Legislature:
Category:
Reset
Active:

konsum ta' enerġija elettrika — settur domestiku

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6175 u jgħid kemm kien in-numru ta' households fis-sena 2012 fir-rigward ta' konsum ta' enerġija elettrika fis-settur domestiku li kienu kklassifikati bħala: a) household ta' persuna waħda; b) household ta' żewġ persuni; ċ) household ta' tliet persuni; d) household ta' erba' persuni; e) household ta' ħames persuni; f) household ta' sitt persuni; g) household ta' aktar minn sitt persuni?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tiġi miġbura.

Qtugħ ta’ dawl

Question

Wara l-qtugħ tad-dawl ta’ nhar il-Ħamis 9 ta' Jannar 2014, fejn parti sostanzjali ta' Malta kienet bla dawl, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal għal dan il-qtugħ, u b'mod partikulari x'kienet ir-raġuni li għaliha mbagħad partijiet sostanzjali ta' Malta damu sigħat sħaħ biex reġa’ kellhom id-dawl? Billi ntqal ukoll li wara li jerġa’ jiġi mogħti d-dawl ikun hemm xi forma ta' prijorità ta' kif id-dawl jinxtegħel, jista' jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li għaliha partijiet sostanzjali ta' San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa damu sigħat iktar minn lokalitajiet oħra biex id-dawl reġa' nxtegħel?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-qtugħ tad-dawl ta’ nhar il-Ħamis 9 ta’ Jannar seħħ minħabba ‘tripping’ tas-‘circuit breaker’ tas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-132kV fid-Delimara Power Station, li wassal biex intfew l-impjanti kollha tal-elettriku tal-Korporazzjoni f’Delimara u l-Marsa. F’każi bħal dawn, il-Korporazzjoni taħdem biex malajr kemm jista’ jkun terġa tagħti l-elettriku lill-klijenti kollha tagħha. Dan isir billi jiġu kkunsidrati l-aktar postijiet li jeħtieġu l-elettriku, fosthom sptarijiet, ajruporti, u servizzi strateġiċi oħrajn. Fl-istess waqt, dan il-proċess iqis ukoll l-esiġenzi tas-sistemi tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni, biex jiżgura li s-sistemi kollha jerġgħu jinxtegħlu bl-aktar mod sikur u affidabbli. Fil-każ tad-9 ta’ Jannar, waqt li s-sistemi ta’ distribuzzjoni oħrajn bdew jinxtegħlu mill-ewwel, is-sistema tal-132kV riedet tiġi eżaminata biex ikun żgurat li tista’ terġa’ tinxtegħel mingħajr riskji. Dan wassal biex dawk l-inħawi li jieħdu l-elettriku minn din is-sistema ta’ distribuzzjoni, primarjament postijiet fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, inxtegħlu wara inħawi oħrajn tal-pajjiż.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — lista ta' direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti, sena b’sena, lista kollha ta’ direct orders li ngħataw mill-Ministeru, inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, minn Settembru 1998 sat-8 ta’ Marzu 2013?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-lista aġġornata li fiha jelenka l-ismijiet tal-konsulenti (inkluż persons of trust) li taw u ta’ dawk li għadhom qegħdin jagħtu s-servizzi tagħhom lid-dekasteru tiegħu bejn id-9 ta' Marzu 2013 u d-9 ta' Jannar 2014?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — skemi ta' rtirar kmieni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fis-Segretarjat privat tiegħu, fil-Ministeru, dipartiment u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu hemmx persuni impjegati li bbenefikaw minn skemi ta’ rtirar kmieni jew skemi oħra simili mnedija mill-Air Malta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni Għas-Servizzi tal-Ilma għandha seba’ persuni li bbenefikaw mill-iskemi msemmija. Dawn il-persuni ġew ingaġġati fis-sena 2012.

Kont tad-dawl – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha l-kont tad-dawl żbaljat?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ARMS Ltd għamlet kuntatt mal-klijent sabiex nivverifikaw il-qari tal-meters meħudin direttament mis-sistema ma’ dawk li kellu l-klijent f’idejh. Wara li ġew evalwati dawk tal-konsumatur, il-kont eżistenti ġie rivedut bil-qari li tana hu stess. Kont ġdid inħareġ u ntbagħat lill-konsumatur.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-ilma — xiri jew kiri ta’ opri ta’ arti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-opri ta’ arti li nxtraw jew inkrew mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħtu wara d-9 ta’ Marzu 2013? Jista’ jgħid f’kull każ fuq il-parir ta’ min saret l-għażla?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li la nxtraw u lanqas inkrew opri ta' arti wara d-9 ta' Marzu 2013.

Korporazzjoni Enemalta — tneħħija ta' arblu

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita sabiex il-Korporazzjoni Enemalta tneħħi jew iċċaqlaq arblu tad-dawl li jkun qiegħed jostakola bankina pubblika? Jista' jikkonferma li f'każ li l-arblu tal-Korporazzjoni Enemalta jkun qed jostakola bankina pubblika, l-ispiża sabiex l-arblu jitneħħa jew jiċċaqlaq titħallas mill-Korporazzjoni Enemalta u mhux mill-kunsill lokali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex jitneħħa arblu jew jiġi mċaqlaq minn postu, trid issir talba bil-miktub lill-Korporazzjoni Enemalta. Din it-talba tiġi analiżżata u jekk jinstab li l-arblu jkun qed jostakola xi bankina, dan jiġi mċaqlaq bil-Korporazzjoni Enemalta tassorbi l-ispejjeż involuti. Jekk jirriżulta li l-arblu se jkollu jiċċaqlaq minħabba li jkun ser isir xi żvilupp, il-klijent ikollu jissottometti Applikazzjoni għal Devjazzjoni flimkien mal-ħlas dovut lill-Korporazzjoni Enemalta.

Kontijiet tad-dawl u l-ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu problema fuq il-kont tad-dawl u l-ilma?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ARMS Ltd infurmat lill-klijent li l-każ tiegħu jaqa' taħt id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma – servizzi/għajnuna soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra lista ta’ servizzi/għajnuna soċjali kollha offruti mill-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru, kif ukoll għal kull każ jgħid min jista’ jibbenefika, kemm jista’ jibbenefika, kif trid issir il-proċedura tal-applikazzjoni, il-persuna responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ kull miżura kif ukoll xi informazzjoni oħra relatata?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi filwaqt li qabel l-ARMS Ltd kienet tipproċessa l-vouchers tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, issa l-ARMS Ltd se tibda’ toħroġ il-kontijiet li jkollhom il-Benefiċċju tal-Enerġija mnaqqas direttament mill-kont. Apparti dan, jekk il-konsumatur ikun irreġistrat bħala każ soċjali u jippreżenta ittra mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jiffranka l-ħlas ta’ €466 depożitu.

ARMS – xogħol prekarju

Question

Jista’ l-Ministru jara li ma jibqgħux jiġu permessi prattiċi ta’ xogħol prekarju fejn kumpanija għandha kuntratt mal-ARMS fejn qiegħda tħaddem nies bħala clerical work on a temporary basis billi ġġeddilhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom xahar b’xahar iżda fejn hemm ċirkustanzi li dawn in-nies ilhom jaħdmu ma’ din il-kumpanija b’dawn il-kundizzjonijiet iktar minn sitt snin u dan anke fid-dawl tal-ġlieda u l-impenn ta’ dan il-Gvern kontra din il-pjaga soċjali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan is-sitwazzjoni ġo l-ARMS ilha għaddejja għal diversi snin. Nasal biex ngħid li għall-amministrazzjoni preċedenti kienet order of the day. Għalina din is-sitwazzjoni hija inaċċettabbli, u bdejna nindirizzawha mill-ewwel. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex is-sitwazzjoni tiġi indirizzata.

Birkirkara – Triq Azzopardi – bozza maqtugħa

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-bozza maqtugħa fi Triq Azzopardi f’Birkirkara tiġi mibdula?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bozza msemmija taqa’ taħt ir-responsabiltà tal-Kunsill Lokali u mhux tal-Korporazzjoni Enemalta. Il-Korporazzjoni vverifikat li l-ħsara mhix fil-provvista tal-elettriku.

Ħaż-Żabbar — Triq l-Inkurunazzjoni – xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5589, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda u jispiċċa x-xogħol li suppost għamlet il-Korporazzjoni Enemalta fi Triq l-Inkurunazzjoni, Ħaż-Żabbar?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li x-xogħlijiet imsemmija jikkonċernaw proġett ta’ bini ta’ substation. Dawn ix-xogħlijiet kienu mwaqqfa diversi drabi mill-Cultural Heritage minħabba li nstabu xi fdalijiet arkeoliġiċi. Il-proġett mistenni li jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin wara li x-xogħolijiet kellhom jiefqu għal diversi drabi minħabba s-sejba ta’ dawn il-fdalijiet arkeoloġiċi.

Enemalta – Kuntratti ta’ impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5536 u jgħid kemm kien hemm każijiet ta' impjegati li kienu fuq kuntratt ta' impjieg definit mal-Korporazzjoni Enemalta u li ngħataw kuntratt indefinit mal-istess korporazzjoni bejn l-1 ta' Jannar 2012 u l-1 ta' April 2013? F'kull każ, jista' jagħti l-grad u d-dipartiment/sezzjoni tal-impjegat/a, id-data ta' meta ġie ffirmat il-kuntratt definit oriġinali, it-tul tal-kuntratt definit, is-salarju u benefiċċji oħrajn tal-kuntratt definit, id-data ta' meta l-kuntratt definit inbidel f'wieħed indefinit u s-salarju u benefiċċji oħrajn tal-kuntratt indefinit?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata f'seduta oħra.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — Human Resources Manager

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ħarġitx sejħa għal Human Resources Manager fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Jekk iva, meta ħarġet u fejn ġiet ippubblikata s-sejħa? Kemm applikaw, u min intgħażel?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma ħarġet l-ebda applikazzjoni għal Human Resources Manager.

Enemalta – Sejħa għal Surveillance Coordinator

Question

Peress li fit-18 ta’ Diċembru 2013, il-Korporazzjoni Enemalta ħarġet is-sejħa għal Surveillance Coordinator (Skala 5) il-kwalifiċi mitluba huma ta’ ‘preferably with O’level standards’, ma jaħsibx il-Ministru li dawn huma baxxi wisq għal kariga bħal dik? Jekk le, jista’ jagħti spjegazzjoni għaliex huma daqshekk baxxi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rekwiżiti għall-pożizzjoni ta’ Surveillance Coordinator ġew stabbiliti skont il-kwalifiki u l-livell ta’ esperjenza meħtieġa biex l-applikanti jkunu jistgħu jwettqu l-ħidma mixtieqa mingħajr diffikulta’, fl-aħjar interess tal-Korporazzjoni. Minbarra l-kwalifiki msemmija, is-sejħa għall-applikazzjonijiet titlob ukoll li l-applikanti jkollhom esperjenza twila fil-Korporazzjoni kif ukoll għarfien tajjeb ta’ għadd ta’ operazzjonijiet u ħidmiet differenti li jseħħu fl-Enemalta.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — Millennium Development Goals

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-involviment tal-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu fir-responsabbiltà tiegħu fejn għandhom x’jaqsmu il-Millennium Development Goals (MDGs)? Jista’ jgħid jekk sarux xi rapporti dwar l-MDGs mis-sena 2000 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk hemmx xi persuna jew persuni li huma responsabbli mill-MDGs u min huma? X’inhuma l-issues preżenti u futuri li qed isir jew se jsir xogħol fuqhom?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kont tad-dawl – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu problema fuq kont tad-dawl li jmur lura sal-2005 iżda ġie mitlub jħallas bir-rati tal-lum?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ARMS Ltd għamlet kuntatt mal-klijent fejn dan ġie infurmat illi l-każ tiegħu ġie riferut għal Water Services Corporation Advisory Board sabiex dawn jirrevedu l-każ tiegħu u tittieħed azzjoni hekk kif meħtieġ skont l-esiġenzi tal-każ innifsu.

Kontijiet tad-dawl u l-ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema fuq il-kont tad-dawl u l-ilma?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi l-konsumatur ġie kkuntatjat fil-11 ta' Dicembru, 2013 fejn gie infurmat x'ghandu jagħmel fuq ir-revizjoni dwar in-numru ta' persuni fuq il-kont.

Iż-Żejtun – dawl tat-triq mixgħul matul il-ġurnata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li għal jumejn fuq xulxin numru ta’ toroq fiż-Żejtun kellhom id-dawl tat-triq mixgħul anke matul il-ġurnata?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-ġimgħa l-oħra ġewwa l-lokalità taż-Zejtun kien hemm numru ta’ bozoz li baqgħu mixgħulin matul il-ġurnata kawża ta’ vandaliżmu fuq l-apparat li jikkontrolla it-‘time switch’ ta’ dawn il-bozoz. Din il-ħsara ġiet imsewwija mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta fit-28 ta’ Novembru 2013.