relatati mal-Mistoqsija Parlamentari magħmula mill-Onor Interpellant. Rigward Bordijiet li għadhom ma nbidlux, ninforma lill-Onor Interpellant li qed jiġu riveduti u se jiġu mħabbra fi żmien opportun jekk ikun il-każ.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — Konsulenti u Kumitati

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista aġġornata tal-konsulenti li nħatru minn Marzu tal-2013 ’l hawn? Kemm hu l-ħlas tagħhom individwalment fix-xahar, x’servizz huma mitluba li jagħtu u kemm-il siegħa huma mitluba jaħdmu fix-xahar fuq ix-xogħol ta’ konsulenza? Tista’ fil-lista tinkludi wkoll il-membri ta’ kull kumitat li nħatru minn Marzu tal-2013 ’l hawn, kemm qed jitħallsu u x’servizz hu mitlub li jagħti kull membru?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ma ġiex appuntat ebda konsulent minn Marzu tal-2013 sal-lum.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — ingaġġ ta' persuni minn barra s-servizz pubbliku

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhu n-numru ta' persuni li qed jaħdmu fis-segretarjat privat tagħha u kemm minnhom ġew ingaġġati minn barra s-servizz pubbliku?

Response (DALLI, HELENA)

Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li n-numru ta' persuni jaħdmu fis-Segretarjat Privat hu ta' 17 il-persuna. Minn dawn 9 persuni ġew ingaġġati barra mis-Servizz Pubbliku.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — konsulenzi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tagħha jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tagħha lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-1998 sal-lum? Tista’ tgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ma ngħata ebda xogħol ta' konsulenza mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, agenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi lill-kumpanija msemmija mill-1998 sal-lum.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — informazzjoni dwar vetturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk mal-ħatra tiegħu kellux informazzjoni dwar x'vetturi kellu tali Ministeru? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid jekk hux kull vettura nstabet u jekk kenitx f'kundizzjoni tajba?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba għall Mistoqsija Parlamentari numru 59. Ninforma lill-Onor Interpellant li mal-ħatra tiegħi ma kelli l-ebda vettura tal-Ministeru.

Direttiva dwar ħinijiet tax-xogħol

Question

In vista li l-Ministru ġiet ikkwotata li qalet li waħda mill-ewwel deċiżjonijiet bħala Ministru kienet li toħroġ direttiva lis-Servizz u lis-Settur Pubbliku, liema direttiva għandha tiżgura aktar trasparenza meta persuna impjegata f’dawn is-setturi tapplika għal telework, ir-reduced hours u l-flexitime, tista' l-Ministru tagħti iktar dettalji fuq it-tfassil ta' din id-direttiva, il-konsultazzjoni li saret, il-mod kif se jiġi aċċertat li din id-direttiva titħaddem u x'se jkunu l-konsegwenzi jekk jiġi mifhum li din id-direttiva mhux qed ikollha r-riżultati meħtieġa?

Response (DALLI, HELENA)

B'referenza għall Mistoqsija Parlamentari mill-Onor Interpellant, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta'ċirkolari li nħarget lil-Permanent Secretaries u li hi relatata mal-Mistoqsija.

Bordijiet u Kumitati tal-Gvern — Membri nisa

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għandux policy li tistipula l-persentaġġ minimu ta' nisa li għandu jkun hemm f'kull bord u kumitat appuntat mill-Gvern?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern huwa impenjat li skont il-programm elettorali " naċċertaw li aktar membri fuq bordijiet, kummissjonijiet u nominazzjonijiet oħra mill-Gvern ikunu nisa"