Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sistema GIS

Question

B'riferenza għall-installazjoni tas-sistema GIS fid-diviżjoni tax-xogħolijiet, jista' l-Ministru jgħid liema dipartimenti qegħdin japplikaw din is-sistema? Min huma l-persuni li qegħdin jaħdmu fuq din is-sistema? Sar overtime fuq dan ix-xogħol u jekk fl-affermattiv kemm sar overtime?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li s-sistema tal-G.I.S. qed titħaddem fil-Unit tar-Restawr fi ħdan id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni u fil-preżent hemm żewġ persuni li qegħdin jaħdmu fuq din is-sistema. B'kollox saru 120 siegħa overtime f'perjodu ta' tlett xhur u nofs, matul is-sajf li għadda.

Infiq ta' flus — Embalishments Projects

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq embelishment projects f'areas turistiċi mill-1999 sal-lum, kull sena u kull lokalita' separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Filwaqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34084 (Seduta 755), inżid illi n-nefqa għas-sena 2002 (sa l-aħħar ta' Ottubru) hija kif ġej: Sliema Lm239,952. San Ġiljan Lm351,736. Buġibba/Qawra Lm 2,034. Marsascala Lm 9,663. Birżebbuġia Lm 17,001. Marsaxlokk Lm 16,506. Xgħajra Lm 500.

Culverts — Infiq ta' flus

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu flus għal bini ta' culverts mill-1999 sal-lum kull sena separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li mill-1999 sa l-2002 (21 ta' Novembru 2002) intefqu dawn il-flus għal bini ta' culverts: SENA NEFQA 1999 Lm 41,204. 2000 Lm102,591. 2001 Lm 57,938. 2002 Lm 4,825.

Birgu — Mużew Marittimu - Restawr

Question

Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar il-faċċata tal-mużew marittimu fil-Birgu, jiġifieri x'passi ttieħdu dwar restawr u f'kemm żmien dan se jsir?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li riċentement inbidlu l-balavostri tal-Mużew Marittimu, li kienu fi stat perikoluż. Sar ukoll xogħol ta' pavimentar biċ-ċangatura fil-portiku ta' l-istess mużew.

Birgu — Restawr - monument tal-Vittorja

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif inhu sejjer ix-xogħol ta' restawr fuq il-monument tal-Vittorja ġewwa l-pjazza tal-Birgu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-parti dokumentattiva tlestiet u bħalissa qed isiru testijiet dwar l-intervent li jrid isir.

Ħaż Żabbar — Bieb is-Sultan

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif inhu sejjer ix-xogħol ta' restawr fuq Bieb is-Sultan, li hemm bejn Ħaż Żabbar u l-Kottonera u jista' jinforma wkoll lill-Kamra x'ħidma qed issir mid-dipartiment tax-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li intemm xogħol ta' pavimentar biċ-ċangatura fit-terazzin ta' Bieb is-Sultan u bdil ta' xi soqfa li kienu perikolużi, li tħallas mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera. It-Taqsima tar-Restawr għandha talba għal kostruzzjoni ta' "Intermediate Floor" fl-istess bieb u bħalissa qed jiġu ppreparati d-disinji għal dan ix-xogħol.

Bormla — Triq id-Dejqa - Xogħol programmat

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' xogħol hemm programmat għal Triq id-Dejqa, Bormla? Jista' jagħti indikazzjoni meta ser jitlestew ix-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta — Knisja tal-Vitorja

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'xogħol sar mill-kumitat għar-riabilitazzjoni tal-Belt Valletta fuq il-knisja tal-Vitorja? Dan il-kumitat qabbad lil xi ħadd jirrestawra l-orgni tal-knisja? Min tqabbad jagħmel dan ix-xogħol? Meta sar dan ix-xogħol? Kemm ġie jiswa? Meta tħallsu l-ispejjeż tax-xogħol? Fejn jinsab l-orgni bħalissa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-proġett tal-Knisja tal-Madonna tal-Vitorja fil-Belt Valletta huwa wieħed mill-proġetti prinċipali tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta. Xogħol li sar s'issa jinkludi rapport dwar il-pittura tas-saqaf, tibdil ta' pajpijiet tal-ħadid u turġien. (Sar xi xogħol ieħor in kollaborazzjoni ma' Din l-Art Ħelwa - restawr ta' żewġ urni fuq il-faċċata). Bħalissa qed isir restawr tal-bronż u l-irħam fil-faċċata mid-ditta Sante Guido Restauro. L-istorja tar-restawr ta' l-orgni tas-seklu sbatax hija storja twila. Wara li kien hawn ditta Taljana li kienet Malta u żaret xi orgnijiet flimkien mal-Maestro Joseph Gatt, kien sar ftehim mal-Maestro Gatt li, in kollaborazzjoni ma' din id-ditta Taljana, jsir restawr ta' orgni żgħir iżda mportanti li hemm f'din il-knisja. S'issa diġa' tħallsu Lm2990. għar-restawr ta' dan l-orgni. Il-proġett kellu jkun lest fl-2000 u s'issa l-Maestro Gatt ma rritornax dan l-orgni minkejja diversi laqgħat u talbiet, anki b'mod legali, li saru. Propju din il-ġimgħa, wara li huwa ma rrispondiex għall-ittra uffiċjali li saret, ittieħdet id-deċiżjoni li tinfetaħ kawża fuq l-istess suġġett.

Ħal Tarxien — Tneħħija ta' terrapien

Question

Jista' il-Ministru jara li jitnaddaf it-terrapien tal-ġebel li tħalla barra fi triq il-Knisja kantuniera ma' triq id-Duttrina Ħal Tarxien li ilu akkumulat kważi sena?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nitolbu jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Pembroke — Slipway

Question

Nagħmel mistoqsija parlamentari numru 36732 lill-Ministru tar-Riżorsi u Infrastruttura.

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni relattiva li saret mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet kienet irrifjutata mill-MEPA peress li x-xatt ta' Pembroke huwa żona fejn l-ekoloġija għandha tiġi protetta. Għaldaqstant saret talba biex din l-applikazzjoni tiġi rikonsidrata u fl-istess ħin tlabna lill-MEPA tatina dettalji ekoloġiċi fuq dan ix-xatt biex ikun jista' jiġi magħżul sit ieħor li ma jipperikolax ekoloġija protetta.

Mosta — Triq il-Wied - Tindif

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 36336 jista' il-Ministru jinformana bl-iżviluppi u cioe` jekk huwiex se jitneħħew it-tankijiet in kwestjoni issa li jiena tlabt li jsir hekk għan-nom tar-residenti konċernati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li dan il-każ ġie nnotat, u għalhekk dawn it-tankijiet ser jitneħħew mal-kumplament tat-tankijiet f'din il-lokalita', bl-istess proċedura tal-lokalitajiet l-oħra.

Santa Venera — Triq il-Palazz l-Aħmar - Drain hole ta' fabbrika

Question

Jista' il-Ministru jgħid ġiex analizzat l-ilma li regolarment jinżel minn sistema ta' drain hole ta' fabbrika fl-industrial estate ta' l-Imrieħel u li jibqa' niżel għal Triq tal-Palazz l-Aħmar, Santa Venera? Jekk iva, x'kien ir-riżultat ta' l-analiżi? Jista' jgħid jekk legalment hux sew li dan l-ilma jinżel fit-triq? Jekk mhux legalment korrett, x'passi ttieħdu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ħsara li qed tissemma fil-mistoqsija hija ta' fabbrika privata u mhux fil-main sewer. Għaldaqstant se ngħaddi din l-informazzjoni lid-Dipartiment tas-Saħħa biex jagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji.

Santa Venera — Triq il-Kanun - Dustbins

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jsiru dustbins fi Triq il-Kanun, Santa Venera, li hija area li taqa' taħt il-gvern ċentrali, partikolarment ħdejn il-kulleġġ ta' St Michael's?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Jirriżulta li s'issa għadu ma nħassx il-bżonn li jitpoġġew xi 'dustbins' fl-'area' ndikata. Pero', d-Dipartiment għall-Immaniġġjar ta' l-Iskart u Implimentazzjoni ta' l-Istrateġija se jindaga sabiex jara dan il-bżonn.

Qormi — Triq l-Imdina - Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk id-dipartiment responsabbli mis-sistema tad-drenaġġ għamilx stħarriġ fuq katusi tad-drenaġġ fi Triq l-Imdina, Qormi - mhux fuq in-naħa tal-Ħandaq - biex jiġi stabilit x'qed jikkawża sadd jew problemi oħra f'katusi li għadhom kif saru meta kienet qiegħda ssir it-triq? Jekk saru l-investigazzjonijiet meħtieġa, x'irriżulta? X'azzjoni ttieħdet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ ma kellu l-ebda sadd fis-sistema tad-drenaġġ fi Triq l-Imdina, Qormi.

Sea Passenger Terminal — Proġett

Question

B'referenza għall-proġett tal-Cruise Liner Sea Passenger Terminal, jista' l-Ministru jgħid liema xogħlijiet inbdew kemm mill consortium kif ukoll mill-gvern sal-lum? F'liema stadju waslu dawn ix-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Viset Consortium lesta (ħlief għal ftit finishes) il-bini alternattiv għar-residenti u ħwienet li kienu effettwati mill-proġett. Il-konsorzju waqqa' l-bini lejn in-naħa tal-Marsa sabiex jibda x-xogħol fuq it-triq il-ġdida li tgħaqqad il-Marsa mal-Belt u li tgħaddi minn bejn is-sur u l-bini eżistenti. Ser jibda wkoll ir-restawr ta' Pinto u Forni Stores. Inbnew ukoll faċilitajiet temporanji għall-passiġġieri. Bħalissa qed isir xogħol sabiex jiġi stabbilit il-post eżatti fejn kien jispiċċa l-moll li kien mibni mill-Kavallieri. Dan ser jerġa' jiġi restawrat u ser iservi sabiex tiġi miftuħa l-laguna fuq il-moll. Inħareġ il-permess għall-uffiċini alternattivi tal-MMA u hu mistenni li dalwaqt jinbeda x-xogħol. Il-Gvern fix-xhur li ġejjin se jieħu ħsieb li jibdew jitwasslu s-servizzi meħtieġa għall-proġett. Il-Gvern ħa ħsieb ukoll li jsib uffiċini alternattivi għad-Dwana u għat-Taqsima tad-Drenaġġ li kellhom jiċċaqalqu minħabba fil-proġett.

Manoel Island/Tigne' Point — Proġetti

Question

B'referenza għall-proġett ta' Manoel Island u Tigne' Point, jista' l-Ministru jgħid liema xogħlijiet inbdew kemm mill-consortium kif ukoll mill-gvern sal-lum? F'liema stadju waslu dawn ix-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Saru miżuri temporanji biex isir tisbiħ, jitqiegħdu pontoons u tiżdied is-sigurta' permezz ta' cameras, fencing u dawl ġo Manoel Island. Din hija miżura temporanja li l-MIDI ħadet qabel ma tibda l-iżvilupp permanenti tal-marina. Beda xogħol ta' restawr fuq Forti Manoel. Tlesta t-tindif ta' Tigne' Fort. Inħarġu l-permessi kollha għall-iżvilupp f'Tigne'. Beda l-bini ta' appartamenti f'Tigne' South wara li sar l-escavar meħtieġ għal dan l-iżvilupp. Beda l-iżvilupp ta' Tigne' Sports li jikkonsisti f'appartamenti għar-residenti, faċilitajiet sportivi għall-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne'. Ser jibda wkoll l-iżvilupp ta' Tigne' Plaza li tgħaqqad in-naħa residenzjali man-naħa ta' l-attivita' kummerċjali. F'din il-Plaza ser ikun hemm pjazza. Bdew ix-xogħlijiet fuq it-tunnel li ser isir f'Tigne' Point. Tlesta studju dettaljat fuq il-Harbour Modelling li jikkonsisti fi studji fuq il-breakwater u dredging. Tlesta x-xogħol mill-Gvern sabiex kienet imwassla l-provvista ta' l-ilma għall-iżvilupp f'Tigne'.

Kottonera — Proġett

Question

B'riferenza għall-proġett tal-Kottonera, jista' l-Ministru jgħid liema xogħlijiet inbdew hemm mill-consortium kif ukoll mill-gvern sal-lum? F'liema stadju waslu dawn ix-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Cottonera Waterfront Group beda x-xogħol fuq il-proġett f'Ġunju 2000. Sar xogħol ta' twaqqiegħ fil-Cooperage Stores ħdejn il-Menqa, twaqqa' l-pont ta' fuq tal-Forti Sant'Anġlu u sar xogħol ta' tindif tal-Caraffa Stores u tal-ħnejjiet qodma tal-Ħabs, kif ukoll tas-Seagate Vaults u l-imħażen taħt il-Forti Sant'Anġlu. Sar ukoll ir-restawr tal-faċċati tal-Caraffa Stores u wkoll reġa' ġiet restawrata l-fetħa li kien hemm fis-sur fil-post li kien imwaħħal il-Pont ta' fuq tal-Forti Sant'Anġlu. Kważi tlesta wkoll il-bini ta' blokk ta' appartamenti residenzjali u ħames stabbilimenti kummerċjali fil-Menqa fuq in-naħa tal-Birgu u t-Toqba fuq in-naħa tal-Kalkara. Fil-11 ta' Ottubru li għadda ħareġ il-permess mill-MEPA għall-iżvilupp tal-yacht marina. Hu mistenni li x-xogħlijiet fuq il-marina jinbdew fil-bidu tas-sena d-dieħla u jkunu mqassma fi tliet fażijiet. Il-Port Cottonera Consortium għamel xogħol ta' restawr fuq Scamps Palace, li kien il-Palazz tal-Kaptan Ġenerali tax-Xwieni fi żmien il-Kavallieri ta' San Ġwann. Il-Palazz inbidel f'Casino immexxi mill-Casino di Venezia. Il-Port Cottonera Consortium nadfet ukoll is-sit biswit Scamps Palace fejn se tibni lukanda. Fil-fatt il-Casino di Venezia għadu kif laħaq ftehim mal-Port Cottonera biex tkun trasferita art lilu sabiex jiżviluppa l-istess art biswit il-Casino ġo lukanda u biex ukoll jirrestawra ż-żewġ palazzi li hemm bejn il-casino u l-istores ta' Caraffa. Il-Port Cottonera hi wkoll obbligata li tirrestawra l-bini tat-Teżor, is-Cement Stores u l-Maċina. Min-naħa tiegħu l-Gvern waqqa' l-bini magħruf bħala l-bini taċ-Ċiniżi taħt il-Forti Sant'Anġlu u pprovda l-komunita' Ċiniża li tgħix Malta b'akkomodazzjoni alternattiva. Fi ftit żmien se jibda wkoll ix-xogħol ta' tiswija fuq il-mollijiet ta' taħt il-Forti Sant'Anġlu biex ikunu tajbin għall-irmiġġi. Il-Gvern ħa wkoll ħsieb li jtejjeb l-infrastruttura mhux biss biex jitwettaq il-proġett iżda wkoll biex jirrisolvi l-problema eżistenti fl-inħawi. Sar xogħol biex tissaħħaħ is-sistema ta' l-elettriku, tad-drenaġġ u ta' l-ilma. Il-Gvern ukoll waqqa' l-ħajt li jissepara l-Baċir Numru 1 minn Triq Santa Tereża u minn parti minn Pjazza Gavino Gulia u minfloku sar ħadid dekorattiv. Sar ukoll xogħol ta' tisbiħ tal-bankina u anke' t-tqegħid tal-bankijiet.

Baħrija — Fawran tad-Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex reġat tħalliet tfur il-fossa tad-drenaġġ fil-Baħrija għall-ġimgħat sħaħ. Xi spezzjonijiet saru sabiex tiġi studjata l-ħsara kawżata fuq l-ambjent rurali nkluż l-uċuħ tar-raba u l-mezzi ta' l-ilma tat-tisqija li hemm fl-inħawi? Jista' l-Ministru jara li jiġi mnaddaf il-wied li rċeva dan id-drenaġġ qabel il-festa ta' San Martin

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-fossa tal-Baħrija tiġi mbattla kuljum. Biex tingħata aktar attenzjoni għat-tbattil aktar spiss ta' din il-fossa, illi kull ma jmur qiegħda tiżdied il-load fuqha, ħarġet tender speċifikament għat-tbattil ta' din il-fossa weħidha. B'hekk ikun jista' jsir tbattil tagħha aktar spiss biex jiġi żgurat illi fl-ebda ħin tal-ġurnata ma tfur. Minn spezzjonijiet li saru mill-ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ ma jirriżultax illi saret xi ħsara fuq l-ambjent rurali u ma jidhirx illi hemm bżonn ta' tindif tal-wied minħabba xi żbroff tad-drenaġġ.

Dipartiment tad-Drenaġġ — Ħaż-Żebbuġ

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 36458 u jgħid x'talbiet għandu d-dipartiment tad-drenaġġ għand l-uffiċjal/i tal-utilities mid-dipartiment tat-toroq (awtorita' tat-trasport) għar-rigward ta' toroq f'Ħaż-Żebbuġ? Liema huma t-toroq f'Ħaż-Żebbuġ li qegħdin jistennew ir-rapport mill-utilities section tad-dipartiment tad-drenaġġ? Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet? Meta hemm il-ħsieb li r-rapport dettaljat fuq dawn it-toroq jasal għand id-dipartiment tat-toroq?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li fis-7 ta' Novembru 2002 intbagħtet informazzjoni rigward Floriana u Żebbuġ, direttament lill-konsulent konċernat b'kopja lid-Dipartment tat-Toroq.