Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #2350 Sitting 59 2003-11-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-saħħa — Importazzjoni ta' pilloli

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefaq s'issa din is-sena fl-importazzjoni ta' pilloli għad-dipartiment tas-saħħa? Jista' jgħid ukoll kemm tħallsu l-importaturi rispettivi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li n-nefqa fuq ix-xiri (procurement) fuq pilloli u apparat mediku bejn l-ewwel ta' Jannar u l-31 t'Ottubru 2003 kienet ta Lm14,781,009. L-importaturi tħallsu Lm13,312,441.64
Leg 10 PQ #2351 Sitting 59 2003-11-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Persuni li mietu b'mard konness ma' l-ikel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm mietu persuni kawża ta' mard marbut ma' l-ikel, jiġifieri mard tal-qalb, obeżita', eċċ., f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' jagħti ħjiel ta' l-etajiet tagħhom f'kategoriji?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li n-numru ta' mwiet bil-mard tal-qalb matul is-snin 2001 u 2002 kienu 925 u 956 rispettivament. In-numru ta' mwiet mill-obesita` matul is-snin 2001 u 2002 kienu 1 u 3 rispettivament. L-etajiet tal-persuni li kienu mietu huma indikati fit-tabella li qed inpoggi fuq il-mejda tal-kamra. L-ikel huwa wieħed mill-bosta fatturi li jikkawżaw dawn il-mard.
Leg 10 PQ #2762 Sitting 59 2003-11-19 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tas-Saħħa

Problema tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi solvuta l-problema tad-drenaġġ li ilha tbati minnha għal dawn l-aħħar sentejn il-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, peress li qed jidħlilhom id-drenaġġ fil-kamra tas-sodda fejn torqod tifla b'diżabilita'?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li sa minn Marzu 2001, wara li saru l-investigazzjonijiet u testijiet neċessarji mid-dipartiment tas-Saħħa Pubblika ġie stabbilit li l-main sewer fi Triq La Vallette, Vittoriosa kien difettuż. Dan kien ukoll ikkonfermat b'CCTV test li sar mid-Dipartiment tad-Drenaġġ. Intbagħat avviż uffiċjali lid-Direttur tad-Dipartiment tad-Drenaġġ (SR\NU\11\01 u SR\NU\9\03) f'Marzu 2001, u sensiela ta' reminders f'Mejju 2001, Lulju 2001, Novembru 2001, Ottubru 2002, Jannar 2003, Awissu 2003, Ottubru 2003 u Novembru 2003, iżda ma jirriżultax li saru t-tiswijiet neċessarji mid-Dipartiment ikkonċernat. Ikun opportun jekk l-Onorevoli interpellant jirreferi tali mistoqsija lil Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #2661 Sitting 57 2003-11-18 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tas-Saħħa

Bormla — Spezzjoni f'fond minn health inspector

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ħareġ mill-inspection li għamlet il-health inspector fil-fond li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li spezzjoni oħra reġgħet saret minn uffiċjali ta' dan id-Dipartiment fis-7 ta' Novembru, 2003 fejn is-sitwazzjoni għada l-istess. Id-Dipartiment ta' l-Artijiet kien ġie mgħarraf bil-problema u kellu jieħu passi min-naħa tiegħu.
Leg 10 PQ #2240 Sitting 55 2003-11-12 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa/Sptar Mater Dei — Sodod

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tiswa lill-gvern fuq medja, sodda ġo l-isptar San Luqa u kemm hu maħsub li tiswa ġo l-isptar Mater Dei meta jitlesta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li sodda ġewwa l-isptar San Luqa tiswa skond kif qegħda kwotata fl-Avviż Legali 147 ta' 1989 kif emendat b'Avviż Legali 53 ta' 1992, 18 ta' 1997 u 147 ta' 2002. Qabel ma jibda jopera l-isptar Mater Dei wieħed ma jistax jikkalkula bl-eżatt kemm ser tkun tiswa sodda, pero' qed jitlesta studju dettaljat biex tkun ikkalkulata l-ispiża rikorrenti globali ta' l-isptar.
Leg 10 PQ #2522 Sitting 55 2003-11-12 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tas-Saħħa

Spiżeriji

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn spiżeriji f'Malta u f'Għawdex? X'inhuma r-rekwiżiti li fuqhom jingħata permess biex tinfetaħ spiżerija? Kemm hemm applikanti jistennew li jingħatalhom tali permess f'Malta u f'Għawdex? Ir-restrizzjonijiet li jeżistu bħalissa biex jingħata permess għall-ftuħ ta' spiżerija se jaqgħu ladarba issa sirna membri ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Bħalissa jeżistu 200 spiżerija f'Malta, li minnhom 8 huma għal mediċini veterinarji, u 13 -il spiżerija ġewwa Għawdex. Bħalissa teżisti friża amministrattiva għall-ħruġ ta' permessi ġodda. Madankollu, din il-friża ma tgħoddx jekk - 1. L-applikazzjoni tkun għal spiżerija li minnha jinbiegħu biss mediċinali veterinarji. 2. Jekk qabel ma bdiet tithaddem il-friza, kien diġa deċiż li jinħareġ permess, iżda sakemm saret din il-friża, il-permess ikun għadu ma hariġx minħabba xi xogħolijiet pendenti, eċċ. 3. Jekk ikun hemm deċiżjoni ulterjuri minn awtorita` gudizzjarja jew awtorita` oħra kompetenti bħalma hija l-Ombudsman. 4. Jekk, għal raġuni umanitarji, tinħass il-ħtieġa li tinfetaħ spiżerija, bil-patt li - a. it-talba ssir mill-Kunsill Lokali tal-post fejn jiġu spjegati r-raġunijiet kollha għaliex għandha tinfetaħ spiżerija, b. ma jkunx hemm oġġezjoni mill-imsieħba soċjali kollha u mill-Gvern, ċ. ma jkunx hemm konflitt ma' spiżeriji eżistenti jew applikazzjonijiet preċedenti f'din il-lokalita` jew area ġdida fl-istess lokalita`. Applikazzjonijiet fil-waiting list għal ftuħ ta' spiżeriji ġodda huma 300 għal Malta u 17 għal Għawdex. Ir-restrizjonijiet li jeżistu bħalissa għal permessi ġodda ma għandhomx x'jaqsmu mal-fatt li Malta saret membru ta' l-Unjoni Ewropea. L-adezjoni ta' Malta fl-Unjoni Ewropea ma ċċaħħadx lill-Gvern milli jirregola u jimponi kundizzjonijiet li jidhirlu xieraq fil-ħruġ ta' liċenzji ġodda.
Leg 10 PQ #2529 Sitting 55 2003-11-12 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tas-Saħħa

Ministeru tas-saħħa — Impjegat

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni ta' l-impjegat - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - biex jiġi trasferit u mibdul ma' impjegat ieħor - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu wkoll separatament - tad-dipartiment tal-public works?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.1426.
Leg 10 PQ #2190 Sitting 54 2003-11-11 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Każi ta' food poisoning

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hawn każi ta' food poisoning din is-sena u x'kien il-mikrobu responsabbli f'kull kas?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Matul is-sena 2003 sa l-aħħar ta' Settembru kien hemm 395 każ ta' food-poisoning. Minn dawn, kien hemm 176 każ individwali u 219 il-każ kienu involuti fi 33 outbreak. Minn dawn, Salmonella kienet responsabbli għal 43 każ individwali w 106 każijiet involuti f'7 outbreaks. Campylobacter kien responsabbli għal 32 każ individwali w 5 każijiet involuti f'2 outbreaks. E.Coli kien responsabbli għal każ wieħed individwali. Shigella kien responsabbli għal każ wieħed individwali. Scombrotoxic food-poisoning affetwa 2 każijiet individwali u 5 każijiet involuti f'2 outbreaks. F'97 każ individwali u f'103 każijiet involuti f'22 outbreaks, il-mikrobu ma ġiex identifikat.
Leg 10 PQ #2443 Sitting 54 2003-11-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat — Xiri ta' X-Ray Machine

Question

Jista l-Ministru jaggornani dwar PQ 109 u cioe’ meta se tinxtara X-ray machine ġdida għaċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, ħalli l-eluf ta' residenti fir-Rabat, Mtarfa, Baħrija, Landrijiet, Mtaħleb, Kunċizzjoni, Nigret, Tal-Virtu’, Buskett, Ħad-Dingli, eċċ, mill-ġdid jibda jkollhom is-servizz ta’ l-X-ray wara li ilu wieqaf miċ-Ċentru ta' saħħa għal dawn l-aħħar tliet snin ? Jista’ l-Ministru jara li din it-talba li jien qed inressaq f’isem ir-residenti tiġi milqugħa bla aktar telf ta' żmien ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

M'għandix x'inżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija numru 109 datata 23/06/2003, ħlief li mill-eluf ta' residenti li qiegħed tirreferi għalihom kien hemm 1109 li ħadu X ray ġewwa l-Mosta mit-22 ta' Jannar 2002, sa l-aħħar ta' Ottubru 2003.
Leg 10 PQ #2633 Sitting 54 2003-11-11 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Ħal Far — Ġibjuni

Question

Possibbli li spetturi sanitarji jagħmlu inspection fl-aqsar żmien possibbli fil-ġibjuni mikxufa li hemm ħdejn il-fabbriki ta' Ħal Far biex jiġi stabilit jekk dawn il-ġibjuni mikxufa mimlija sa fuq humiex ta' periklu għas-saħħa tan-nies u jekk hux suppost li jkunu mikxufa u aċċessibbli għal terzi persuni? Possibbli jittieħed kampjun biex jiġi stabilit jekk dawn il-ġibjuni humiex mimlija b'ilma tossiku jew bi drenaġġ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li spezzjonijiet fil-lokal indikat mill-Onor. Interpellant ilhom isiru minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, fejn ġie determinat li tali ġibjuni mikxufa jagħmlu parti minn sewage treatment plant abbandunat. Jidher ukoll li hemm xi ħsara w ħiereġ xi drenaġġ tal-fabriki fil-viċin. Peres li din il-materja ma taqax direttament taħt id-diviżjoni nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi tali mistoqsija lill-Ministu konċernat.
Leg 10 PQ #2638 Sitting 53 2003-11-10 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — ENT Out-patient - lift

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jkun lest il-lift li ġie żarmat fil-floor ta' ENT out-patient meta dan kien imwiegħed li jkun lest fit-3 ta' Ġunju, 2003? Jista' jinformani x'ġara?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-container bl-'ispare parts' ghall-lift kellu jasal fl-ewwel ta' Novembru 2003. Għal xi raġuni mhux magħrufa ser jasal tard. Għaldaqstant għandha ssir laqgħa mal-fornitur għal aktar tagħrif.
Leg 10 PQ #2389 Sitting 52 2003-11-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Mater Dei

Question

Kemm huwa stmat li se jiġi jiswa l-isptar Mater Dei meta jitlesta? X'nies se jkun hemm bżonn f'kull qasam biex jitħaddem l-isptar Mater Dei? Kemm huwa stmat li se jiswa kull ġimgħa biex jitmexxa dan l-isptar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-isptar Mater Dei huwa stmat li se jiġi jiswa madwar mitejn miljun Lira Maltija meta jkun lest. Dan jinkludi wkoll l-ispiża ta' l-ewwel kuntratt. Il-pjan dwar ir-riżorsi umani ġie finaliżżat iżda għad irid jiġi approvat. Minħabba li sar ħafna tibdil dwar kif se jopera l-isptar Mater Dei, l-istima li kienet saret f'Ottubru 1998 qed tiġi riveduta. F'dan ir-rigward qed isir studju dettaljat ta' kemm ser jiġi jiswa flus kull ġimgħa dan l-isptar.
Leg 10 PQ #2427 Sitting 52 2003-11-05 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tas-Saħħa

Persuni li mietu kawża tal-cancer

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm mietu persuni bil-marda tal-cancer mill-1 ta' Awwissu 2003 sal-lum u kemm kellhom eta'?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta' każijiet ta' mwiet bil-marda tal-kanċer irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta' l-Imwiet matul ix-xhur ta' Awissu u Settembru 2003 fiż-żewġ sessi huwa ta' 99 mewt f'residenti ta' Malta u Għawdex. L-etajiet tagħhom hija kif ġej: Age groups Male Female Total 0-14 0 0 0 15-24 0 1 1 25-34 1 0 1 35-44 0 0 0 45-54 4 7 11 55-64 11 6 17 65-74 19 11 30 75-84 9 16 25 85+ 9 5 14 Total 53 46 99 Din l-istatistika hija waħda proviżorja, filwaqt li għax-xahar ta' Ottubru 2003, din għad trid tinġabar.
Leg 10 PQ #2491 Sitting 52 2003-11-05 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Bormla — Triq San Ġorġ - ġrieden ħerġin minn sprall

Question

Jista' il-Ministru jara li jsir xi ħaġa sabiex ir-residenti ta' Triq San Ġorġ, Bormla ma jibqgħux jaraw ġrieden ħerġin minn sprall kantuniera ma' Triq M. Grima?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, permezz tat-taqsima tal-Pest Control, riċentament għamel trattament għal kontra l-ġrieden fis-sit indikat. Din il-problema ser tibqa' tiġi segwita sakemm tiġi taħt kontroll.
Leg 10 PQ #2421 Sitting 51 2003-11-04 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tas-Saħħa

Kors ta' pharmacist technicican

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk persuna pharmacist technician li għamlet il-kors u irriżenjat tistax terġa tidħol mal-Gvern? Jekk iva hemm il-ħsieb li tiftaħ din l-vakanza?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Kull persuna biex tidħol taħdem fis-Servizz Pubbliku trid tapplika meta s-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' postijiet f'dak il-grad toħroġ mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (PSC) fil-Gażżetta tal-Gvern. Ninsab infurmat li f'dan l-istadju m'hemm l-ebda ħsieb li d-Diviżjoni tas-Saħħa tirrakkomanda li tinħareġ sejħa għall-mili ta' postijiet fil-grad ta' Pharmacy Technician.
Leg 10 PQ #2537 Sitting 51 2003-11-04 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Ħ'Attard — Ċentru tas-saħħa

Question

B'riferenza għall-mistoqsija paralmentari 1775, jista' il-Ministru jgħid x'kienu t-talbiet minn naħa tal-kunsill lokali ta' Ħ'Attard biex tingħata uplift lil Berġa ta' Ħ'Attard? Xi pjan totali hemm għall-berġa? Kemm se tkun l-ispiża totali?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma saret ebda talba minn naħa tal-kunsill Lokali ta' Ħ'Attard biex il-berga fl-istess lokal tiġi refurbished. Il-pjan li hemm għas-sena id-dieħla huwa ta' refurbishment ta' rutina sabiex l-ambjent ikun ta' livell aċċettabli. L-ispejjeż biex dan isir għadhom ma ġewx finaliżżati.
Leg 10 PQ #2538 Sitting 51 2003-11-04 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Ċentri tas-saħħa

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il berġa ġiet irranġata tul dawn l-aħħar ħames snin? X'tip ta' xogħol sar? Kemm kienet l-ispiża għal kull berġa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

F'dawn l-aħħar ħames snin il-bereġ li ġew irranġati huma ta' San Ġwann, tal-Belt Valletta (strada Żekka), Żejtun, Siġġiewi, Ħamrun, Santa Venera, Ħal-Tarxien, Santa Luċija, Xgħajra, Mġarr, u ta' San Pawl il-Baħar. Barra minn dawn, il-bereġ l-oħra ġew mgħotija manutenzjoni minn nies tal-maintenance tad-dipartiment tal-Kura Primarja meta kien meħtieġ.
Leg 10 PQ #2157 Sitting 50 2003-11-03 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Single mothers — Twelid ta' trabi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm twieldu trabi lil single mothers din is-sena? Kemm minn dawn l-ommijiet huma taħt is-16-il sena? X'inhi l-eta' ta' l-ommijiet l-oħra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment ta' l-Informazzjoni fuq s-Saħħa għandu informazzjoni nazzjonali fuq it-twelid ta' trabi lil ommijiet (Maltin jew mhux Maltin) għall-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, irreġistrati fil-National Obstetric Information System (NOIS). Kienu reġistrati total ta' 299 ommijiet single li weldu 304 trabi f'Malta u Għawdex bejn Jannar u Ġunju ta' din is-sena. Minn dawn il-299 ommijiet single, 7 kienu taħt is-16-il sena. Il-kategorija ta' l-eta ta' l-ommijiet single l-oħra jidher kif ġej: Jannar-Ġunju 2003 Kategorija ta' l-Eta (snin) Numru ta' Ommijiet single <16 7 16-19 63 20-24 119 25-29 65 30-34 27 35-39 14 40-44 3 45+ - Mhux speċifikat 1 Source: NOIS
Leg 10 PQ #2217 Sitting 50 2003-11-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Ministeru tas-Saħħa — Konsulenti/kumpanniji ta' konsulenza

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel jew jagħmel użu minnhom mit-13 ta' April, 2003 sal-lum? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Leg 10 PQ #2394 Sitting 50 2003-11-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tas-Saħħa

Talbiet Pendenti — Servizz ta' inkontinenza

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti għas-servizz ta' inkontinenza mill-1 ta' Awwissu 2003 u mil-liema lokalita' huma?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lil Ministru kkonċernat.