Jista' l-Ministru jgħid jekk matul Jannar, Frar jew Marzu 2007 fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu kienx hemm uffiċjali fi skala 1 sa skala 5 li rriżenjaw jew għalqilhom il-kuntratt u ma reġgħux applikaw għall-istess pożizzjoni? F'każ li fl-affermattiv jista' jgħid liema pożizzjonijiet kienu fihom dawn l-uffiċjali u jekk jafx x'kienet ir-raġuni li rriżenjaw jew ma applikawx għall-istess pożizzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, fid-dekasteri u l-enti li jaqgħu taħtu, fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena kien hemm uffiċjal wieħed biss fi skala 4 li rriżenja mill-kuntratt. Dan l-uffiċjal kien jokkupa l-kariga ta' Direttur ta' l-EU Affairs, Policy Development and Programme Implementation u rriżenja biex jieħu kariga ma' l-Unjoni Ewropea fi Brussel.
Riżorsi u Infrastruttura — Kontijiet tad-dawl u Ilma
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq kontijiet tad-dawl u l-ilma matul ix-xhur ta' Jannar,Frar u Marzu 2007 separatament fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu u kemm minn din in-nefqa kienet dovuta minħabba s-surcharge fuq il-kontijiet? Fl-istess ħin jista' jgħid jekk ttieħdux miżuri biex l-ispiża titnaqqas fl-istess perjodu billi jinxtara apparat li ma jaħlix, kemm tad-dawl u l-ilma?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi n-nefqa fuq kontijiet tad-dawl u l-ilma matul Jannar, Frar u Marzu 2007 kienet ta’ Lm 54,154 li minnhom l-ammont ta’ Lm 17,052 kien dovut minħabba s-surcharge.
L-Onorevoli Interpellant jifhem li hu diffiċli tispjega l-għala jkun hemm avarija fil-kontijiet. Żgur hu li fejn ittieħdu miżuri ta’ energy savings allura dan, ovvjament kellu mpatt pożittiv.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-ministeru u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu hux qed isir użu minn bozoz energy savers? Jista' jgħid kemm qed isir użu minnhom bejn wieħed u ieħor bħala persentaġġ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li l-policy tat-Taqsima tax-Xogħolijiet u dik tas-Servizzi hi li fejn hemm bozoz jew spotlamps li jistgħu jinbidlu f'bozoz energy savers mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li jinbidlulhom ukoll l-fittings tad-dawl tagħhom, dawn jiġu mibdula. Mill-banda l-oħra, fil-każ tat-tubi, l-policy hi li meta kemm it-tubu kif ukoll il-fitting ma jibqgħux jiffunzjonaw jinbidlu m'oħrajn li jkunu energy savers. S'issa l-persentaġġ ma jaqbiżx il-ħamsa fil-mija.
Riżorsi u Infrastruttura — Kontijiet tad-dawl u ilma
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ispiża fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma matul Jannar, Frar u Marzu 2007, fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu kenitx inqas minn dik ta' sena ilu fuq l-istess perijodu jew aktar? Jista' jgħid kemm kienet id-differenza u għaliex?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi l-ispiża fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma matul Jannar, Frar u Marzu 2007 kienet ta’ Lm 2,095 anqas fuq l-istess perjodu ta’ l-2006.
L-Onorevoli Interpellant jifhem li hu diffiċli tispjega l-għala jkun hemm avarija fil-kontijiet. Żgur hu li fejn ittieħdu miżuri ta’ energy saving allura dan, ovvjament kellu mpatt pożittiv.
Jista' l-Ministru jgħid mill-membri tas-Segretarjat Privat tiegħu, kemm hemm minnhom li jokkupaw kariga fil-PN, fil-kumitati tal-PN jew jaħdmu ma' xi kumpanija tal-PN? Għandhom permess li jagħmlu dan mill-Kap tas-Servizz Ċivili? Dawn ma jistax ikollhom xi konflitt ta' interess fil-qadi ta' dmirijiethom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-membri kollha fis-Segretarjati Privati kemm dawk fis-Segretarjati tal-Ministri kif ukoll dawk fis-Segretarjati tas-Segretarji Parliamentari jiġu ngaġġati skond 'Guidelines Engagement of Staff for Minister's Secretariates'.
Fir-rigward ta' ufficjali pubbliċi, wara li dawn ma jibqgħux iservu fid-Dipartimenti rispettivi u jiġu ngaġġati fis-Segretarjati Privati huma obbligati li jinnotifikaw lill-Kap taċ-Civil biss f'każ li jikkontestaw elezzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Malta Resources Authority tiġix konsultata kull meta jkun hemm bdil fil-prezz tal-fuels jew fir-rata tas-surcharge?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi skond l-Att dwar l-Enemalta, il-Ministru responsabbli mill-Enemalta jagħmel il-prezzijiet tal-fuels bi ftehim ma’ dik il-Korporazzjoni u, wara li jqis l-aspetti rilevanti soċjali u ekonomiċi, l-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi tiġi nfurmata bit-tibdil f’dawn il-prezzijiet u tagħmel il-verifiki tagħha.
Il-Ministru responsabbli għar-Riżorsi flimkien mal-Ministru responsabbli mill-Enemalta joħorġu r-regolamenti li jirregolaw is-surcharge ta’ l-elettriku. L-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi tiġi konsultata dwar dan it-tibdil qabel ma jinħarġu r-Regolamenti.
Jista' l-Ministru jara hemmx xi pjani konkreti tal-Gvern biex tiġi solvuta l-problema tal-flooding tal-Wied ta' l-Msida minħabba l-ilmijiet tax-xita, aktar u aktar billi din il-problema ilha tkarkar snin sħaħ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi l-Gvern għandu pjani konkreti biex tiġi solvuta l-problema tal-flooding fil-Wied ta’ l-Imsida, u hu maħsub li x-xogħol fuq dawn il-pjani jkun jista’ jibda għal bidu tas-sena 2008. Dan il-proġett huwa ppjanat ukoll biex jgħin konsiderevolment fil-programm ta' 2nd class water harvesting.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Wied is-Sewda/Wied Inċita, Wied il-Kbir u Wied ic-Cawsli f'Hal Qormi, ġewx imnaddfa matul dan is-sajf? Jekk ġew imnaddfa, meta ġew imnaddfa u x'tip ta' xogħol ta' tindif sar?
Jista' jgħid jekk sarx tindif tas-sistema minn fejn jgħaddi l-ilma tal-widien f'Hal Qormi għal Marsa u li madwar sentejn ilu kienet ġiet imkabbra u estiża, ġietx imnaddfa u mantenuta, biex jiġi assigurat li malli jibda l-istaġun tax-xita, l-ilma ma jkollux problema biex jibqa' għaddej u ma jikkawzax għargħar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi Wied iċ-Ċawsli ġie mnaddaf kollu bejn it-13 u l-20 ta’ Awissu 2007. Parti minn Wied il-Kbir ġie mnaddaf ukoll fl-istess perjodu. Sar tindif, kif ukoll xogħol ta’ tiswija ta’ lqugħ għall-ilma f’ Wied is-Sewda matul din is-sena bejn l-24 t'Awissu u l-5 ta' Settembru. Sar ukoll tindif fejn il-Pumping Station f’Wied is-Sewda għax rega’ ntrema materjal tal-kostruzzjoni kif ukoll sar xogħol ta' tneħijja ta' skart illegali u twittija ta' l-art tul 150 metru. Il-korsa ta’ l-ilma li tgħaddi madwar il-korsa taż-żwiemel ġiet imnaddfa bejn it-12 ta’ Lulju u l-11 ta’ Awissu 2007. Ix-xogħol ta' tindif fuq il-korsa ta’ l-ilma li ġiet imwessa fl-aħħar snin tlesta ukoll.
Ħafna mit-tindif kien jikkonsisti fit-tneħħija ta’ rimi ta’ skart illegali u materjal li nġarr bl-ilma tax-xita.
Jista' l-Ministru jispjega dwar il-proġett li sar rapportaġġ dwaru f'The Times, tat-8 ta' Awissu, 2007 jiġifieri l-mina proposta li tinbena biex tieħu l-ilma tax-xita u b'hekk itaffi l-ilmijiet tax-xita mit-toroq f'ċerti inħawi f'Malta, u jiġi evitat l-għargħar, b'liema mod se taffettwa l-ilmijiet kbar ta' xita li jgħaddu minn Hal Qormi u li mhux l-ewwel darba ikkaġunaw għargħar serju?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi l-proġett tal-mini li sar rappurtaġġ dwaru fit-Times tat-8 ta’ Awissu, 2007 jagħmel parti mill-proposti li qed ikunu evalwata fl-Storm Water Master Plan. Permezz ta’ sistema ta’ mini hu maħsub li diversi catchments ikunu magħquda flimkien biex l-ilma li jinġabar ikun jista’ jiġi maħżun u wżat bħala second class water. Hu maħsub li din is-sistema ta’ mini, li parti minnhom tkun għaddejja min-naħa ta’ fuq tal-catchment ta’ Ħal-Qormi, jiġifieri fil-konfini ta’ bejn Ħal-Qormi, Ħaż-Żebbug u Attard, tkun tista’ tilqa' fiha ammont ta’ ilma tax-xita li jaqa’ fuq dawn iż-żoni qabel ma dan jasal Ħal-Qormi u b’hekk jitnaqqas l-ammont ta’ ilma tax-xita li llum jgħaddi minn Ħal-Qormi. Dan ix-xogħol hu parti minn proġett estensiv ta' 2nd class water harvesting u prevenzjoni tal-għargħar, proġett li jqum madwar 70 miljun Ewro u li ser jiġi ffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja.
Barra minnhekk, ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li bil-proġett ta' kontra l-għargħar li sar fl-aħħar snin mill-Ministeru il-problema ta' l-għargħar fiż-żona ta' Ħal Qormi u l-Marsa ġiet imtaffija. Dan il-proġett kien jikkonsisti fil-kostruzzjoni ta' watercourse minn Triq Manwel Dimech għal Triq l-Iljun u jgħaddi mill-Marsa Sports Grounds u jibqa' sejjer sal-Menqa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatawx direct ordersmatul Jannar, Frar u Marzu 2007 mil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu u f'każ li fl-affermattiv kemm ingħataw, għal liema raġuni, kemm kien l-ammont u min ingħata d-direct order separatament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli li jagħmel il-bankini li ġew imwiegħda lir-residenti, li se jsiru madwar sitt snin ilu madwar il-binjiet ta' Wied Hesri?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26885 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema huma dawk l-iskemi fis-seħħ biex jinkoraġixxu lill-pubbliku jagħmel użu minn enerġija alternattiva jew biex inaqqas mill-elettriku? Meta kienet introdotta kull skema u x'inhu l-ammont ta' sussidju li jingħata għar-rigward ta' kull skema? Kemm saru applikazzjonijiet fir-rigward ta' kull skema u x'kienu l-ammonti mħallsa għal kull skema?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Riżorsi u Infrastruttura — Ħaddiema li għalqu l-61 sena
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'xi entita' li taqa' taħt ir-responsabbilta' tiegħu li għalqu l-61 sena? Minn liema entita' ġejjin? Kemm għandhom eta'? Għal kemm żmien ingħataw extension u għal liema raġuni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi hemm impjegat wieħed biss li għalaq il-61 sena ma’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi. Dan għandu 61 sena. Il-kuntratt tiegħu qiegħed jiġi estiż minn xahar għal xahar. Din l-extension qiegħda tingħata minħabba li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi għad għandha bżonn is-servizzi ta’ dan l-uffiċċjal.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu mpjegati fuq bażi part time jew bil-kuntratt matul x-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu, 2007 fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu, li m'humiex uffiċjali pubbliċi, min huma, x'pożizzjoni għandhom u fejn qegħdin jaħdmu, x'salarju jew x'rata jitħallsu biha u minn liema distrett elettorali jiġu? Jista' jgħid, jekk il-kuntratt ta' dawn l-impjegati hux definit u għal kemm perjodu f'każ li fl-affermattiv?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, matul ix-xhur ta’ Jannar, Frar u Marzu 2007, kien hemm 22 impjegat/a li mhumiex uffiċċjali pubbliċi, fuq bażi ta’ part-time jew kuntratt definit.
Fis-Segretarjat Privat tal-Ministeru, dawn l-impjegati qegħdin fuq kuntratt definit li jiġġedded kull sena:
Grad
Salarju (Lm)
Distrett
Driver/Security Driver
5,374
5
Secretariat Pool
5,374
6
Private Secretary
9,560
12
Assistant Private Secretary
8,316
5
Head Minister’s Secretariat
10,818
5
Office Co-ordinator
8,316
5
Secretariat Messenger
2,326
5
Secretariat Officer
6,832
5
Driver/ Security Officer
5,374
5
Secretariat Messenger
5,084
6
Secretariat Messenger
5,084
5
Dawn l-impjegati qegħdin fuq kuntratt definit li jiġġedded kif jidher hawn taħt:
Grad
Fejn jaħdmu
Salarju
Lm
Distrett
Chairman/Chief Executive Officer (3 snin)
BICC
10,370
6
EU Funds Manager
(3 snin)
EU Affairs & Policy Development
8,316
9
Adviser
(6 xhur)
Transport Unit
6,878
9
Adviser
(6 xhur)
Ministeru
4,242
11
Executive Co-ordinator Rehabilitation Projects
(3 xhur)
VRP
8,798
1
Chief Executive Officer
(xahar b’xahar)
MRA
14,507
11
Head of Accounts & Administration
(definit sa l-31 ta’ Marzu 2009)
MRA
9,091
12
Project Officer I
(sena)
MRA
6,065
5
Project Officer I
(sena)
MRA
6,065
13
Fil-BICC hemm impjegata waħda li taħdem fuq bażi part-time li tagħmel xogħol ta’ tindif fl-istess uffiċċju. Din titħallas bir-rata ta’ Lm2.50/is-siegħa u matul l-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena tħallset is-somma ta’ Lm425.90. Din il-persuna hi mis-6 Distrett.
Fl-MRA hemm segretarja li taħdem fuq bażi part-time. Din titħallas is-somma ta’ Lm2,625 fis-sena. Din il-persuna hi mit-8 Distrett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa flus ix-xogħol li sar permezz ta' sub contracting mil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul Jannar, Frar u Marzu 2007 separtament u xahar b'xahar? Jista' jgħid jekk għal dan ix-xogħol ħarġitx tender fejn kien hemm bżonn u min kien il-kuntrattur f'kull każ li ngħata x-xogħol u kemm kien l-ammont separatament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Meta jkun stabbilit li kuntrattur jista' jagħti xogħol ta' subcontracting, allura l-Ministeru jew dipartiment konċernat mhux bilfors ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għar-raġuni li d-dritt tas-subcontracting jemani mill-istess kuntratt.
Jekk l-Onorevoli interpellant irrid informazzjoni fuq xi kas partikolari u/jew qed jirreferi għall-għoti ta' kuntratti pjuttost mill-subcontracting, allura huwa mitlub jiċċara u jerġa' jissotometti mistoqsija parlamentrai oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol tal-Valletta Rehabilitation Project fil-proġett tal-pavimentar tat-toroq tal-Belt?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li l-proġett tal-pavimentar tat-toroq tal-Belt Valletta qiegħed jitmexxa mid-Dipartiment tal-Bini u l-Inġinerija u mid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet. Il-Valletta Rehabilitation Project mhux involut direttament fl-eżekuzjoni ta’ dan il-proġett.