Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #24566 Sitting 509 2007-03-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Mobile Phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm mobile phones fid-dekasteru u dipartimenti oħra li jaqgħu taħtu? Kemm minn dawn intilfu jew nsterqu f'dawn l-aħħar 5 snin u minn liema dipartiment jew ente?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Għal l-ewwel mistoqsija n-numru huwa 88. Ma narax l-utilita' li ssir riċerka fuq 5 snin sħaħ biex tiġi mwieġba it-tieni mistoqsija.
Leg 10 PQ #24337 Sitting 508 2007-03-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Safriet ministerjali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24170 dwar xiri ta' biljetti ta' safar, jista' l-Ministru jgħidilna, safra safra, minn fejn inxtraw il-biljetti ta' l-ajru tiegħu meta ma ntużatx l-Air Malta f'każi fejn dawn is-safriet ma kienux jinkludu rotot li fuqhom l-Air Malta ma ttirx? Jista' isemmi wkoll l-aġenziji l-oħra ta' l-ivjaġġar li ġew ikkonsidrati u li ma ntgħażlux f'kull każ?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Fl-2005 kien hemm żewġ okkażżjonijiet fejn il-biljetti nxtraw mingħand l-aġenzija Enrico Travel Limited. Dawn kienu għal viżiti fil-Lussemburgu u għal viżita bilaterali fi Sri Lanka (proġetti tsunami) u fl-India. Fl-2006 kien hemm tmien okkażżjonijiet ta' viżiti li għalihom il-biljetti nxtraw mingħand Howard's Travel, mingħand (Bianchi Travel) Lufthansa City Centre u Enrico Travel. Dawn kienu għal viżiti fi Praga u Saliżburgu, fl-Awstralja, fil-Lussembrugu, Vienna, Finlandja, Brussel u New York. Għall-vjaġġi l-oħra kollha l-biljetti nxtraw mill-Air Malta, kif diġa kien indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24170. F'dik it-tweġiba kont indikajt liil-biljetti ta' l-ajru tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, jinxtraw dejjem mill-Air Malta ħlief meta dawn ikunu jinkludu rotot li fuqhom l-Air Malta ma ttirx. F'dan il-każ jittieħdu tlett quotations u tintagħżel l-irħas waħda. Il-każijiet indikati hawn fuq jirrappreżentaw dawk l-okkażżjonijiet ta' eċċezzjoni.
Leg 10 PQ #24224 Sitting 506 2007-03-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Affarijiet Barranin — Riżenji ta' chairmen

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu jservi fil-kariga ministerjali preżenti kemm kien hemm chairmen ta' kumitati, korporazzjonijiet, enti, awtoritajiet, aġenziji u korpi parastatali li jaqgħu taħtu li rriżenjaw jew talbu espressament li ma jiġux kkonsidrati mill-ġdid għall-kariga li kienu qegħdin jokkupaw? Min kienu u fejn kienu qegħdin iservu? Jista' Jagħti d-dati ta' kull każ applikabbli?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant ili kemm illi nservi fil-kariga Ministerjali preżenti kien hemm Chairperson waħda li rriżenjat mill-kariga li kienet tokkupa. Din kienet Ms Sylvia Sciberras li kienet isservi bħala Kap tal-Forum Malta fl-Ewropa. Ms Sciberras irriżenjat fis-6 ta' Mejju 2006.
Leg 10 PQ #24170 Sitting 504 2007-03-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Safriet ministerjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn fejn inqatgħu l-passaġġi ta' l-ajru tas-safriet ministerjali tiegħu nkluż is-safra fl-Awstralja, l-Asja u l-Emirati li ġiet tiswa 'l fuq minn Lm19,000?

Response (FRENDO, MICHAEL)

L-Onorevoli Interpellant huwa nkorrett meta jikkwota l-figura msemmija fil-mistoqsija tiegħu għar-rigward ta' dak li huwa jsejjaħ "safra". Il-biljetti ta' l-ajru għad-delegazzjoni għad-diversi pajjiżi u bliet imsemmija fejn ġew iffirmati żewġ trattati u saru diversi laqgħat bilaterali u laqgħat mal-komunitajiet Maltin-Awstraljani kienu jammontaw għal LM 10,549, kif indikajt fir-risposta li diġa tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari numru 23652. Kif jaf l-Onorevoli Interpellant, u kif diġa' indikajt f'mistoqsijiet parlamentari oħrajn, il-biljetti ta' l-ajru tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin b'ordni tiegħi, jinxtraw dejjem mill-Air Malta ħlief meta dawn ikunu jinkludu rotot li fuqhom l-Air Malta ma ttirx. F'dan il-każ jittieħdu tlett quotations u tintagħżel l-irħas waħda. L-irħas kwotazzjoni din id-darba kienet ta' Howard Travel u l-biljetti nxtraw minn hemm.
Leg 10 PQ #24150 Sitting 503 2007-03-06 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Għawdex — Investiment barrani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm investiment barrani dirett f'Għawdex kull sena mill-1999 sa l-2005 u kull xahar fl-2006? Jista' jgħid fejn sar l-investiment?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nitlob lil-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #23652 Sitting 499 2007-02-26 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Zjara ministerjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown dettaljat tan-nefqa (inkluż akkomodazzjoni u biljetti ta' l-ajru) fuq iz-zjara ministerjali tiegħu u tad-delegazzjoni tiegħu fl-Awstralja is-sena li għaddiet għal Commonwealth Games?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Is-sena li għaddiet m’għamilt ebda żjara għall-Commonwealth Games. Iż-żjara tiegħi u tad-delegazzjoni tiegħi kienet żjara fl-Emirati Għarab Magħqudin (U.A.E.), f’Singapore, fil-Malasja u f’ħamest ibliet fl-Awstralja. Kelli laqgħat bilaterali fl-erba’ pajjiżi li żort u f’Singapore u l-Emirati Għarab Magħqudin iffirmajt Trattati dwar it-Taxxa Doppja tant essenzjali għas-settur tas-Servizzi Finanzjarji f’Malta. Fl-Awstralja kelli laqgħat mal-Komunitajiet, u membri ta’ Clubs Soċjali u Assoċjazzjonijiet Kummerċjali, Maltin-Awstraljani f’Melbourne, Sydney, Canberra, Adelaide u Perth. F’Perth żort ukoll il-Monument li hemm għal Child Migrants u tkellimt mar-rappreżentanti tagħhom. Kelli wkoll laqgħat bilaterali u lunch uffiċjali mal-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Awstraljan, Alexander Downer. Attendejt ukoll iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Commonwealth Games in rappreżentanza ta’ Malta li bħalissa hija c-Chair-in-Office tal-Commonwealth. In-nefqa totali għal din iż-żjara f’erba’ pajjiżi, inkluż ħamest ibliet fl-Awstralja kienet ta’ Lm19,033 li jitqassmu hekk: Biljetti ta’ l-ajru – Malta – Dubai – Melbourne – Canberra - Sydney – Adeliade – Perth –Singapore – Kuala Lumpur – Dubai – Malta Lm10,549 Akkomodazzjoni Lm 6,010 Subsistance allowance għad-delegazzjoni (eskluż il-Ministru li ma għandux allowances) Lm 748 Spejjeż oħra Lm 1,726
Leg 10 PQ #23596 Sitting 498 2007-02-21 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Konsulenti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23268, jista' l-Ministru jgħid x'kien jitratta r-rapport ta' konsulenza tal-KPMG dwar il-Libja?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Dan ir-rapport kien jittratta materji relatati mas-sistemi legali taż-żewġ pajjiżi dwar investiment u kummerċ u x'jista' jsir biex dawn jittejbu. Dan is-suġġett issa hu materja għall-Working Group li ġie mwaqqaf b'riżultat tal-kummissjoni konġunta li ltaqgħat fi Tripli l-ġimgħa li għaddiet.
Leg 10 PQ #23313 Sitting 496 2007-02-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Affarijiet Barranin — Xiri ta' Stationery

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-xiri ta' stationery tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-2006, n-nefqa globali għall-xiri ta' stationery tal-Ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħti kienet kif ġej: Head Office: Lm 14,593.24 Ambaxxati: Lm 20,694.31.
Leg 10 PQ #23850 Sitting 496 2007-02-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Turisti Russi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23513 jista' l-Ministru jgħid x'inhu mistenni jiġri f'dan il-qasam sal-aħħar tas-sena 2007?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 23643, f'seduta 494.
Leg 10 PQ #23302 Sitting 495 2007-02-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Affarijiet Barranin — Kiri ta' Proprjeta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' proprjeta' tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, matul l-2006, n-nefqa globali għall-kiri ta' proprjeta' tal-Ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħti kienet tammonta għal: Head Office: Lm 12,335.70 Ambaxxati: Lm 885,077.38.
Leg 10 PQ #23305 Sitting 495 2007-02-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Affarijiet Barranin — Kiri ta' Pjanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' xtieli/pjanti tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru, dipartimenti, dekasteru u l-enti kollha li jaqgħu taħti ma kellhom l-ebda spejjeż f'kiri ta' xtieli jew pjanti matul l-2006.
Leg 10 PQ #23308 Sitting 495 2007-02-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Affarijiet Barranin — Kiri ta' Għamara/Pittura

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' għamara/pittura tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-2006, l-Ministeru, dipartimenti, dekasteru u l-enti kollha li jaqgħu taħti ma nefqu xejn f'kiri ta' għamara jew pittura. Ġieli kellna nikru xi siġġijiet għall-okkazjonijiet partikolari bħal per eżempju lecturespubbliċi.
Leg 10 PQ #23311 Sitting 495 2007-02-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Affarijiet Barranin — Ikliet/Hospitality

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali ta' l-ikliet/hospitality tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u l-enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazjoni għada qed tinġabar u r-risposta tingħata f' seduta oħra..
Leg 10 PQ #23571 Sitting 495 2007-02-14 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Dar Malta fi Brussell

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq dar Malta fi Brussell? X'inhi l-ispiża li ntnefqet sal-lum?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Dan il-Ministeru ma hux responsabbli għax-xogħolijiet li qed isiru f'Dar Malta. Nitlob lill-Onorevoli Deputat biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 10 PQ #23736 Sitting 495 2007-02-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fin-negozjati għas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea l-gvern ma ħax il-passi meħtieġa biex iġib deroga mill-Kummissjoni Ewropea dwar is-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex fuq il-bażi li l-forzi tas-suq weħidhom ma jħallux li jintlaħaq livell ta' servizz sodisfaċenti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' Għawdex? Jaf li Franza, Spanja, il-Portugal u l-Greċja hekk għamlu biex iħarsu l-interessi tal-gzejjer tagħhom?

Response (FRENDO, MICHAEL)

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 23736, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat, ċioe lil-Ministru għall-Kompettivita u l-Kommunikazzjoni.
Leg 10 PQ #23643 Sitting 494 2007-02-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Turiżmu mir-Russja

Question

Meta se jiddaħlu l-miżuri ta' l-obbligi ta' Schengen fuq ir-Russja? X'passi se jittieħdu biex dawn il-miżuri ma jolqtux ħażin il-volum ta' turisti Russi lejn Malta?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-miżuri ta' l-obbligi ta' Schengen huma mistennija li se jiddaħħlu fl-aħħar ta' din is-sena meta se jitneħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni. L-Awtoritajiet tat-Turiżmu jipprevedu li s-Schengen Visa għandha tgħin biex ikun hemm aktar faċilita partikolarment fl-ivvjaġġar ta' turisti mill-pajjizi tas-Schengen u ta' turisti minn pajjizi terzi li jkunu qed izuru pajjizi oħrajn fis-Schengen area. L-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin qed issaħħaħ l-operat tal-ħruġ tal-visas fl-Ambaxxati u Konslijiet ta' karriera ta' Malta f'pajjiżi terzi, sabiex jkunu jistgħu jilqgħu għall-volum ta' turisti minn dawn il-pajjiżi. Apparti dan il-Ministeru kkonkluda wkoll Trattat ta' l-Awstrija li gie in vigore f'Awissu s-sena l-oħra u fejn il-ħrug tal-visas għal-Malta, f'diversi pajjizi terzi diġa qegħdin jiġu pproċessati u maħruġa mill-Ambaxxati u Konsolati Awstrijaċi. Qed nistennew ukoll ir-ratifika mill-Italja ta' Trattat simili ma l-Italja li diġa' huwa iffirmat u għandu wkoll kopertura wiesgħa bħal dik ta' l-Awstrija.
Leg 10 PQ #23645 Sitting 494 2007-02-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Turiżmu

Question

Liema pajjiżi se jkunu obbligati li jdaħħlu l-miżuri tal-Ftehim ta' Schengen fix-xhur li ġejjin? Meta se jidħlu dawn il-miżuri? X'effetti se jħallu fuq it-turiżmu lejn pajjiżna?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministri responsabbli.
Leg 10 PQ #23558 Sitting 493 2007-02-12 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Affarijiet Barranin — Bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li twaqqfu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri ta' kull bord? Meta twaqqfu u kemm iltaqgħu? X'inhi l-onorarja ta' kull wieħed?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nixtieq nifnorma lilll-Onorevoli Interpellant illi bħalissa l-bordijiet imwaqqfa fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin huma tlieta: 1. National Authority for the Implementation of the Chemical Weapons Convention magħmul minn: Direttur: Prof Alfred J Vella, Professur, Universita ta' Malta Spettur: Is-Sur Brian Montebello, Direttorat għas-Servizz Kummerċjali 2 Membri: Is-Sur Albert Gambin, Laboratorju tas-Saħħa Pubblikka, Ministeru tas-Saħħa Rappreżentant mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin Din l-Awtorita' twaqqfet bl-Att V ta' l-1997 li bih il Gvern Malti rratifika l- International Convention on the Prohibition of Chemical Weapons . Minn meta twaqqfet sa' llum l-Awtorita' ltaqgħġet 26 darba. Id-Direttur jitħallas onorarju ta' Lm 250 fis-sena u l-Ispettur Lm 500 fis-sena. Il-Membri l-oħra ma jitħallsux. 2. Sanctions Monitoring Board, magħmul minn: Chairman: Is-Sur Charles Inguanez, Direttur Ġenerali, Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin 8 Membri: l-Avukat Ġenerali, Dr Donatella Frendo Dimech, l-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali Is-Sinjura Vanessa Frazier, Direttur, Uffiċċju tal-Prim Ministru Is-Sur Mario Debattista, Direttur Ġenerali, Ministeru tal-Finanzi Is-Sur Mario Caruana, Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern Is-Sur Saviour Farrugia, direttorat għas-Servizzi Kummerċjali, MCMP Is-Sur Mario Brincat, Dipartiment tad-Dwana Is-Sur Raymond Cremona, Awtorita' Maltija għas-Servizzi Finanzjarji Is-Sur Jesmond Cutajar, Bank Ċentrali ta' Malta Dan il-Bord twaqqaf b'Avviż Legali 187 tal-2000 u minn meta twaqqaf sa' llum ltaqgħa 16 il-darba. La ċ-Chairman u lanqas il-membri ta' dan il-Bord ma jitħallsu onorarja. 3. Tsunami Relief Fund Committee, magħmul minn: Chairman: l-ET Prof Ugo Mifsud Bonnici 3 Membri Prof John Rizzo Naudi Dott Daniel Micallef Dott Frank Bartolo Dan il-Kunitat twaqqaf mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin fi Frar 2005 u sa issa ltaqgħa 16-il darba. La ċ-Chairman u lanqas il-membri ma jitħallsu onorarja.
Leg 10 PQ #23299 Sitting 492 2007-02-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Taxxi/Tariffi/Miżati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tieghi ma għolliex jew raħħas taxxi, tariffi jew miżati matul l-2006.
Leg 10 PQ #23513 Sitting 491 2007-02-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Turisti Russi

Question

Se jiddaħħlu xi proċeduri ġodda biex ir-Russi jkunu jistgħu jiġu Malta? Ġie analizzat x'effett se jħallu dawn il-proċeduri fuq l-ammont ta' turisti li jiġu f'pajjiżna mir-Russja?

Response (FRENDO, MICHAEL)

F'dan l-istadju mhux previst li, qabel is-sajf li ġej, jiddaħħlu xi proċeduri ġodda biex is-Russi jkunu jistgħu jiġu Malta.