Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta ġie mwaqqaf il-proġett scoops?
Jista' jgħid min hu responsabbli mit-tħaddim ta' dan il-proġett?
Jista' jgħid kemm titħallas il-koperattiva outlook sabiex tmexxi dan il-proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-proġett Scoops ġie mwaqqaf fis-sena skolastika 1995/96. Il-project leader responsabbli minn dan il-proġett hu s-Sur Vincent Fabri.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew investiti flus sena b'sena fuq il-proġett scoops minn kemm ilu li tnieda?
Jista' isemmi l-iskejjel li qed jibbenefikaw minn dan il-proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' involviment għandu l-bord tal-koperattivi fit-tħaddim tal-proġett scoops? Jista' jgħid jekk sarux studji dwar l-effettivita' ta' dan il-proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Bord tal-Koperattivi hu l-organiżżatur tal-proġett Scoops filwaqt li l-Koperattiva Outlook hi responsabbli għall-implimentazzjoni.
Ninsab infurmat li fis-sena 2000 il-Bord tal-Koperattivi kien ħareġ sejħa għall offerti biex jiġi kkommissjonat tracer study fuq ex-membri li pparteċipaw fil-proġett. Dan barra Evaluation Report li jsir kull sena mill-implimentatur.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid: a) x'inhu l-kapital u d-dħul li persuna ma tridx teċċedi biex tikkwalifika għall-għajnuna medika b'xejn (free medical aid)? b) kemm ilu ma jiġi emendat dan it-test tal-mezzi li jintitolak għall-għajnuna medika bla ħlas? Kif kien qabel sar dan it-tibdil? c) ma jaħsibx il-Viċi Prim Ministru li wasal iż-żmien li dan it-test jitwessa' aktar biex jieħu in konsiderazzjoni ż-żidiet fid-dħul tal-familji Maltin u Għawdxin f'dawn l-aħħar snin u b'mod speċjali, iż-żidiet kbar fil-prezzijiet tal-mediċini fl-aħħar snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-kapital li persuna ma tridx teċċedi biex tkun intitolata għall-Għajnuna Medika b’xejn ma jridx tkun iktar minn Lm4,000 f’każ ta’ persuna waħedha u Lm7,000 f’każ ta’ koppja miżżewġa. Id-dħul ma jridx jeċċedi dak kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Infakkar lill-Onor. Interpellant li jien il-Gvern Nazzjonalista li permezz ta’ emendi fl-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali fl-1992 żied il-massimu tal-kapital minn Lm2,200, li kien japplika kemm għal persuna waħedha kif ukoll għal koppja miżżewġa, għal Lm4,000 u Lm7,000 rispettivament.
Ma jidhirlix li fil-preżent dawn il-limiti tat-test tal-kapital għandhom jiżdiedu iżda ta min jgħid li, fejn jirrigwarda t-test tad-dħul dan jiġi rivedut kull meta tingħata żieda għall-għoli tal-ħajja.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti l-ammont ta' dħul matul is-sena 2003 li kull wieħed mill-awtoritajiet, regolaturi u entitajiet pubbliċi oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu daħħlu direttament u li f'xi żmien qabel l-1998 kienuj jidħlu direttament fil-fond konsolidat fir-revenue tal-gvern u inklużi fl-estimi ġenerali approvati mill-Parlament?
Jista' f'kull każ jagħti s-sena minn meta dan id-dħul ma baqax inkluż fl-estimi ġenerali u beda jinġabar direttament minn dawn l-awtoritajiet u azjendi, korpi parastatali, eċċ. skond il-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u Tweġiba ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-funzjoni tal-koperativa Crossroads? Minn min hi ffurmata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Crossroad Co-operative Society Ltd. hi koperattiva magħmula minn seba’ ħaddiema tal-Water Services Corporation biex iwettqu xogħol ta’ tħaffir u tqegħid ta’ mains ta’ l-ilma u xogħol ieħor relatat.
Ninsab infurmat ukoll li din il-koperattiva mistennija tidħol ukoll għar-responsabbilta’ għal manutenzjoni fis-sistema tad-distribuzzjoni ta’ l-ilma.
Jistgħu jittieħdu passi biex jiġi żgurat li meta deċiżjonijiet tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jiġu kkomunikati liċ-ċittadini u ssir riferenza li jistgħu jappellaw minn tali deċiżjonijiet u ssir referenza għall-indirizz fejn isir l-appell, dan l-indirizz jiġi stampat għax rajt komunikazzjonijiet mingħajr l-indiritt tal-Arbitru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li kull fejn tingħata deċiżjoni bil-miktub dwar talba għall-benefiċċju taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, li dwarha jista’ jsir appell lill-Arbitru, d-deċiżjoni tkun tinkludi l-informazzjoni li jista’ jsir appell, it-terminu taż-żmien li fih dan għandu jsir u fejn dan għandu jiġi ndirizzat.
Madankollu, jekk l-Onor. Interpellant jaf b’xi każ speċifiku fejn dawn id-dettalji ma kienux inklużi fid-deċiżjoni suġġetta għal appell, nitolbu jgħaddili kopja tad-deċizjoni, anki b’mod kunfidenzjali, biex nitlob lid-Dipartiment konċernat jinvestiga.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif se jiġu allokati l-appartamenti li hemm fi Triq S. Franġisk, Bormla u cioe' jew mill-awtorita' tad-djar jew mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ tad-Djar għaddiet l-appartamenti li għamel referenza għalihom l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex jingħataw b’titolu ta’ kera lill-applikanti mad-Dipartiment.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'benefiċċji huma ntitolati għalihom is-single parents bi tfal tat-twelid, meta l-omm tkun bla impjieg?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ġenituri singli li ma jkunux jaħdmu u jissodisfaw it-testijiet tal-mezzi stabbiliti skond l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali jkunu ntitolati għall-Għajnuna Soċjali u għall-Allowance tat-Tfal.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hi ntitolata li tieħu bħala għajnuna soċjali single parent b'tarbija żgħira? Hemm differenza fejn il-missier ikun unknown father?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ammont dovut bħala Għajnuna Soċjali jiddependi mit-test tal-meżżi ta’ l-applikanti u għalhekk dan l-ammont ivarja skond id-dħul ta’ dik li tkun. Irrid ngħid li ġenitur singlu jista’ jaħdem u jaqla ammont li, mgħadud mar-rata dovuta ta’ Għajnuna Soċjali, ma jkunx jaqbeż il-paga minima nazzjonali.
Id-differenza bejn single mother fejn missier it-tarbija jkun magħruf u fejn le hi li fil-każ ta’ l-aħħar ma jkunx possibbli li jintalab manteniment għat-tarbija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux se jsiru t-tiswijiet neċessarji fil-post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u dan sabiex il-familja li kienet toqgħod fih terġa' tirritorna fih?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-post indikat mill-Onor. Interpellant fih ħsarat estensivi li prattikkament jirrikjedu li jitwaqqa’ u jinbena mill-ġdid.
Barra dan, ninsab infurmat mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali li l-familja in kwestjoni qed tirrifjuta li tiffirma l-kuntratt ta’ l-allokazzjoni temporanja li ngħatat. Jekk l-familja ser tibqa tirrifjuta li tiffirma l-kuntratt allura d-Dipartiment ma jkollox alternattiva ħlief li jirtira din l-allokazzjoni bl-implikazzjonijiet kollha li dan iġib miegħu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk mara li nfirdet minn mar-raġel u marret tgħix ma' ommha armla li tgħix bil-pensjoni titlifx kull assistenza soċjali, benefiċċji tal-mard, eċċ? Kif tista' tgħix bil-pensjoni ta' ommha, l-iżjed jekk ikollha spejjeż tal-mard għall-mediċini u l-kura?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, nisa miżżewġa li jinfirdu minn ma żwieġhom jistgħu jkunu ntitolati għall-Għajnuna Soċjali kemm jekk jgħixu waħedhom kif ukoll jekk imorru jgħixu mal-ġenituri tagħhom. Dan mingħajr ma jaffettwaw ir-rata ta’ xi assistenza li l-ġenituri jkunu ntitolati għaliha. Ovvjament ir-rata ta’ din l-għajnuna lil dawn in-nisa dvarja minn każ għal każ skond id-dħul tagħhom.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid xi drittijiet għandha għal għajnuna soċjali tfajla ta' 15-il sena li għandha tarbija u tgħix mal-familja? Jirriżulta li biex tingħata l-għajnuna jrid ikun magħruf min hu missier it-tarbija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali xebba li ssir omm jkollha dritt għall-Għajnuna Soċjali kemm il-darba tissodisfa il-kriterji kollha rikjesti mill-istess Att dwar l-għotja ta’ din l-Għajnuna. Minbarra dawn il-kriterji hemm ukoll l-obbligu li tfittex lill-missier it-tarbija għall-manteniment ta’ l-istess tarbija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se tiġi kkonsidrata bis-serjeta' u bl-urġenza meħtieġa l-applikazzjoni għal akkomodazzjoni soċjali minn omm mhix miżżewġa bi tlett itfal li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jitratta kull applikazzjoni bis-serjeta. Barra dan, kull applikant ikollu l-meritu tiegħu għalfejn japplika u d-dipartiment ikkonċernat jara li jgħati attenzjoni lill kull applikazzjoni li jirċievi kif proprju anke qed jiġri fil-każ ta’ l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid x’se jiġri mid-dipartiment Women in society u mill-ħaddiema li jaħdmu f’dan l-istess dipartiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Att ta’ l-2003 dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa, li ġie fis-seħħ fid-9 ta’ Diċembru 2003, jipprovdi li jkun hemm Kummissarju u Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa. Skond l-istess Att il-Kummissjoni tkun amministrata minn Direttur Eżekuttiv u uffiċjali oħra, li jistgħu jkunu uffiċjali pubbliċi assenjati mill-Prim Ministru biex jaqdu dmirijiethom mal-Kummissjoni.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-problemi amministrattivi li qed iżommu milli jinħadmu ż-żidiet fil-pensjoni kif kien ġie miftiehem qabel il-budget tas-sena 2002, skond liema ftehim il-pensjoni kellha tiġi aġġustata għas-snin 2003 u 2004 biex tirrifletti ż-żieda li ħadu fis-salarji tagħhom il-ħaddiema tal-gvern? Meta huwa maħsub li jiġu solvuti dawn il-problemi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-fatt ir-reviżjonijiet tal-pensjonijiet meħtieġa wara ftehim kollettivi li jkunu saru ma japplikax biss għall-ex impjegati tal-Gvern iżda għall-pensjonanti kollha li xi darba kienu jaħdmu ma’ Dipartiment, ażjenda, eċċ., involuta f’tali ftehim kollettiv.
Il-proċess biex isiru dawn ir-reviżjonijiet hu għalhekk wieħed kontinwu u ninsab infurmat li qed isir minn kollox biex dan jitħaffef.
L-Onor. Interpellant jifhem li bin-numru tant kbir ta’ pensjonanti, inklużi ex-impjegati tal-Gvern, id-Dipartiment mhux f’pożizzjoni li jagħti data preċiża meta l-ezerċizzju dwar l-ex impjegati tal-Gvern ikun iffinaliżżat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna minuri li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ma tistax tkompli tibqa' man-nanna materna li d-dettalji tagħha wkoll qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Kemm saru laqgħat tat-task force tat-Tarzna fis-sena 2003? Meta saru u kemm saru laqgħat din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fis-sena 2003 saru 8 laqgħat tat-Task Force. Dawn saru fil:
14.02.03
5.06.03
18.06.03
1.07.03
18.07.03
1.08.03
5.09.03
26.09.03
Dan apparti l-laqgħat li sussegwentement saru biex ikun negozjat il-Ftehim Kollettiv.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-policy biex isir lift fi blokk ta' flats tal-gvern? Kif jistgħu ir-residenti in kwestjoni japplikaw biex isiru dawn il-lifts? X'inhi l-pożizzjoni tar-residenti f'dan il-blokk li jkunu xtraw il-flat u allura l-flat ikun sar tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-politika tal-Gvern dwar installar ta’ lifts fi blokki tiegħu eżistenti hi li, fejn hu possibbli, lift jiġi installat jekk tkun tgħix persuna b’diżabilita’ ta’ mobilita’ f’dak il-blokk. Applikazzjonijiet f’dan ir-rigward isiru lill-Awtorita’ tad-Djar taħt Skema V.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3096 li jien tajt f’Seduta Numru 67.