Legislature:
Category:
Reset
Active:

Karozza tal-linja

Question

Minħabba li hemm madwar 25 nurse minn Wied il-għajn li jaħdmu l-iSptar Mater Dei, jista' l-Ministru jara l-possibilita' li ssir karozza tal-linja diretta minn Wied il-Għajn li tgħaddi xorta minn Haz-Zabbar imma mingħajr il-ħtieġa li n-nurses ta' Wied il-Għajn joqogħdu jibdlu l-karozza tal-linja Haz-Zabbar kif qed jiġri llum? In-nurses qed jiltaqgħu ma' problema speċjalment is-Sibt u l-Ħadd meta mhux dejjem ikun hemm karozza tal-linja u jaslu tard għax-xogħol.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn l-ADT u l-ATP sabiex tiġi diskussa l-possibilta li jittejjeb is-servizz fil-lokalita ta’ Wied il-Għajn.

San Gwann — Pelican Lights

Question

B’riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari numru 1525, 1683, 7497, 11344, 12540 u 26889 rigward it-twaħħil ta’ pelican lights u zebra crossing fi Vjal ir-Rihan, San Gwann, jista’ l-Ministru f’liema stadju waslu x-xogħlijiet u x’inhi d-data ta’ meta dawn ser ikunu tlestew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

Transfer ta' reġistrazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq kemm-il vettura sar transfer tar-reġistrazzjoni minn ġurisdizzjoni barranija għal dik Maltija sena b’sena tul l-aħħar ħames snin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-lista tal-vetturi li sar transfer tar-reġistrażżjoni minn ġurisdiżżjoni barranija għal dik Maltija.

Għargħur — Kamra tan-nar ta' San Bert

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 27272, jista’ l-Ministru jgħid meta’ din it-triq ser titlesta għax kull dewmien qed iżid in-numru ta’ inċidenti u riskji? Jista’ jgħid x’qed iżomm milli ssir it-triq ġaladarba issa l-espropjazzjoni tat-triq saret?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita’ dwar it-Trasport qed tagħmel mill-aħjar biex din it-triq titwessa’ mill-aktar fis possibli. Fil-ġranet li ġejjien ser issir is-setting out fuq il-post ta’ kif għandha titwessa’ it-triq.

Rabat — Vjal il-Ħaddiem

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk jistax isir xi pelican lights minflok iż-zebra crossing fi Vjal il-Ħaddiem ir-Rabat, Malta għar-raġuni li diversi sewwieqa ma jonorawx iż-zebra crossing f’din it-triq wiesgħa b’kawża li qed ikunu ta' periklu għal dawk li jaqsmu t-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li ma kien hemm l-ebda talba li jsiru pelican lights minflokk iż-zebra crossing li hemm fi Vjal il-Ħaddiem ir-Rabat.

Xogħlijiet f'toroq residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28940 u cioe' : B'referenza għal xogħlijiet f'toroq residenzjali li qegħdin isiru bil-kuntratt mad-diversi kuntratturi, jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol hux qed jiġi ċċekkjat għax hawn ħsarat kbar f'diversi toroq għax saru bl-għaġġla uħud minnhom qabel l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li għaddew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Periti ta’ l-ADT jiċċekkjaw b’mod regolari x-xogħlijiet tat-toroq li jkunu qed isiru u jaraw li jsiru t-testijiet meħtiega. Riċentament kien hemm anke każi fejn ittieħdu samples tal-materjal u ntbagħtu f’laboratorji indipendenti privati għall-ittestjar dwar il-kwalita’ ta’ l-istess materjal. Sadanittant l-ADT qed tara wkoll li jittieħdu miżuri kontra min, mingħajr il-permessi meħtiega, qabad u għamel ħsara f’toroq li saru riċentament, bħal per eżempju fil-każ ta’ Triq Lorenzo Manche’ fejn inqalgħet ħsara ftit wara li ngħata l-wiċċ ta’ l-asfalt. Madankollu, dawn huma biss eċċezzjonijiet. L-Onorevoli Nterpellat huwa għalhekk mitlub jiċċara b’mod iktar speċifiku liem huma l-imsemmija ‘ħsarat kbar f’diversi toroq għax saru bl-għaġġla’.

Bus shelter

Question

Jista' l-Ministru jgħid li minkejja li f'mistoqsija parlamentari 27579 intqal li l-bus shelter f'Siġġiewi Road, Zebbuġ kellu jiġi nstallat sa f'Ottubru 2007 sal-lum dan għadu ma sarx?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

ADT — Talba għal reserved parking

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa fuq it-talba ta' persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li jitratta dwar anzjana ta' 90 sena u din it-talba hija ta' neċessita'? Jista' jiġi nfurmat bl-aħħar żviluppi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċreka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta kif ġej: · It-talba għal parkeġġ riservat ma ġietx milqugħa minħabba li hemm garaxx fil-viċinanżi tar-residenża ta’ l-applikant u għalhekk ma jikkwalifikax għal tali serviżż. · Fl-applikażżjoni li ġiet sottomessa w ffirmata minn bint l-applikant ġie ddikjarat li ma kienx hemm garaxx mar-residenża w lanqas fil-viċinanzi. · Il-kunsill lokali ta’ Raħal Ġdid informa lil Bord għal Parkeġġ Riservat Persuni B’Disabbilita’ li l-applikant għandu garaxx viċin id-dar. · It-tabib mediku ta’ L-Awtorita Dwar it-Trasport ikkonferma li hemm garaxx viċin ir-residenża ta’ l-applikant. Kull applikazzjoni fejn hemm garaxx mar-residenza ta’ l-applikant jew fil-viċinanżi ma tiġix milqugħa skond il-kriterji għal dan is-serviżż.

Tarxien — Bus shelter

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28943 u jgħid għaliex il-bus shelter fi Triq il-Knisja ma' Triq Żejtun, Tarxien twaqqaf fuq in-naħa opposta tal-bus-stop sign (destinazzjoni lejn il-Belt) bil-konsegwenza li min irid jirkeb il-karozza tal-linja għall-Belt ikollu jaqsam f'paniku din it-triq li saret traffikuża ħafna? Għaliex il-bus-stop sign bit-tabella tal-ħinijiet qodma ma tneħħewx minn Triq Żejtun, Tarxien? Għaliex il-kuntrattur li għamel l-aħħar xogħol fuq it-twaqqif tal-bus-shelter fi Triq il-Knisja, ma wittiex il-bażi tal-bus shelter li tneħħa? Wara sena jistennew, il-passiġġieri li jridu jirkbu karozza għall-Belt, fit Triq il-Knisja, Tarxien, se jkollhom post ta' kenn? Dawk li jużaw il-karozzi tal-linja meta se jkollhom dritt isemmu l-opinjoni tagħhom fuq l-ippjanar tar-rotot u fejn jitwaqqfu l-bus-sheltersgħax milli jidher min jippjana ma jużax is-servizz tal-karozzi tal-linja?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-bus stopsign bit-tabella tal-ħinijiet qodma tneħħew. Fir-rigward tal-Bus Shelter li twaħħal fi Triq il-knisja, saret speżżjoni fuq il-post mill-uffiċjali ta’ l-ADT u ser jieħdu ħsieb li l-bankina tiġi irrenġata. Infurmat ukoll li ser jitwaħħal bus shelter fi Triq il-Knisja direzzjoni lejn il-Belt u fir-rigward ta’ l-ippjanar tar-rotot, l-ADT tagħmel dan mal-Kunsill Lokali, liema kunsill jirrapreżenta lir-residenti tal-lokal. Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda kopja ta’ pjanta li turi fejn ser jitwaħħal dan il-Bus Stop.

Qormi — Triq il-Kanun

Question

Jista' l-Ministru jordna lill-ADT biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex fi Triq il-Kanun, Qormi isiru sinjali ta' traffiku kif wkoll tissewwa l-bankina (pedestrian) biex ikunu mħarsa r-residenti li jgħixu fi triq hekk traffikuża? Nirreferi prinċipalment għal dak il-parti ta' fuq li testendi mill-Mrieħel bypass lejn ċ-ċentru ta' Hal Qormi.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ADT ser tkun qed tagħmel spezzjoni fl-imsemmija triq.

Shuttle bus 65

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar ħinijiet li fihom ix-shuttle bus65 titlaq mix-Xatt ta' Tas-Sliema fil-għaxija kemm fis-sajf kif ukoll fix-xitwa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li fix-xitwa l-aħħar ħinijiet tax-shuttle bus 65 hija fl-5.30 ta’ filgħaxija mix-Xatt ta’ Tas-Sliema għar-Rabat u fl-7.30 ta’ filgħaxija mix-Xatt ta’ Tas-Sliema għal ta’ Żwejt. Fis-sajf, l-aħħar ħinijiet huma ta’ 6.30 ta’ filgħaxija mix-Xatt ta’ Tas-Sliema lejn ir-Rabat u fi 8.00 ta’ filgħaxija mix-Xatt ta’ Tas-Sliema lejn taż-Żwejt.

Ħal Qormi — Triq Ħammieri

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 28677 u t-tweġiba tagħha fejn il-Ministru wiegħed li x-xogħol fuq Triq Ħammieri, f’Ħal Qormi, kien se jinbeda fil-ġimgħa ta’ l-1 ta’ Novembru, 2007 jista’ l-Ministru jgħid għaliex dan ix-xogħol għadu ma nbediex wara kwazi ħmistax-il ġurnata li suppost kellu jinbeda? U dan specjalment meta r-residenti f’din it-triq u dawk kollha li b’xi mod jgħaddu minnha huma suġġetti għal perikli għas-saħħa u s-sigurta’ tagħhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi x-xogħol kien verament ippjanat li jsir kif ġie dikjarat. Madankollu l-Kunsill talab li jipposponi x-xogħol peress li l-perit rappreżentant tal-Kunsill Lokali ma kienx disponibbli. Għaldaqstant ix-xogħol ġie differit u għandu jkun lest fil-ġranet li ġejjin.

Żvilupp Urban u Toroq — Riklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kumpanniji ħadmu riklamar u kampanji ta’ informazzjoni għall-mezzi tax-xandir awdjo-viżivi u stampati għan-nom tal-Ministeru/Segretarjat Parlamentari tiegħu u għan-nom ta’ dipartimenti, awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-snin 2003, 2004, 2005, 2006 u bejn Jannar u Settembru 2007? Kemm kien il-ħlas involut għal kull biċċa xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-informażżjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Zurrieq — Pjazza Mattia Preti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-ADT qed tippermetti li l-karozzi tal-linja jibqgħu jipparkjaw l-karozzi tal-linja fi Pjazza Mattia Preti, z-Zurrieq bl-exhaust lejn il-bibien tar-residenti fejn hemm anke anzjani li lanqas jistgħu jħallu tieqa miftuħa jew bieb imbexxaq jew joqgħodu fil-bieb għax jibilgħu ruxxmata exhaust? Għaliex xi ħaġa loġika bħal din baqgħet ma ġietx riżolta minkejja diversi lmenti? Possibbli l-ADT tagħmel spezzjon fuq il-post u tieħdu deċiżjoni immedjata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li r-raġuni għalfejn il-karozzi tal-linja jkunu ipparkjati wiċċhom il-barra hija minħabba l-fatt, illi r-regolamenti jistabilixxu li vettura ma tistax tirriversja waqt li tkun mgħobbija bil-passiġġieri. Minkejja dan, l-Awtorità sejra tqiegħed road humps f’ distanza l-bogħod biżżejjed mil-bankina, sabiex in-naħa ta’ wara tal-karozza tal-linja ma tibqax dieħla fuq il-bankina u għaldaqstant, jitnaqqas l-exhaust minn mal-bibien tar-residenti

Sliema — Bus stops

Question

Jista' l-Ministru javza lill-ADT biex ineħħu bus stop fix-xatt ta' Tas-Sliema li qiegħed mal-baħar, ikrah u qadim u jpoġġu wieħed bħall-oħrajn? Jista' l-bus stop ta' quddiem l-Preluna jitpoġġilu bank biex ipoġġu n-nies bil-qegħda għax dan il-bank ilu nieqes xhur?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Awtorita ser tieħu ħsieb twaħħal bank fil-Bus Shelter ta’ quddiem il-Preluna Hotel. Fir-rigward tal-Bus Shelter tax-Xatt ta’ Tas-Sliema, jien infurmat li dan il-Bus Shelter diġa huwa ordnat sabiex jinbidel.

Siġġiewi — Parking lines

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27114 li saret fid-9 ta' Lulju, 2007 dwar il-parking lines fl-area ta' Binja Hesri fis-Siġġiewi, u għat-tweġiba tal-Ministru bid-data tas-16 ta' Lulju, 2007 fejn wieġeb li skond is-siteplan tal-MEPA ma jirriżultax li riċentement saru toroq mill-ADT u għaldaqstant l-Interpellant ġiet mitluba tindika l-isem tat-triq, jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli li jagħmel il-parking lines fl-area tal-binjiet ta' Wied Ħesri, madwar il-pjazza u/jew ġnien li sar ftit taż-żmien ilu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

Wied Hesri — Bankini

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27121 bid-data 9 ta' Lulju, 2007 dwar il-bankini qrib il-binjiet ta' Wied Ħesri u li ġiet riferuta lill-Ministru kkonċernat, jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli li jagħmel il-bankini li ġew imwegħda lir-residenti li jgħixu fil-binjiet ta' Wied Ħesri, u li kellhom isiru madwar sitt snin ilu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi saret spezzjoni fuq is-sit minn uffiċjali tal-ADT. It-triq ġiet asfaltata mid-Dipartiment tat-Toroq pre-2000 mingħajr ma saru dawn il-bankini. Għaldaqstant hija responsabbilta’ tad-Direttorat tagħna li dawn isiru. L-istima ta’ dan ix-xogħol ġa saret.

Trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta s-sistema ta' trasport pubbliku fis-Siġġiewi se taqdi lir-residenti kollha tas-Siġġiewi, partikolarment f'dawk l-areas l-agħar milquta? Jista' jgħid x'sar min-naħa ta' l-Awtorita' għat-Trasport ta' Malta dwar il-ħtieġa ta' sistema ta' transport xierqa li tindirizza l-problema ta' residenti li joqogħdu f'areas fis-Siġġiewi li żviluppaw minn madwar 25 sena 'l hawn u li sal-lum għadhom mingħajr aċċess effiċjenti għat-trasport pubbliku? Jista' jgħid jekk fil-proċess ta' l-assessment li l-Awtorita' għat-Trasport ta' Malta suppost tagħmel biex tindirizza din il-problema hiex tieħu in konsiderazzjoni li kwalunkwe sistema adattata għal transport pubbliku aktar effiċjenti jagħmel mill-anqas ħsara lill-ambjent ta' l-istess residenti ta' l-areas milquta? Jista' jgħid hiex tiġi kkonsultata l-MEPA dwar l-effetti fuq l-ambjent, jew xi entita' awtorevoli oħra fuq dan il-qasam? Jista' jgħid jekk saritx konsultazzjoni pubblika dwar din il-ħtieġa bażika u jekk ukoll saritx din it-tip ta' konsultazzjoni biex ir-residenti jressqu s-suġġerimenti tagħhom dwar kif filwaqt li jkun hemm sistema effiċjenti ta' transport, jiġi assigurat li ma jkunx hemm impatti negattivi żejda fuq l-ambjent minħabba l-użu ta' aktar toroq residenzjali minn vetturi kbar? Jekk din il-konsultazzjoni pubblika għadha ma saritx, hemm il-ħsieb li ssir? B'liema mod u min se jkun responsabbli għaliha?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f’seduta oħra.

Xogħlijiet f'toroq

Question

B'referenza għal xogħlijiet f'toroq residenzjali li qegħdin isiru bil-kuntratt mad-diversi kuntratturi, jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol hux qed jiġi ċċekkjat għax hawn ħsarat kbar f'diversi toroq għax saru bl-għaġġla uħud minnhom qabel l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li għaddew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.