Jista’ il-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti ffinalizzax it-trattattivi li kienu għaddejjin bix jinkisbu premises ġodda għall-ambaxxata u l-konsolat tagħna f’Tuneż? Jekk iva, kemm ġejja tiswa din il-proprjeta’?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Gvern iffinaliżża t-trattattivi biex jinkisbu premises ġodda għall-ambaxxata u l-konsolat f'Tuneż. Din il-proprjeta' hija magħmula minn żewġ appartamenti fuq sular wieħed, mikrija inizjalment għal sentejn bil-prezz ta' 43,680,240 Dinar Tuneżin (LM12,613.41) fis-sena. Il-kuntratt ġie ffirmat fl-1 ta' Marzu 2004.
Rikjesti għal estradizzjoni minn gvernijiet barranin
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm rikjesti għal estradizzjoni minn gvernijiet barranin lill-Gvern ta' Malta bejn it-12 ta' Jannar u t-8 ta' April 2004? Kemm minn dawn ir-rikjesti ġew riferiti lill-awtoritiajiet ġudizzjarji u min kienu l-persuni involuti?
Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn ir-rikjesti ġew milqugħa u min kienu l-persuni involuti? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn ir-rikjesti ma ġewx riferiti lill-awtoritajiet ġudizzjarji għax ġew miċħuda mill-ewwel fuq livell ta' ministeru u min kienu l-persuni nvoluti?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li ma kienx hemm rikjesti għal estradizzjoni minn Gvernijiet barranin lill-Gvern ta' Malta bejn
it-12 ta' Jannar u t-8 ta' April 2004.
Jista' il-Minsitru jgħid jekk matul iż-żjara f'Malta ta' USS Batom u biċċa oħra tal-baħar Amerikana, ġewx mogħtija permess lill-membri ta' l-ekwipaġġ biex ikunu armati fuq l-art? Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-fatt kienx hemm uħud mill-ekwipaġġ armat fil-Barrakka anke matul il-lejl? Jista' jgħid jekk waslulux rapporti dwar dan? Jista' jgħid ukoll x'passi ttieħdu jekk fil-fatt saru dawn ir-rapporti?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin qatt ma rċieva talba jew ta permess lill-membri ta' l-ekwipaġġ tal-USS Bataan jew ta' xi biċċa oħra tal-baħar Amerikana biex dawn ikunu armati fuq l-art. Jien infurmat wkoll li ma waslu l-ebda rapporti għand il-forzi tas-sigurta' Maltin li kien hemm membri armati ta' l-ekwipaġġ stazzjonati fil-post indikat mill-Onorevoli Interpellant.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar il-ftehim fil-prinċipju li ntlaħaq mal-Ġermanja biex jgħinu lill-pajjiżna fil-ħruġ ta’ transit visas għal dawk il-pajjiżi fejn Malta ma għandhiex preżenza diplomatika?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Ministeri ta' l-Affarijiet Barranin ta' Malta u tal-Ġermanja qegħdin bħalissa f'kuntatt ma' xulxin sabiex naraw kif jista' jiġi attwat il-ftehim li ntlaħaq fil-prinċipju biex il-Ġermanja tgħin lil Malta fil-ħruġ ta' viżi, fejn Malta m'għandhiex rappreżentanza diplomatika.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-ambaxxata tagħna f’The Hague ġiet mgħarrfa mill-enlargement project team tal-Europol li kien hemm nuqqas ta’ progress min-naħa Maltija għas-sħubija tagħna fil-Europol tant li jidher li konna l-uniku acceding country li m’għandux joint liaison officer f’The Hague u li Malta mhijiex qed tlaħħaq mal-workshops kollha li qed ikun hemm għax qed tibgħat rappreżentant wieħed biss għar-regional Europol meetings?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li dewmien fid-diskussjonijiet dwar iċ-chancery premises f’Moska qegħdin ixekklu l-ambaxxata tagħna f’din il-belt milli tagħmel l-arranġamenti meħtieġa għat-tkabbir tat-taqsima konsulari biex tkun tista’ tilqa’ it-talbiet kollha ta’ visas li għandhom jinħarġu liċ-ċittadini tal-Federazzjoni Russa wara li nsiru membri sħaħ ta’ l-Unjoni Ewropea f’Mejju li ġej? Kien hemm xi żviluppi pożittivi dan l-aħħar?
Response (DALLI, JOHN)
In-negozjati ma' l-awtoritajiet Russi dwar l-allokazzjoni ta' bini akbar u aktar adegwat għall-Ambaxxata Maltija ġewwa Moska, li kienu nbdew xi snin ilu, għadhom għaddejjin. Il-ħruġ ta' viżi mill konsolat ta' l-ambaxxata huwa biss wieħed mis-servizzi li jingħataw mill-Ambaxxata. Dan is-servizz se jibqa' jingħata, minkejja l-fatt li, b'għaqal ekonomiku, m'humiex se jsiru spejjeż għalissa fl-irranġar ta' l-infrastruttura fil-binja eżistenti ta' l-ambaxxata.
Jista’ il-Ministru jgħid x’kien l-eżitu taż-żjara li għamel Sheikh Abdel Malik Al-Sheikh mill-Għarabja Sawdita fi Frar li għadda? X’kien l-għan taż-żjara tiegħu?
Response (DALLI, JOHN)
Iż-żjara f'Malta li għamel Sheikh Abdel Malik Al-Sheikh mill-Għarabja Sawdita fi Frar li għadda kienet waħda strettament ta' natura privata u għalhekk l-għan mhux magħruf.
AMBAXXATA MALTIJA FIL-LIBJA — XIRI TA’ PROPRJETA’ MILL-GVERN MALTI
Question
Jista’ il-Ministru jgħid fiex waslu l-arranġamenti biex tinxtara proprjeta’ ġdida fil-Libja mill-Gvern Malti biex tintuża bħala Konsulat/Visa Section ġdida ta’ l-ambaxxata? Kemm se tiġi tiswa?
Response (DALLI, JOHN)
Fil-25 ta' Marzu 2004, ġie ffirmat l-Att tal-Konvenju fuq ix-xiri ta' propjeta' fil-Libja biex tintuża bħala Konsolat. Skond l-Att tal-Konvenju il-kuntratt tax-xiri jrid jiġi ffirmat sal-25 ta' April 2004. Il-prezz tax-xiri hu ta' 600,000 Dinar Libjan li jiġu circa ta' 158,000 Liri Maltin.
B'riferenza għall-punt numru 4 tat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4700, jista' il-Ministru jgħid jekk sarux kuntatti ma' Radio 101 dwar id-disponiment ta' apparat tal-Voice of the Mediterranean?
Response (DALLI, JOHN)
Il-kuntatti msemmija fil-paragrafu (4) tat-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari 4700 ma sarux ma' Radio 101.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4818 u cioe' jista' jikkonferma li l-pakkett finanzjarju li se jiġi offrut lil rappreżentant permanenti għall-Unjoni Ewropea li ismu qed jintbagħat separatament, se jiġi finalizzat qabel jinħatar il-kabinett il-ġdid? Il-Ministru qiegħed f'pożizzjoni li jaġġorna lill-Kamra dwar dan il-pakkett finanzjarju flimkien ma' benefiċċji oħrajn lill-istess persuna? Jekk le, jista' jintrabat li jippubblika dettalji ta' dan il-pakkett finanzjarju ġaladarba jiġi konkluż u ffirmat? Se jkun hemm xi indemnity jekk dan il-kuntratt jiġi mitmum qabel iż-żmien?
Response (DALLI, JOHN)
Nikkonferma illi l-kuntratt bejn il-Gvern u r-Rappreżentant Permanenti Malti għall-Unjoni Ewropea fi Brussell ġie ffinaliżżat. Dan huwa msejjes fuq kuntratti simili li għandu l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ma' Ambaxxaturi Maltin barra minn Malta, u l-kundizzjonijiet ewlenin ta' dan il-kuntratt huma s-segwenti:
1. Il-kuntratt huwa għal tliet snin u jidħol fis-seħħ fit-23 ta' Marzu 2004.
2. Ir-Rappreżentant Permanenti huwa mistenni li jaqdi d-dmirijiet tiegħu kemm fi Brussell kif ukoll f'Malta.
3. Ir-Rappreżentant Permanenti jitħallas Global Emoluments marbutin ma' Skala 1 ta' l-Iskali Governattivi.
4. Addizzjonalment, ir-Rappreżentant Permanenti jirċievi Representation Allowance ta' LM2,500 fis-sena.
5. Ir-Rappreżentant Permanenti għandu l-użu ta' karozza uffiċċjali, flimkien ma' sewwieq personali, kif għandu kull Ambaxxatur residenti barra.
6. Ir-Rappreżentant Permanenti jkollu l-għanjuna u appoġġ ta' faċilitajiet anċillari, bħal servizzi segretarjali, użu ta' mobile phone u ta' kompjuter li wieħed normalment jassoċja ma' persuna f'kariga bħal tiegħu.