Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu n-numru ta’ każijiet ta’ lmenti li rċieva l-Cleansing Service Directorate (CSD) matul l-2016? Kemm minn dawn ġew solvuti mill-:
a) CSD?
b) Kunsill Lokali?
c) entitajiet oħra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li matul is-sena 2016 ġew reġistrati 2,943 każ fid-Direttorat għat-Tindif.
Dawn ġew solvuti kif ġej :
Direttorat għat-Tindif 2,651
Kunsilli Lokali 137
Entitajiet oħra 57
In-numru ta’ każijiet li għadhom pendenti jammontaw għal 98. Fil-maġġor parti tagħhom dawn huma każijiet li jikkonċernaw żoni li s-sid tagħhom huwa l-privat. Nista’ ngħid li kollha qed jiġu segwiti u żgur li ser ikunu solvuti fil-jiem li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jelenka fuq il-preparamenti tax-xogħol fuq il-ground tal-Football propost f’Marsaskala u f’liema stadju waslu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġiet sottomessa l-applikazzjoni lill-Awtorita’ tal-Ippjanar u din ġiet rakkomandata għall-approvazzjoni mill-case officer. Il-każ instema’ mill-bord nhar it-28 ta’Frar, 2017. Sadanittant ġiet pubblikata is-sejħa għall-offerti u din għandha tagħlaq fis-7 ta’ Marzu 2017. Id-direttorat tal-PARKS beda l-proċess biex jaqla’ xi siġar affettwati mill-proġett u jinżergħu f’bnadi oħra amministrati minnu.
Jista’ l-Ministru jelenka fuq il-preparamenti tax-xogħol dwar il-funtana ta’ Tritoni fid-daħla tal-Belt Valletta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tar-restawr tal-funtana tat-Tritoni huwa proġett maħsub biex jerġa’ jagħti ħajja lill-funtana billi jsiru bosta xogħolijiet li kienu ilhom meħtieġa għal għexieren ta’ snin. Kien proprju f’din il-leġiżlatura li saru n-negozjati meħtieġa biex ix-xogħol li huwa maħsub jiswa’ EUR 4 miljun seta’ jinbeda.Huwa maħsub li jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena.
F’din il-fażi x-xogħolijiet prinċipali jinkludu dan li ġej:
· Iż-żarmar u r-restawr tal-figuri tat-Tritoni u l-plattin, li infatti ġja’ ittieħdu fil-Fonderia Artistica Ferdinando Marinelli ġewwa Firenze, l-Italja. Hemmhekk tneħħielhom il-konkos li kien jimla’ parti mill-figuri u sar
sand blasting
fuqhom bħala parti mir-restawr. Bħalissa qed ikun mistħarreġ l-aqwa trattament għar-restawr tagħhom. Qed ikun esplorat ukoll l-aqwa metodu sabiex isir il-plattin li jserraħ fuq idejn it-Tritoni.
· Ir-restawr tat-travertin, li jifformaw id-dawra dekorattiva tal-funtana. Tali xogħol qed isir wara li sar ittestjar tal-aqwa formula maħsuba li taqla’ kimiċi minn mat-travertin li tul iż-żmien neħħew ħafna mis-sbuħija ta’ din il-funtana.
· Qiegħed isir ukoll it-tħammil meħtieġ fil-parti fejn qabel kien hemm il-latrina pubblika bil-għan li ssir
plant room
maħsuba li tagħti s-servizzi mekkaniċi u elettriċi lill-funtana permezz ta’
tunnel
li jgħaqqad il-plant room mal-funtana. Dan ix-xogħol qiegħed jitwettaq ukoll taħt il-ħarsien tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, bil-għan li x-xogħolijiet isiru f’rispett sħiħ lejn l-istrutturi ta’ valur storiku.
L-Inġinier Joseph Scicluna qiegħed iservi bħala Project Manager għal dan il-proġett u qed isir monitoraġġ kontinwu bil-għan li x-xogħol li jsir ikun wieħed li jilħaq il-kwalita’ mistennija u jsir fiż-żmien previst.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol tax-Xatt tal-Qajjenza?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol relatat max-xatt tal-Qajjenza f’Birżebbuġa jinsab fil-fażi ta’ l-implementazzjoni. Ix-xogħolijiet li għaddejjin bħalissa huma tqiegħid ta’ servizzi u kostruzzjoni ta’ bankini taħt is-supervizjoni ta’ Transport Malta. It-tieni fażi tal-proġett, man-naħa tal-bankina tal-bajja tinkludi f’pavimentar u ‘soft furniture’ li se tinbeda f’Ottubru ta’ din is-sena kif pjanat fil-programm ta’ xogħlijiet.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentar 31007, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istess rapporti li hemm indikati fir-risposta?
Response (MIZZI, JOE)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
San Pawl il-Baħar – Tal-Veċċja – xogħol ta’ tiswija
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru kkonkludiex xi investigazzjoni dwar il-passi li jridu jittieħdu biex fl-inħawi Tal-Veċċja, San Pawl il-Baħar, fejn matul ix-xhur li għaddew kienet waqgħet parti mill-blat ta' wieħed mill-għerien li hemm hemmhekk? Billi issa qed jerġa' joqrob is-sajf, u allura jerġa' jibda l-għawm, jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux se jsir xi xogħol ta' tiswija qabel ix-xhur tas-sajf?
Billi taħt it-Torri ta' Wignacourt, San Pawl il-Baħar, fil-livell tal-baħar jidher li tħaffer għar pjuttost kbir taħt l-istess torri, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk reċentement sarx xi survey tal-blat f'dan il-post? Jekk fil-fatt ma sarx tali survey, jista' jieħu l-passi neċessarji biex fl-istess inħawi jsir survey tal-blat indikat, u dan biex jiġi aċċertat jekk hemmx periklu nkella le, u biex ukoll jekk jirriżulta periklu jittieħdu l-passi neċessarji biex tali periklu jitneħħa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser jiġi mqabbad perit tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet biex imur jagħmel rapport dwar is-sit.
Billi jidher li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m'għandhiex l-informazzjoni kollha marbuta man-numru ta' manholes li għandha fil-lokalità kollha ta' San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jiġi assigurat li dawn l-istess manholes ikollhom il-covers tagħhom preċiż mal-livell tat-triq, u dan biex ma jkunx hemm periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn fuq dawn l-istess tappieri? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta (TM) tgħaddix informazzjoni dwar ħsarat fuq dawn it-tappieri lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma , u jekk iva meta ġew mgħoddija l-aħħar rapporti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta hija responsabbli minn toroq arterjali u distributorji. Dawn it- toroq jiġu spezzjonati perjodikament, u tali kwestjonijiet fl-infrastruttura ta’ entitajiet oħra jiġu rappurtati lill-istess entitajiet.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hux se tinstalla pelican lights matul il-front ta' Buġibba u l-Qawra, fejn jirriżulta li fil-fatt hemm il-ħtieġa ta' dawn l-istess lights?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li pelican crossings fuq toroq tal-Kunsilli huma proposti mill-Kunsilli. Il-proposti mbagħad jiġu approvati, jew le, minn Transport Malta. Preżentament Transport Malta għadha kif approvat pelikan crossing f’din il-medda. Ix-xogħlijiet fuq din il-crossing issa jsiru skont il-prioritajiet nazzjonali, fondi disponibbli u l-proċess tal-akwist.
Ir-Rabat – Triq Ġorġ Borg Olivier — Zebra Crossing
Question
Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni mill-aktar fis biex iż-zebra crossing li hemm fit-Triq Ġorġ Borg Olivier kważi kantuniera ma' Triq il-Kulleġġ titressaq iżjed 'l isfel, peress li tinsab eżattament kif iddur ma' kantuniera u tista’ tkun ta' periklu għal min jaqsam it-triq, u kif ukoll għas-sewwieqa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Traffic Management Unit ser jistudja u jevalwa din il-proposta biex jikkonkludi fuq l-aħjar soluzzjoni f’dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward kumpens dwar triq li għaddiet mill-proprjetà tiegħu snin ilu però l-Gvern preċedenti baqa' ma ħallasx lis-sidien?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat minn Transport Malta li nvestigat dan il-każ u ma sabitx lok għal xi kumpens minn naħa tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex Triq Valletta f'Ħal Qormi, il-parti minn ħdejn id-daħla tal-Qormi FC sa ħdejn id-dawra għal Triq il-Kanun għadha ma ġietx two-way għar-residenti hekk kif kienet approvata minn Transport Malta u mit-Traffic Management and Roads Safety Directorate iktar minn erba' xhur ilu hekk kif muri fil-korrispondenza u l-pjanta li qed jingħataw separatament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’każi bħal dawn Transport Malta hija l-Awtorità li tapprova, iżda mhux li timplimenta tali mmaniġġar tat-traffiku.
Public service obligation — Gozo Channel Transport Joint Venture – vjaġġi bil-vapuri bejn Malta u Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31331 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B'referenza għall-Public Service Obligation (PSO) u l-ftehim li kien sar bejn il-Gvern ta' Malta u l-konsorzju Gozo Channel Transport Joint Venture biex jagħmel vjaġġi bil-vapuri bejn Malta u Għawdex, liema ftehim hu validu sat-30 ta' Settembru 2017, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinħareġ sejħa oħra jew jiġi emendat il-PSO eżistenti qabel ma jeskadi dan il-kuntratt/PSO sabiex jiġi introdott il-Fast-Ferry Service bejn Malta u Għawdex?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-intenzjoni tal-Gvern hi li l-Fast Ferry Service bejn Malta u Għawdex ikun kopert fis-sejħa ġdida għall-PSO. Dan ifisser li l-PSO il-ġdid ikun ikopri kemm il-conventional ferry service (passiġġieri u vetturi) kif ukoll il-fast ferry service (passiġġieri biss).
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 31051 rigward ħlas lill-ex impjegati tas-Sea Malta, jista’ l-Ministru jgħid min hu l-Ministru konċernat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ta’ taqax taħt ir-responsabilta’ tal-Ministeru tiegħi, għaldaqstant nitolbu jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 31051.
Ħal Tarxien – Triq iż-Żejtun – kundizzjoni ta’ triq
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 31056 rigward Triq iż-Żejtun f’Ħal Tarxien, jista’ l-Ministru jgħid min hu l-Ministru konċernat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ta’ taqax taħt ir-responsabilta’ tal-Ministeru tiegħi, għaldaqstant nitolbu jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 31056.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ direct orders mogħtija minn Transport Malta minn Marzu 2013 ’il hawn u jindika għal liema skop ingħataw u l-valur ta’ kull waħda?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni mitluba, tinġabar.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Entitajiet - Kawżi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu kawżi fil-konfront ta' awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kawzi fil-konfront ta’ Transport Malta f’ dawn l-aħħar 5 snin huma kif ġej;
2012 58 kawża
2013 186 kawża
2014 43 kawża
2015 31 kawża
2016 37 kawża
Minn naħa tal-Grand Harbour Regeneration Corporation kien hemm dawn il-kawżi fil-konfront tagħha;
2012 nil
2013 nil
2014 nil
2015 arbitraġġ
2016 kawża waħda
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Positions of trust
Question
Jista’ l-Ministru jelenka l-positions of trust li hemm fil-Ministeru tiegħu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni fil-Ministeru tiegħi li huma bħala position of trust jokkupaw dawn il-pożizzjonijiet;
Chief of Staff
Private Secretary
2 Secretariat Messenger
3 Secretariat Officer
2 Personal Drivers / Security Officers
Secretariat Messenger / Charwoman
Transport Malta – resurfacing ta’ toroq residenzjali
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm sar resurfacing ta’ toroq residenzjali minn Transport Malta, matul is-sena li għaddiet? Fejn sar dan ir-resurfacing?
Response (MIZZI, JOE)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.