Tista' l-Ministru tikkonsidra li l-pazjenti li jbatu bil-marda kronika tal-Fibromyalgia jingħatalhom id-dritt għal disability card, blue sticker u reserved parking quddiem id-djar tagħhom u kif ukoll il-jedd li jikkwalifikaw għal home helpif ikun meħtieġ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-għoti tal-Karta ta’ l-Identita Speċjali mhux marbut ma’ xi mard jew kundizzjoni speċifika iżda din tingħata lill-persuni li għandhom xi forma ta’ diżabilita’. Biex persuna b’diżabilita’ tingħata l-Blue Sticker irid ikollha problemi ta’ mobilita’ skond il-kriterji ndikati fuq il-formola ta’ l-applikazzjoni u fuq il-parir tal-professjonisti tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilita’
Dwar l-għoti tas-servizzi ta’
home help
u
reserved parking
nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministri konċernati.
Tista' l-Ministru tara jekk l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, huwiex qed jirċievi l-pensjoni adegwata? Dan għaliex huwa qed isostni li għadu qed jirċievi pensjoni anqas milli dik dovuta lilu.
Response (CRISTINA, DOLORES)
Mill-informazzjoni provduta mill-Onor. Interpellant jidher ċar li l-kontribuzzjonijiet, imħallsa sal 1955 mill-persuna ndikata, ma setgħux jitqiesu għall-skop ta’ pensjoni taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, li originarjament ġie fis-seħħ fl-1956. Qabel l-1956 kienu jitħallsu kontribuzzjonijiet taħt il-Workmen’s Compensation Act, liema Att ma kienx jipprovdi għal skema ta’ pensjoni kontributorja.
Jekk din il-persuna għandha xi diffikulta’ oħra dwar il-pensjoni tagħha, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħtiha parir li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali tal-lokalita’ tagħha, jew iċċempel SPIC fuq numru tat-telephone 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Tista' l-Ministru tgħidli jekk anzjana armla li toqgħod waħedha f'dar mimlija umdita' u b'saqaf imxaqqaq perikoluż għandhiex bżonn il-kunsens tas-sid biex tapplika ħalli l-gvern jirranġalha l-post fejn toqgħod?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li biex persuna tapplika taħt l-iskema 5 ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, għall-irranġar ta’ djar mikrija mill-privat, l-Awtorita’ ma titlobx il-kunsens tas-sid.
Tista' l-Ministru tivverifika lmenti li qed jasluli ta' spiss minn għadd ta' ġenituri ta' persuni diżabbli li d-disposable nappies li qed jingħatawlhom mill-gvern għax huma ntitolati għalihom huma ta' kwalita' ħażina u mhux qed iservu l-iskop tagħhom? Jistgħu jittieħdu l-passi meħtieġa biex id-disposable nappies ikunu ta' kwalita' tajba?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Servizz ta’ l-Inkontinenza, li permezz tiegħu persuni b’diżabilita’ jingħataw disposable nappies, jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ tad-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita’.
Għalhekk nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid għal kemm ġranet sick fuq full pay u half pay huma ntitolati l-ħaddiema tal-gvern? Tista' tgħid jekk jgħoddx l-istess għall-ħaddiema li huma pensjonabbli (daħlu qabel 1979)? X'jiġri meta persuna tkun marida għal perijodu twil ta' madwar 3 u 4 xhur u għalxiex tkun intitolata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tieghu lill-Prim Ministru bhala l-Ministru responsabbli mis-Servizz Pubbliku.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-persuna minn Bormla, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma rċevietx c-cekk tar-relief?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna indikata li tmur l-uffiċċju distrettwali tad-dipartiment tas-sigurta' soċjali tal-lokalita' tagħha, jew iċċempel SPIC fuq numru tat-telephone 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Tista' l-Ministru tgħid kemm persuni jew familji ġew eżenti mis-surcharge fuq dawl u ilma? Kemm hu l-ammont li vvota l-Gvern għal din l-public obbligation?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li hemm 28,186 familja li gawdew mill-benefiċċju għall-energija. L-ammont li ġie vvutat għal din il-miżura għal din is-sena kien Lm3.3 miljuni.
Tista' l-Awtorita' tad-Djar tieħu l-passi meħtieġa biex l-koppja anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li toqgħod f'dar kbira tpartat l-post fejn toqgħod ma' post iżgħar? Dawn ilhom li applikaw għat-tpartit mis-sena 1994.
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni tal-koppja li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qed tingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Iżda ta’ minn jgħid li din il-koppja tixtieq tibqa’ tgħix tas-Sliema, fejn il-Gvern m’għandux postijiet għall-kiri.
Tista l-Ministru tgħid jekk l-Lm1.50 zieda għall-għoli tal-ħajja għas-sena 2008 hiex se tingħata sħiħa wkoll lil dawk li jgħixu bl-invalidity pension jew b'xi pensjoni oħra apparti dik ta' l-irtirar u kontributorja? Tista' tagħti l-lista sħiħa ta' dawk li jgħixu bil-pensjoni ta' xi tip u li se jibbenefikaw minn din iż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nikkonferma li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja għas-sena d-dieħla ser tingħata sħiħa lill-dawk kollha li jirċievu pensjoni taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, kemm jekk din il-pensjoni hi kontributorja u kemm le. Dawn jinkludu benefiċjari ta’ pensjoni għall-Irtirar, għall-Invalidita’, għar-Romol, ta’ l-Eta’, tad-Diżabilita’ u tal-Wens.
Tista' l-Ministru tara jekk tistax issir inspection tal-fond, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, billi allegatament għandhom ħsara strutturali fis-saqaf tal-gallerija li tista' tkun ta' periklu għall-inkwilini?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ghaddejt it-talba ta’ l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar biex jinvestiga u jiehu l-azzjoni mehtiega
Tista' l-Ministru tara x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma ngħatat l-ebda sodisfazzjon ta' x'inhi r-raġuni għaliex ma rċevietx il-voucherssabiex jagħmlu tajjeb għas-surcharge, għad li din kienet tikkwalifika għalihom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali tal-lokalita’ tagħha jew iċċempel SPIC fuq numru tat-telephone 159 biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Tista' l-Ministru tinfurmana kemm kienu dawk l-impjegati li ma baqgħhux jaħdmu fl-Adult Training Centres matul is-sena l-oħra u din is-sena minħabba raġunijiet differenti? X'kienu l-grades tagħhom (ngħidu aħna careworkers, support workers, eċċ)? Kemm daħlu mpjegati ġodda fl-ATCs minflokhom f'dan il-perijodu? Kemm daħlu klijenti ġodda f'dan il-perijodu u x'diżabilita' kellhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant, li jkopri l-perijodu minn April 2007, meta ċ-Ċentri għall-Persuni b’Diżabilita’ għaddew taħt ir-responsabbilta’ tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali, sal-lum, hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmata wkoll li tagħrif mitlub li jkopri l-perijodu minn Jannar 2006 sa Marzu 2007 qed jinġabar u jingħata f’xi Seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid meta ser tiġi aġġustata l-pensjoni ta' l-ex ħaddiema ta' l-Enemalta li għandhom jieħdu b'lura minn Jannar 2006?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-pensjoni tas-Sigurta Socjali ta' l-ex-impjegati ta' l-Enemalta tigi riveduta a bazi tal-Ftehim Kollettiv wara li dan jigi konkluz.
Tista' l-Ministru tgħid fuq liema kriterji huma eżentati mill-ħlas tal-konsum ta' l-elettriku tal-lifts dawk il-familji li jabitaw fil-blokk flats tal-gvern li hemm f'dawn it-toroq fil-Belt Valletta: Mediterran, S. Kristophru, Sant Ursula, u San Duminku?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-blokk li rrefera għalih l-Onor. Interpellant mhux ta’ l-Awtorita’ tad-Djar u l-lifts fih ma ġewx stallati mill-Awtorita’.
Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat..
Tista' l-Ministru tgħid kemm tħallset f'kera ta' proprjeta' użata mill-Ministeru, dekasteru u enti tagħha matul Jannar, Frar u Marzu 2007? Tista' tgħid fejn tinsab l-istess proprjeta' mikrija, għal liema skop qed tintuża u min hu/huma s-sid/sidien?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-taghrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex minnu li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li hi chairperson ta' l-Awtorita' tad-Djar se tkun ic-Chief Executive Officer (CEO). Tista' tpoġġi kopja tal-kuntratt fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ilha tokkupa l-pożizzjoni ta’ Chairperson Eżekuttiv ta’ l-Awtorita’ tad-Djar mill-1 ta’ Ġunju 2006. M’hemmx ħsieb li jkun hemm bdil f’dan ir-rigward.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-kuntratt li jirregola din il-pożizzjoni.
Tista' l-Ministsru tgħid jekk il-Binja Dockyard Terrace, Isla se tiġi żviluppata bħala lukanda jew għal skop kummerċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm ebda ħsieb li l-binja magħrufa bħala Dockyard Terrace, l-Isla, tiġi żviluppata bħala lukanda jew għal skop kummerċjali.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 28095 li saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern u issa ġiet riferuta lilha u tara li d-Dipartiment ta' l-Artijiet jaġġusta l-kera tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, wara li romlot fit-2 ta' Awissu, 2007?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-kuntratt tal-kera dwar ir-residenza tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma jipprevedix li ssir revizjoni tal-kera wara xi żmien jew bdil fiċ-ċirkostanzi ta’ l-inkwilini.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 27838 u ċioe: B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 27380, tista' l-Ministru tagħti l-istess tagħrif għall-bliet u rħula Maltin għall-istess medda ta' żmien?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li l-persuni jistgħu jiġu identifikati, partikolarment fejn kien hemm persuna waħda jew tnejn f’lokalita’, ma nħossx li għandhom jiġu ppublikati r-raġunijiet mediċi.