SportMalta – ħsarat fil-Qormi Sports and Fitness Park
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Malti għall-Isport/SportMalta hux konxju mit-telqa u l-ħsarat li hemm fil-Qormi Sports & Fitness Park fi Triq Manwel Dimech/Triq l-Imdina, Ħal Qormi, fosthom gates imkissrin u ħofor fis-safety tiles? Peress li dawn il-ħsarat mhumiex sempliċiment xhieda ta’ telqa u traskuraġni iżda huma wkoll ta’ periklu għas-saħħa u s-sigurtà tat-tfal u ż-żgħażagħ li jiffrekwentawhom, jista’ jgħid meta se ssir l-manutenzjoni neċessarja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li mhux minnu li l-outdoor gym ta' Ħal Qormi huwa fi stat ta' telqa u traskuraġni kif jixhdu r-ritratti li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra u li ttieħdu jumejn wara li saret din il-mistoqsija. Infurmat ukoll li l-manutenzjoni fl-outdoor gym ta’ Ħal Qormi hija waħda kontinwa bħal dik tal-outdoor gym ta’ Ta Qali. SportMalta tista’ tikkonferma li ma hemm l-ebda telqa u periklu f’dan l-outdoor gym. Sa mill-2012 il-KMS kien impjega ħaddiem li x-xogħol tiegħu hu li jagħmel manutenzjoni f’dawn il-faċilitajiet tant li ġie mogħti allowance biex minn Assistant Maintenance jilħaq is-salarju ta’ Maintenance Officer. Dan il-ħaddiem għadu jagħmel xogħlu sal-lum. Fl-istess waqt issir spezzjoni ta’ dawn l-istess faċilitajiet mill-management darba kull ġimgħatejn.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Malti għall-Isport/SportMalta hux konxju mit-telqa u l-ħsarat li hemm fl-Outdoor Gym f Ta’ Qali, peress li dawn il-ħsarat mhumiex sempliċiment xhieda ta’ telqa u traskuraġni iżda huma wkoll ta’ periklu għas-saħħa u s-sigurtà tat-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti li jiffrekwentawhom? Jista’ jgħid meta se ssir il-manutenzjoni neċessarja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li SportMalta għamlet bosta sight inspections fl-outdoor gym f’Ta’ Qali. Dan isir b’mod regolari. Minħabba l-elementi l-art tar-rubber sofriet ħsarat. Infurmat li l-kuntrattur ser jerġa’ jirranġa din l-art sa din il-gimgħa.
Rigward il-manutenzjoni, fl-aħħar xhur saru interventi fuq erba’ magni u ż-żewġ roti. Dawn ġew maqlugħa minn posthom, ittieħdu fil-kumpless ta’ Ħal Kirkop u l-Pixxina Nazzjonali u saru interventi fuqhom fejn ġew imnaddfa mis-sadid, mibdula biċċiet tal-ħadid u reġgħu ġew imwaħħla fi żmien erba’ ġimgħat. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ritratti li jixhdu dawn l-interventi. Infurmat ukoll li fl-istess ħin SportMalta qegħdin f’kuntatt mal-fornituri barranin rigward il-garanzija fuq dan l-apparat.
SportMalta – manutenzjoni regolari fl-Outdoor Gym ta’ Ta’ Qali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Malti għall-Isport/SportMalta hux iwettaq programm ta’ manutenzjoni regolari fl-Outdoor Gym f Ta’ Qali? Min qed jieħu ħsieb din il-manutenzjoni? Kull meta ssir il-manutenzjoni? X’manutenzjoni saret fuq il-post mill-2013 sal-lum? Kemm swiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat minn SportMalta li fl-outdoor gym f’Ta’ Qali issir manutenzjoni b’mod regolari. Il-magni li hemm installati diġà sarilhom intervent ta’ manutenzjoni u bħalissa reġgħu inqalgħu ftit magni oħra sabiex jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu rranġati jew mibdula. Sa mill-2012 il-KMS kien impjega ħaddiem li x-xogħol tiegħu hu li jagħmel manutenzjoni f’dawn il-faċilitajiet tant li ġie mogħti allowance biex minn Assistant Maintenance jilħaq is-salarju ta’ Maintenance Officer. Dan il-ħaddiem għadu jagħmel xogħlu sal-lum. Fl-istess waqt issir spezzjoni ta’ dawn l-istess faċilitajiet mill-management darba kull ġimgħatejn.
Il-manutenzjoni swiet lil SportMalta hekk:
2013 €4,463.93
2014/15 €800
2016 €3,285
Dawn iċ-ċifri ma jinkludux xiri ta’ materjal bħal żejt u żebgħa li jinxtara minn darba għall-oħra biex issir il-manutenzjoni regolari.
Infurmat ukoll li matul din is-sena s'issa ntefqu madwar €4,500 li jinkludu tiswijiet fuq l-art tar-rubber.
Sport Malta – manutenzjoni tal-Adventure Park High Ropes f’Ta’ Qali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Malti għall-Isport/SportMalta hux iwettaq programm ta’ manutenzjoni regolari fl-Adventure Park High Ropes f’Ta’ Qali? Jista’ jgħid kif u minn min qed jitmexxa l-Adventure Park High Ropes ta’ Ta’ Qali u kif? Kull meta qed ikun miftuħ? Min qed jużah?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-adventure park high ropes bħalissa huwa magħluq u fiż-żmien li ġej ser tinħareġ espressjoni ta’ interess biex jiġi amministrat mal-privat. Fil-pjan strateġiku biex tiġi salvata dak iż-żmien il-KMS, l-entità ma kinetx tiflaħ spiża ta’ €630 pagi biss fil-ġimgħa minbarra spejjeż oħra biex tmexxih. Dan il-proġett qatt ma kellu l-intenzjoni li jkun b’xejn u d-deċiżjoni li jingħata b’xejn fil-weekends biss ma kinetx sostenibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw u ngħataw b’donazzjonijiet kotba lil-librerija pubblika ta’ Raħal Ġdid tul is-sena li għaddiet? Jista’ jgħid kemm kotba ġew mislufa tul l-istess 2016?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li għal-librerija pubblika ta' Raħal Ġdid tul is-sena 2016 inxtraw 160 ktieb minn Libreriji Maltin filwaqt li 657 ktieb ingħataw b’donazzjoni. Infurmat ukoll li mill-istess librerija matul l-2016 ġew mislufa 27,803 kotba.
Għalliema tal-braille għall-persuni neqsin mid-dawl kif ukoll mis-smiegħ
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31301, jista' l-Ministru jwieġeb jekk hawnx għalliema li jgħallmu l-braille lill-persuni li jkunu neqsin kemm mid-dawl kif ukoll mis-smiegħ, għaliex it-tweġiba li ngħatat tittratta biss dawk li huma neqsin mid-dawl biss?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi ħdan id-Dipartiment Servizzi għall-Istudent hemm tliet għalliema li jagħtu sapport professjonali fl-iskejjel lil studenti li huma neqsin mid-dawl. Dan jinkludi wkoll it-tagħlim tal-Braille. Fejn ikun hemm każijiet ta’ tfal li jkunu neqsin kemm mid-dawl kif ukoll mis-smigħ, dawn l-istudenti jiġu segwiti kemm mill-għalliema għal studenti neqsin mid-dawl kif ukoll minn tim ta’ għalliema ta’ studenti neqsin mis-smigħ (Teachers for the Hearing Impaired). Bħalissa f’dan id-dipartiment hemm tlettax-il għalliem ta’ studenti neqsin mis-smigħ.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — entitajiet - kawżi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu kawżi fil-konfront ta' awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-informazzjoni dwar in-numru ta' kawżi fil-konfront ta' awtoritajiet u/jew entitatajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi f'dawn l-aħħar ħames snin qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma lill-Onor. interpellant li kien għad jonqos tingħata informazzjoni mill-Università ta' Malta. Dan it-tagħrif ikun jista' jingħata bħala informazzjoni addizzjonali hekk kif tingħatali din l-informazzjoni. Infurmat ukoll li l-entitajiet l-oħra fil-Ministeru tiegħi ma kellhomx kawżi fil-konfront tagħhom.
(
Informazzjoni Addizzjonali: Ara Dokument PL 8585 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 492, nhar l-Erbgħa 8 ta' Marzu 2017)
Kunsill Konsultattiv dwar Stili ta’ Ħajja Sana u Mard li Ma Jitteħidx – rappreżentant għall-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid lil min innomina biex jirrappreżenta l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fuq il-Kunsill Konsultattiv dwar Stili ta’ Ħajja Sana u Mard li Ma Jitteħidx kif stabbilit mil-liġi li għaddiet unanimament mill-Parlament fis-6 ta’ Jannar 2016? F’liema data eżatta saret din in-nomina?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-Sa Dolores Gauci hija r-rappreżentanta tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fil-Kunsill dwar Stili ta’ Ħajja Sana u Mard li Ma Jitteħidx. In-nomina hija mit-28 ta' Ġunju, 2016.
Kunsill Konsultattiv dwar Stili ta’ Ħajja Sana u Mard li Ma Jitteħidx – rappreżentant għall-Ministeru tgħall-Edukazzjoni u x-Xogħol fil-qasam tal-isport
Question
Jista’ l-Ministru jgħid lil min innomina biex jirrappreżenta l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fil-qasam tal-Isport fuq il-Kunsill Konsultattiv dwar Stili ta’ Ħajja Sana u Mard li Ma Jitteħidx kif stabbilit mil-liġi li għaddiet unanimament mill-Parlament fis-6 ta’ Jannar 2016? F’liema data eżatta saret din in-nomina?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-Sur Kevin Azzopardi huwa r-rappreżentant tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fil-qasam tal-isport fil-Kunsill dwar Stili ta’ Ħajja Sana u Mard li Ma Jitteħidx. In-nomina hija mit-28 ta' Ġunju, 2016.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Positions of trust
Question
Jista’ l-Ministru jelenka l-positions of trust li hemm fil-Ministeru tiegħu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol il-persuni ingaġġati f’position of trust huma kif se nsemmi:
Segretarjat tal-Ministru - 2 (Segretarju Privat u Assistent Segretarju Privat)
Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari - 2 (Segretarju Privat u Ko-ordinatriċi)
Learning Support Assistant Għawdxin – video conferencing
Question
B’referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 29862, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Learning Support Assistants Għawdxin li qed jattendu kors organizzat mill-Università ta’ Malta ngħatawx l-opportunità li fit-tieni semestru jsegwu l-lectures permezz ta' video conferencing miċ-Ċentru tal-Università f'Għawdex? Jekk iva, meta bdew u jekk le x'kienet ir-raġuni li għadhom ma ngħatawx din l-opportunità?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mit-2 ta’ Frar 2017 l-istudenti Għawdxin bdew isegwu l-lectures permezz tal-video conferencing jew skype.
L-uniċi drabi li ġew, jew se jkollhom jiġu, Malta huma fil-21 ta’ Frar u fl-4 t’April minħabba sessjonijiet ta’ prattika fid-drama.
Biex setgħu jsiru dawn is-sessjonijiet l-Università qed tagħmel użu ta’ Teaching Assistant impjegata apposta, li tikkoordina s-sessjonijiet u tgħin lill-istudenti li jkunu qed isegwu l-lectures fiċ-ċentru tal-Università ta’ Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jattendu studenti f’kull lokalità fejn qed jingħata s-servizz Klabb 3 – 16 u x’inhuwa l-ħlas ta’ kull student li jagħmel użu minn dan is-servizz?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi li t-tagħrif mitlub hu kif muri fit-tabella hawn taħt, kif se nsemmi:
Centre Name
Active Children
Attard
70
B'Kara
64
B'Bugia
28
Fgura
39
Ħamrun
30
Ħaż-Żabbar
34
Ħaż-Żebbuġ
36
Luqa
26
M'Skala
85
Mellieħa
72
Mġarr
43
Mosta
65
Naxxar
59
Paola
64
Pembroke
102
Qormi SG
44
Rabat
19
San Ġwann
73
Santa Venera
40
Siġġiewi
23
Sliema
59
St Julians
19
San Pawl il-Baħar
108
Valletta
13
Żejtun
35
Żurrieq
45
Victoria
15
Xagħra
8
Total
1318
Ir-rata ta’ ħlas hija ta’ €0.80 kull siegħa.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kondizzjonijiet preżenti ta’ ħaddiema fiċ-Ċivil li huma assenjati ma’ unions tal-ħaddiema? Jista’ jindika kemm hemm persuni hekk assenjati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 31651.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30782, dwar l-użu tal-liċenzja tas-sewqan bħala forma ta' identifikazzjoni sabiex jinġabru dokumenti minn Jobsplus, u peress li l-Ministru qal li l-indirizz tar-residenza jkun meħtieġ, jista' l-Ministru jemenda l-prassi sabiex il-liċenzja tas-sewqan tkun rikonoxxuta bħala dokument ta' identifikazzjoni ġaladarba din fiha r-residenza mniżżla fuqha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-prassi adottata mill-Jobsplus hija li individwi li jingħataw servizz mill-korporazzjoni jridu juru ċertifikat ta’ identifikazjoni li jindika wkoll ir-residenza f’pajjiżna. Il-liċenzja tas-sewqan hija minnha nnifisha liċenzja u mhijiex ikkunsidrata bħala ċertifikat uffiċċjali ta’ identifikazzjoni. Għaldaqstant il-liċenzja tas-sewqan m’hijiex se tiġi kkunsidrata bħala dokument validu ta’ identifikazzjoni.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi tibdiliet għal dak li jikkonċerna l-postijiet tax-xogħol ta' dawk il-ħaddiema li kienu fl-iskema tal-community work, u li matul l-aħħar xhur kienu qed jaħdmu kemm mal-kunsilli lokali kif ukoll f'postijiet oħra governattivi? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt l-istess ħaddiema għadhomx qed jaħdmu mal-kumpanija li kienet qed tħaddimhom matul ix-xhur li għaddew? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt il-ħaddiema li kienu assenjati mal-kunsilli lokali hux ser jiġu assenjati f'postijiet oħra, għaliex qed jingħad li ser jibdew iwettqu xogħlijiet għall-postijiet tal-gvern, u li fil-fatt ser jitneħħew mill-post li qegħdin fih preżentement?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li la kien hemm u lanqas hemm il-ħsieb ta’ xi ċaqlieq tal-ħaddiema msemmija mill-Onorevoli interpellant.
Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada – varjazzjonijiet bejn it-tender u l-pagamenti finali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30685 u jgħid kemm-il darba kien hemm varjazzjoni bejn it-tender jew kwotazzjoni inizjali u l-pagament finali fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) bejn l-2001 u Marzu 2013? Jista’ jgħid minn kienu dawn il-kumpaniji jew individwi u l-ammonti tal-kwotazzjoni u l-pagament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada – Direct Orders
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30684 u jagħti n-numru ta' direct orders fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) bejn l-2001 u Marzu 2013? Jista’ jelenka l-valur oriġinali tagħhom u jgħid kemm irċevew fi ħlasijiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 30989 - FTS - Direct Orders (2001 - March 2013).pdf
Jista' l-Ministru jgħid jekk hawnx għalliema li jgħallmu l-braille lill-persuni li jkunu neqsin kemm mid-dawl kif ukoll mis-smiegħ? Jista' jgħid fejn dawn il-persuni jistgħu jmorru biex jingħataw dan is-servizz?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm tliet għalliema fi ħdan id-Dipartiment Servizzi għall-Istudent li jgħallmu l-braille lil studenti li huma neqsin mid-dawl. L-għalliema ta’ dan is-servizz jagħtu s-sapport tagħhom lil tfal u studenti jew fid-djar jekk ikunu pre-school age jew inkella fl-iskejjel meta dawn l-istudenti jkunu fit-tagħlim obbligatorju.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — kiri/xiri ta’ karozzi għall-użu uffiċjali
Question
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar karozzi mixtrija jew mikrija u li qegħdin għall-użu tal-uffiċjali fil-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Kemm kienet l-ispiża fuq dan ir-rigward mill-Ministeru u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu ta' kull sena għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
(Korrezzjoni: Ara Dokument PL 8509 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 488 ta' nhar it-Tlieta, 28 ta' Frar 2017)
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Persons of trust - kariga
Question
Jista’ l-Ministru jelenka l-kariga jew xogħol li kull person of trust li hemm fil-Ministeru tiegħu, qiegħed jokkupa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karigi tal-persons of trust fis-segretarjati privati tal-Ministeru tiegħi jinkludu: Chief of Staff, Private Secretary, Assistant Private Secretary, Communications Secretary, Customer Care Officer, Co-ordinator, Secretariat Officer, Secretariat Pool, Head of Secretariat, Messenger/Charwoman, u Driver/Security.