Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #4013 Sitting 100 2004-02-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studenti — Lezzjonijiet tal-privat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux regolamenti dwar kemm għandu jkun hemm studenti meta għalliem jagħti l-privat? Jaf il-Ministru li skond ilmenti li rċevejt qed ikun hemm klassijiet ta' aktar minn ħmistax-il ruħ f'garaxxijiet u fi djar privati?

Response (GALEA, LOUIS)

S'issa l-Att ta' l-Edukazzjoni ta' l-1998 ma jirregolax l-għoti ta' 'privat' minn għalliema. Iżda fost il-proposti li qed jiġu konsidrati fl-abbozzar ta' emendi jew liġi ġdida ta' l-edukazzjoni hemm dawk li jirregolaw id-diversi aspetti ta' l-għoti ta' lezzjonijiet privati.
Leg 10 PQ #4078 Sitting 100 2004-02-04 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Servizz ta' mobile phones

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus imħallsa xahar b'xahar, matul is-sena 2003 għas-servizz ta' mobile phones fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma dawk il-persuni li għandhom l-użu ta' mobile phone uffiċjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Leg 10 PQ #4102 Sitting 100 2004-02-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST — Bord tal-gvernaturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-bord tal-gvernaturi tal-MCAST jiġi kostitwit għal kollox kif suppost?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li qed jiġi konsidrat tibdil fl-Istatut ta' l-MCAST ser nistenna it-terminu oriġinali tal-Bord preżenti jiskadi tul din is-sena bl-iskop li jinħatar Bord skond it-tibdil imsemmi.
Leg 10 PQ #4117 Sitting 100 2004-02-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Użu mill-faċilitajiet tar-Razzett tal-Ħbiberija

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3986 u cioe' kemm hemm skejjel primarji u sekondarji statali li qed jużaw il-faċilitajiet tar-Razzett tal-Ħbiberija matul din is-sena skolastika? Jista' jgħid kemm kien hemm skejjel jużaw dawk il-faċilitajiet is-sena skolastika li għaddiet? Jista' jgħid kemm ħallsu l-iskejjel s-sena li għaddiet u din is-sena għall-użu ta' dawn is-servizzi?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Leg 10 PQ #3841 Sitting 99 2004-02-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Eżamijiet

Question

Jista’ il-Ministru jara jekk hux minnu jew le li fl-Universita` ta’ Malta qed ikun hemm eżamijiet li qed ikunu fl-istess ħin ta’ lectures ta’ suġġetti oħra anke dawk magħrufa bħala sekondarji?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ebda suġġett m'hu meqjus jew magħruf bħala sekondarju u l-ebda student ma jista' jkun obbligat joqgħod għal eżami meta fl-istess ħin hu obbligat jattendi lecture. Skond il-kalendarju għas-sena akkademika 2003/2004 kif approvat mis-Senat, il-lectures waqfu fis-16 ta' Jannar u l-eżamijiet ġew ipprogrammati li jsiru bejn 19 ta' Jannar u 7 ta' Frar. Meta f'każijiet rari u eċċezzjonali jkun hemm il-ħtieġa li jsiru xi lectures fiż-żmien ta' l-eżamijiet dawn isiru wara li jkun assigurat li l-istudenti ma jkollhomx eżami fil-ħin tal-lecture.
Leg 10 PQ #4011 Sitting 99 2004-02-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Fondi

Question

B'referenza għall-mistoqsija numru 3650, jista' l-Ministru jwieġeb dik il-parti li tistaqsi jekk l-Istat ikunx jaf kemm mill-flus imorru f'kull skola partikolari u jekk fl-affermattiv jagħti breakdown ta' kemm ħadet kull skola fis-sena skolastika 2002/03?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva il-Gvern jiġi informat. Tagħrif dwar skola skola ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #4012 Sitting 99 2004-02-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Fondi għall-manutenzjoni

Question

B'referenza għall-mistoqsija numru 3649, jista' jgħid jekk il-gvern jagħtix somma separata għall-manutenzjoni jew jekk il-ħlas isirx b’mod globali? Kif jiġi stmat dak li jkun imiss għall-manutenzjoni? L-iskejjel tal-Knisja jagħmlu talbiet separati għal dan il-għan?

Response (GALEA, LOUIS)

Mill-ammont ċitat fit-tweġiba, Lm296,967 jingħataw għal spejjeż ġenerali.
Leg 10 PQ #3835 Sitting 98 2004-02-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti li ħarġu qabel l-eta' ta' 16-il sena

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fis-sena skolastika 2002/2003 kemm kien hemm subien u bniet separatament li talbu li jitilqu mill-iskola qabel ma għalqu is-16-il sena? Jista’ jagħti l-figuri term b' term? Mil-liema lokalitajiet kienu? Kemm kienu mill-iskejjel ta' l-Istat, mill-iskejjel tal-knisja u mill-iskejjel indipendenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li talbu permess jitilqu mill-iskola qabel ma għalqu is-16 il-sena fis-sena skolastika 2002/2003 hu ta' 389 li 74 minnhom ġejjin mill-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti. 189 studenti huma bniet. Informat li a' bażi ta' lokalita' in-numru ivarja minn student għal tnejn f'kull lokalita'.
Leg 10 PQ #3836 Sitting 98 2004-02-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Rapporti dwar tehid ta' drogi

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' tehid ta' drogi u /jew ta' suspett ta' tehid ta' droga fl-iskejjel Maltin u Għawdxin fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika? Jekk fl-affermattiv, kienu mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja jew dawk indipendenti? X' passi ttieħdu f' kull każ? Kemm minn dawk rappurtati kienu subien u kemm kienu bniet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kien hemm 82 rapport ta' teħid jew suspetti ta' teħid ta' droga fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika. F'dawn il-każijiet saret ħidma mis-Substance Abuse Policy Team fi ħdan is-Safe Schools Programme. Dan huwa Unit fi ħdan it-Taqsima ta' Student Services fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Dawn ir-rapporti kollha issa qed jiġu mmexxija b'koordinament ma' l-amministrazzjoni ta' l-iskola flimkien mal-Guidance and Counselling Unit. Fi tlett każi qed issir ħidma koordinata li tinvolvi wkoll lill-aġenzija Sedqa, l-aġenzija Appoġġ u it-Taqsima kontra d-Droga tal-Pulizija. Fi 23 każ, il-ħidma involviet lil Sedqa u lill-Pulizija biss, waqt li fi 13-il każ ġiet involuta Sedqa iżda mhux il-Pulizija. Minħabba raġunijiet ta' kunfidenzjalita' l-informazzjoni ma tistax tingħata għal kull każ, iżda b'mod ġenerali. Skejjel Statali - 68 Subien - 59 Ħidma minn Sedqa - 39 Knisja - 4 Bniet - 23 Pulizija - 26 Indipendenti - 10 Appoġġ - 3 Total - 82 Total - 82
Leg 10 PQ #3840 Sitting 98 2004-02-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Gżira — Skola Antonio Bosio

Question

Jista’ il-Ministru jindaga dwar x’qed iżomm milli tittieħed deċiżjoni minn dawk konċernati biex jitneħħa l-periklu mit-toroq ta’ ħdejn l-iskola li minħabba fih l-istudenti ta’ l-iskola Antonio Bosio tal-Gżira qed ikollhom jiffaċċjaw meta jirkbu l-privates fil-ħin ta’ wara nofsinhar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat illi qiegħdha tittieħed azzjoni f’dan ir-rigward. Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni informa lill-Kunsill tal-Lokal dwar is-sitwazzjoni. Il-Kunsill intalab iwaħħal it-tabelli neċessarji biex il-parking space biswit l-iskola jiġi riservat għall-coaches fil-ħinijiet tal-ħruġ ta’ l-istudenti ta’ l-iskola sekondarja.
Leg 10 PQ #4105 Sitting 98 2004-02-02 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

ETC — Chief executive officers

Question

Jista' il-Ministru jgħid b'mod separat kemm-il darba siefru fuq xogħol tal-ETC iċ-chief executive officer u d-deputy chief executive officer, kemm qattgħu ġranet imsiefrin u kemm irċevew subsistence allowance matul kull safra, bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 2001, l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 2002 u l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 2003?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Leg 10 PQ #3832 Sitting 97 2004-01-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Każi ta' assenteiżmu

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fis-sena skolastika 2002/2003 kemm-il ġenitur ittellgħu l-qorti talli t-tfal tagħhom ma attendewx l-iskola u ma kellhomx raġuni ġustifikata? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu subien u kemm bniet? Kemm kienu mill-iskejjel ta' l-istat, tal-knisja u indipendenti separatament? Mill-liema lokalitajiet kienu?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li it-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 10 PQ #3833 Sitting 97 2004-01-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Rapporti dwar assenteiżmu

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' assenzi mhux ġustifikati fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti separatament wara l-ewwel term ta' din is-sena skolastika? Jista’ jelenka dawk l-iskejjel li għamlu dawn ir-rapporti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li in-numru ta' rapporti ta' assenzi mhux ġustifikati minn skejjel statali fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika kien ta 3506. M'hemmx informazzjoni għall-iskejjel l-oħra.
Leg 10 PQ #3834 Sitting 97 2004-01-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti li ħarġu qabel l-eta' ta' 16-il sena

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika kemm kien hemm talbiet minn studenti biex jitilqu mill-iskola qabel ma għalqu is-16-il sena? Kemm kien subien u kemm bniet u kemm kienu mill-iskejjel ta' l-Istat, mill-iskejjel tal-Knisja u mill-iskejjel indipendenti? X' kienu r-raġunijiet prinċipali għal dawn it-talbiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li in-numru ta' studenti li talbu biex jitilqu mill-iskola qabel ma għalqu is-16-il sena fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika hu kif jidher hawn taħt: Sena Skolastika Skejjel ta' l-Istat Skejjel tal-Knisja Skejjel Indipendenti 2003 - 2004 L-Ewwel Term Subien 18 1 NIL Bniet 15 1 NIL Ir-raġuni prinċipali għal dawn it-talbiet hi is-sejbien ta' impieg. F'każijiet rari jkun hemm talbiet għal raġunijiet umanitarji.
Leg 10 PQ #3988 Sitting 97 2004-01-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Primarja San Ġwann

Question

Xi rriżulta miż-żjara li perit għamel fis-sala tal-iskola primarja ta' San Ġwann? X'rakkomandazzjoni għamel dwar l-istat tal-bini?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li is-sitwazzjoni hi kif spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija numru 2459 u li iż-żjara imsemmija tal-Perit hi konnessa ma' tħejjijiet ta' xogħolijiet li jridu jsiru fl-iskejjel.
Leg 10 PQ #3996 Sitting 97 2004-01-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

ETC — Persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-aħħar figura tal-persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol f'Malta u Għawdex, lokal b'lokal? Jista' jagħti l-preferenzi ta' l-unemployed għall-istess perjodu għal-lokalitajiet ta' Bormla, Birgu, Isla, Kalkara, Fgura u Xgħajra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li it-tagħrif uffiċċjali li jmiss jiġi pubblikat fi Frar 2004.
Leg 10 PQ #4049 Sitting 97 2004-01-30 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Entitajiet pubbliċi — Dħul ta' fondi matul l-2003

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-ammont ta' dħul matul is-sena 2003 li kull wieħed mill-awtoritajiet, regolaturi u entitajiet pubbliċi oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu daħħlu direttament u li f'xi żmien qabel l-1998 kienu jidħlu direttament fil-fond konsolidat fir-revenue tal-gvern u inklużi fl-estimi ġenerali approvati mill-Parlament? Jista' f'kull każ jagħti s-sena minn meta dan id-dħul ma baqax inkluż fl-estimi ġenerali u beda jinġabar direttament minn dawn l-awtoritajiet u azjendi, korpi parastatali, eċċ. skond il-każ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-uniku dħul bħal dak imsemmi mill-Onor. Membru minn xi ente li taqa' taħt il-Ministeru tiegħi kien fl-ammont ta' Lm 7,661.39 favur id-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji. L-arranġament hu b'effett mis-sena 2000.
Leg 10 PQ #3823 Sitting 96 2004-01-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Vot kapitali

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3612 u cioe' kemm kien il-vot kapitali li kellha l-Universita' f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm intnefqu minn dawn il-voti, sena b'sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li il-Voti Kapitali approvati lill-Universita' ta' Malta fis-snin 1999 sa 2003 u l-ammonti minfuqa fis-snin rispettivi huwa kif ġej: Sena Ammont approvat fl-estimi Ammont minfuq 1999 2,753,000 2,833,000 2000 2,095,000 2,045,000 2001 800,000 799,978 2002 800,000 800,023 2003 800,000 755,000 Totali 7,248,000 7,233,001 Ta' min jinnota li fis-snin 1999/2000 l-Universita' ta' Malta kienet ibbenefikat minn fondi mir-raba' Protokoll Taljan għall-ammonti ta' LM 1,953,000 għas-sena 1999 u LM 1,295,000 għas-sena 2000.
Leg 10 PQ #3984 Sitting 96 2004-01-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada — Quantity Surveyor

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta saret sejħa għall-quantity surveyor mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada? Jista' jgħid kemm applikaw u b'liema kwalifiki? Kemm intagħżlu u b'liema kwalifiki? Min intagħżel u b'liema kwalifiki?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sejħa saret nhar il-15 ta' Ġunju 2003, u applikaw sitt persuni. S'issa ma ntagħżel ħadd minn dawn l-applikanti.
Leg 10 PQ #3986 Sitting 96 2004-01-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Faċilitajiet tar-Razzett tal-Ħbiberija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm skejjel primarji u sekondarji statali li qed jużaw il-faċilitajiet tar-Razzett tal-Ħbiberija matul din is-sena skolastika? Jista' jgħid kemm kien hemm skejjel jużaw dak il-faċilitajiet is-sena skolastika li għaddiet? Jista' jgħid kemm ħallsu l-iskejjel s-sena li għaddiet u din is-sena għall-użu ta' dawn is-servizzi?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li it-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar mill-iskejjel kollha, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.