Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kuntatti kien hemm mal-gvern Franċiż u l-gvern Ġermaniż mill-elezzjoni 'il hawn dwar l-applikazzjoni Maltija għall-sħubija fl-Unjoni Ewropea?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma rapporti li ma ġewx miċħuda u li dehru fl-istampa lokali, mhux Laburista, li dawn iż-żewġ gvernijiet huma xettiċi dwar l-applikazzjoni Maltija?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Ma għandi ebda rapport fis-sens imsemmi mill-Onor. Interpellant dwar iż-żewġ pajjiżi konċernati. Għal kuntrarju, r-rapporti li għandi huma f' kontest pożittiv.
Għal dak li jirrigwardja l-ewwel parti tad-domanda ta' l-Onor. Interpellant, ġa hemm kontatti mal-gvern Franċiż dwar inkontru bilaterali. Għal dak li jirrigwardja l-gvern Ġermaniż hu maħsub li jsiru kuntatti neċessarji fi żmien xieraq.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Trasferimenti
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' transfers li saru fid-dekasteru u entitajiet li jaqgħu taħtu mis-6/9/98 sa l-24/10/98?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Bejn is-6 ta' Settembru 1998 u l-24 ta' Ottubru 1998, erbgħa uffiċċjali ingħataw il-permess biex jiġu trasferiti mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin għal Dipartimenti oħra fejn huma stess talbu li jmorru. Dawn l-uffiċċjali kienu kollha jaħdmu fis-Segretarjat Privat tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent ta' qabel.
Prof. Salvino Busuttil — Elezzjonijiet Presidenzjali tas-CHEAM
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li Gvern Laburista preċedenti innomina lill-Professur Salvino Busuttil sabiex jikkontesta l-elezzjonijiet Presidenzjali tas-CHEAM li se jsiru f'Pariġi f'Diċembru li ġej?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk din in-nomina hijiex se tibqa' tiġi onorata?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Nikkonferma li l-Gvern Laburista kien innomina lill-Professur Salvino Busuttil sabiex jikkontesta l-elezzjonijiet għall-President tal-International Centre for Advanced Mediterranean Agronomic Studies (CHEAM).
Għandi l-pjaċir nikkonferma wkoll li l-Gvern Nazzjonalista se jkompli jestendi s-support tiegħu għan-nominazzjoni tal-Professur Busuttil.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il safra diġa' siefer mill-5 ta' Settembru, 1998 s'issa?
Liema bliet żar u x'kienet ir-raġuni?
Min akkumpanjah għal kull safra?
Kemm swiet kull safra?
Ma' min tkellem u fuq xiex tkellem?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Mill-5 ta' Settembru 1998 s'issa il-Viċi Prim Ministru għamel dawn il-viżiti barra minn Malta.
(A) Fl-14 ta' Settembru żar Vienna fejn kellu laqgħat mal-President tal-Kunsill tal-Ministri ta' l-Unjoni Ewropea u Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Awstria, Dott. Wolfgang Schussel. Iż-żewġ Ministri ddiskutew il-proċess marbut mar-rivitalizzazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' Malta. Fi Vienna l-Viċi Prim Ministru u Ministru ltaqa' ma Alois Mock ġia Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Awstria.
(B) Fil-15 ta' Settembru żar Ruma għal taħdidiet mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Taljan, l-Onor. Lamberto Dini u mas-Sotto Segretarju ta' l-Istat għall-Affarijiet Barranin Dott. Pier Francesco Fassino, kemm fuq r-rivitalizzazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq suġġetti bilaterali. F' Ruma il-Viċi Prim Ministru ħa l-opportunita biex ikollu laqgħa mhux uffiċċjali ma Giulio Andreotti.
Għal dawn iż-żewg viżiti, il-Viċi Prim Ministru kien ikkompanjat mill-Assistent Personali tiegħu is-Sur Walter Balzan u mis-Sur Saviour Falzon, Kap tad-Direttorat tal-EU.
(C) Bejn it-23 u l-24 ta' Settembru ikkompanja lill-President ta' Malta, l-E.T. Dott. Ugo Mifsud Bonnici, meta dan kien mistieden jindirizza l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill taż l-Ewropa ġewwa Strasbourg. Il-Viċi Prim Ministru ħa l-opportunita ta' din iż-żjara biex ikollu laqgħat ma' l-Onor. Daniel Tarschys, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa, ma' Membri tal-Monitoring Committee li tiegħu hu kien iċ-Chairman, u mal-Bureau rappreżentati fil- kunsill tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa. Waqt dawn il-laqgħat il-Viċi Prim Ministru spjega l-politika barranija tal-Gvern Ġdid Malti, l-iżjed fejn tolqot l-applikazzjoni ta' Malta għal shubija fl-UE.
Ġewwa Strasbourg, il-Viċi Prim Ministru akkompanjawħ l-Assistent Personali tieghu s-Sur Walter Balzan u s-Sur Charles Cremona mis-Segretarjat Privat tiegħu.
(D) Bejn l-24 u d-29 ta' Settembru żar New York sabiex jattendi u jindirizza l-Assemblea Ġenerali tan-NU kif ukoll sabiex ikollu laqgħat ma' diversi personalitajiet distinti, fosthom is-Segretarju Ġenerali tan-NU l-E.T. Kofi Annan, mal-President Palestinjan Yasser Arafat, mal-President ta' l-Assemblea Ġenerali l-Onor. Didier Opertti, mal-Kummissarju tal-UE Hans van den Broek, mad-Direttur tan-NU f' Ġinevra Vladimir Petrovsky, u mas-Sotto Segretarju fid-Dipartiment ta' l-Istat Amerikan Tom Pickering. Il-Viċi Prim Ministru kellu laqgħat ma' Ministri għall-Affarijiet Barranin ta' dawn il-pajjiżi: Ġordan, Tunisia, Eġittu, Andorra, Morocco, Croatia,Turkija,Greċja, Portugall, Lussemburgu, Irlanda, Albania, Olanda, Ungerija, Ċipru u Ġamajka. Kellu wkoll laqgħat ma' numru ta' Rapprezentanti Permanenti għan-NU minn diversi pajjiżi. Dawn il-laqgħat servew sabiex il-Viċi Prim Ministru spjega fid-dettal il-politika estera ta' Gvern ġdid, partikolarment dik konnessa ma' l-applikazzjoni ta' Malta ghal-sħubija fl-UE, kif ukoll sabiex iddiskuta suġġetti ta' natura kemm multilaterali kif ukoll bilaterali.
Peress li xi kontijiet ta' l-ispejjes għal dawn il-vjaġġi ghadhom mhumiex magħrufa, partikolarment dawk li jintbgħatu mill-aġenziji ta' l-ajru, l-informazzjoni rigward l-ispejjez ta' dawn il-viżiti tingħata f' seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid jekk hux possibbli li persuna Maltija li tkun sejra l-Awstralja għal perijodu ta' madwar sitt xhur tingħata visa għal working holiday?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Skond ftehim li ġie ffirmat bejn Malta u l-Awstralja fil-31 ta' Lulju 1995, kull ċittadin Malti jista' japplika ghal working holiday visa, valida sa mhux aktar minn sena.
Jista' japplika kull ċittadin Malti bejn it-18 u l-25 sena u f'każi speċifiċi anke sa 30 sena, basta mhux akkompanjati minn tfal dipendenti.
L-applikazzjonijiet għal dan it-tip ta'visa jistghu jintlaqgħu fl-uffiċji tal-Kummissjoni Għolja Awstraljana f' Malta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li jiffurmaw l-istaff tas-segretarjat privat tiegħu? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid ukoll min huma l-istaff li għandu s-segretarju parlamentari fl-uffiċċju tiegħu? X'inhu r-rwol ta' kull impjegat? Liema huma dawk il-persuni ingaġġati b'kuntratt? X'inhuma l-kondizzjonijiet tax-xogħol inkluż paga, allowances u benefiċċji oħra ta' kull impjegat?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Minħabba li l-proċess ta' identifikar tal-persuni biex jimlew id-diversi karigi fi ħdan is-Segratarjati Privati kemm tal-Viċi Prim Ministru kif ukoll tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin għadu qed jiġi finaliżżat, mhux possibli li tingħata l-informazzjoni kollha mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jirċievu xi forma ta' allowance mill-5 ta' Settembru, 1998? Min huma u xi grad għandhom? F'liema dipartiment jew sezzjoni qegħdin? Għal liema raġuni qed tingħata l-allowance lil kull wieħed jew waħda minnhom?
Response (MARCO, GUIDO DE)
L-informazzjoni qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'seduta oħra.