Jista' l-Ministru jara li fi Triq Dun Karm Sant, Tarxien quddiem ir-residenza 'Primrose' qiegħed joħroġ id-drenaġġ? Tista' din il-problema tiġi solvuta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li kien iċċekkjat il-main tad-drenaġġ u dan instab li huwa tajjeb. Rigward l-ilma li jidher ħiereġ, hemm indikazzjonijiet li dan huwa ilma tax-xorb. Għalhekk sar rapport lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma biex jagħmlu 'detection' ħalli jinstab minn fejn hemm il-leakage ta' l-ilma.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar fossa li tħaffret minn impjegati tal-Gvern qrib għalqa fil-limiti ta' Kirkop li hija bi qbiela għand persuna li d-dettalji qed jingħataw separatament u kunfidenzjalment, u li fil-fossa qed jintrema' kull xorta ta' ħmieġ, meta l-art involuta hija waħda li tinħadem u għaliex f'kull każ persuni oħrajn li għandhom art f'idejhom fl-inħawi fejn tinsab l-art indikata tħallsu l-kumpens talli tħaffret fossa fl-istess art tagħhom pero' l-persuna msemmija ma tħallset xejn u aktar min hekk donnu l-art tagħha qegħda tkun immirata għal kull rimi li jsir?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fi Triq il-Pont fuq in-naħa ta' Santa Margerita, Mosta dejjem qed joħroġ d-drenaġġ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fi Triq il-Pont intbagħat il-jetting/suction bowder biex isir it-tindif neċessarju, u qed jitkaħħlu xi 'manholes'. Jekk ikun il-każ, isiru wkoll aktar investigazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jara jekk kemm-il darba huwiex possibbli li l-ambjent ta' madwar il-Mina tal-Polverista, Bormla tiġi rranġata u l-proġett li hemm maħsub li jsir jsir?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Sa fejn jien infurmat ma hemm l-ebda proġett għall-Mina tal-Polverista, Bormla. Li hemm żgur huwa proġett biex tiġi restawrata l-kantuniera tal-Polverista li tagħti lejn il-housing estate ta' San Ġwann t'Għuxa: dan ix-xogħol għandu jibda dalwaqt.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa n-numru ta' ħaddiema fir-Rodent Section illum?
Kif inhuma mqassma u xi programm ta' kontroll jikkordinaw f'Malta u Għawdex separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-pubblikazzjoni on site li nħarġu mill-ministeru s'issa? Kemm jiġu stampati f'kull ħarġa, fejn isir l-istampar u kemm jiġi jiswa flus? Lil min qiegħed tintbagħat din il-pubblikazzjoni
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-erba' pubblikazzjonijiet ta' l-"On Site" li nħarġu s'issa.
Dawn il-pubblikazzjonijiet jintbagħtu f'diversi households madwar Malta.
Rigward il-mistoqsijiet l-oħra, nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29794 (Seduta 642).
Jista' l-Ministru jara kemm-il darba huwiex possibli li l-ambjent ta' madwar l-iskola Guiseppe Despott ġewwa Bormla tiġi mnaddfa waħda sew?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-tindif fil-post li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa nkluż fil-programm tax-xogħol u se jsir fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 18300?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Filwaqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20230 (Seduta 401), inżid ngħid li sadanittant inħolqot il-Fondazzjoni ta' l-Iskejjel li issa assumiet ir-responsabbilta' għal dan it-tip ta' xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir is-slipway fis-Sally Port Bighi (quddiem il-club tar-Regatta) Birgu, peress li s-slip li kien hemm tkaxkret bil-maltemp u l-club ma għandhomx aċċess ieħor min fejn jinżlu jvaraw id-dagħjes tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed tirreferi għall-slipway li tintuża mir-Regatta Club tal-Birgu, nixtieq ngħarrafha li diġa' saret stima tax-xogħol mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet u bħalissa qed nikkunsidraw kif ser jiġu mħallsa dawn ix-xogħlijiet li huma ta' ammont konsiderevoli.
Jista' l-Ministru jinforma l-kamra jekk kemm il-darba huwiex possibli li l-ġebel ta' rinforz li tqedu ġewwa Ancient Street, Birgu jistgħux jiġu modifikati sabiex sakemm l-problema tiġi solvuta permenentement dawn jitneħħew b'mod u manjiera li ma jibqgħux jgħalqu l-aċċess għall-pubbliku u l-użu tal-karozzi tar-residenti tal-akkwati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol li kien sar mit-Taqsima tax-Xogħlijiet kien meħtieġ biex jitneħħa l-periklu lir-residenti ta' l-inħawi. Sadanittant, l-istess Taqsima qed tivverifika jekk tistax tipproċedi b'xogħol ieħor fl-imsemmi sit.
Għalissa mhux rakkomandat li jintmessu l-ħitan ta' lqugħ.
Jista' l-Ministru jinforma x'passi qed jittieħdu sabiex l-problema ta' fawran mit-tappiera tad-drenaġġ li tinsab ġewwa Hompesch road, Fgura ftit l-isfel mill-Knisja tiġi msewwija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li bħalissa qed issir medda ġdida biex jinbidlu l-katusi ta' din il-biċċa tat-triq.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex inħawi sħaħ f'Buġibba u l-Qawra ma jibqgħux maħmuġa, mitluqa u żdingati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-partijiet ta' Buġibba u l-Qawra, fejn l-art hija pubblika hemm diversi gangs minn unit imwaqqaf biex isir tindif u xogħol ta' manutenzjoni bħal żebgħa ta' railings u bankijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'tul ta' mains tad-drenaġġ ġodda saru matul dawn l-aħħar tanx il-xahar, kif ukoll il-lokalitajiet fejn saru?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-estensjonijiet ġodda ta' mains tad-drenaġġ li saru matul dawn l-aħħar tnax-il xahar huma:
Ħal-Bordi, Lija 80m
Ta' Fġieni Area, Attard 150m
Triq Barbaro Sant, Lija 80m
Triq it-Tin, Żurrieq 100m
Triq il-Ħtajriet, Mosta 180m
Triq Fiteni, Mosta 100m
Triq San Franġisk, Marsascala 120m
Triq il-Likama, Marsascala 70m
Triq l-Iskall, Marsascala 130m
Triq tal-Ibgħal, Birkirkara 120m
Triq in-Namura, Baħrija 170m
Triq il-Lampura, Baħar iċ-Ċagħaq 70m
Triq il-Lok ta' Coppins, St. Andrews 100m
Triq id-Dris, St. Andrews 100m
St. Helen's Gate, Cospicua 190m
Triq it-Tank, Siġġiewi 80m
Qasam Sperimentali, Luqa 120m
Fond Għadir Sump
Triq San Franġisk, Marsaxlokk 40m
Triq Ħal-Millieri, Żurrieq 70m
Triq il-Greċja, Naxxar 100m
Triq il-Gistakor, Għaxaq 100m
Triq il-Għirgħien, B'Buġa 100m
Exiles, Sliema 80m
Triq il-Kurunell Mass, Tarxien 125m
Triq l-Isqof Alferan, Żurrieq 35m
Vjal l-Indipendenza, Żurrieq 45m
Triq il-Munxar, Marsascala 70m
Triq il-Għargħur, Birkirkara 30m
N/S in Tower Street, Birkirkara 80m
Triq Patri Ġuże Delia, Siġġiewi 90m
Triq Mike Pulis, Birkirkara 30m
Triq il-Qasam Sperimentali, Luqa 200m
Kortin, Sewer Gravity - Mellieħa 400m
Għargħur Galleries 60m
Triq il-Baltiku, San Ġwann 105m
Triq G Sandys, San Pawl tat-Tarġa 70m
Triq Daħlet il-Ġibjun, Naxxar 150m
Triq Gregory Mifsud, Qrendi 270m
Triq Oscar Zammit, Ħamrun 60m
N/S in Triq il-Mellieħa 150m
Triq ir-Rand, Attard 80m
N/S in Triq il-Kananea, Attard 80m
Triq il-Lanġas, Naxxar 170m
Triq Dun V Schembri, Naxxar 40m
N/S in Tan-Nadur Area, Marsascala 30m
N/S in Daħlet Marsascala 70m
Triq il-Munxar, Marsascala 70m
Triq Nerik Xerri, Kirkop 35m
Triq tal-Ħniena, Qrendi 100m
Dawret il-Wied, Mosta 135m
Triq San Dwardu & Triq il-Port Ħieles, B'Buġa 180m
Kortin, Sewer Gravity - Mellieħa 400m
Għargħur Galleries 50m
Għargħur Sewer Gravity Mains 250m
Triq Dun Vinċenz Caruana, Żurrieq 40m
Triq Magri/Triq Bubaqra, Żurrieq 80m
Triq Santa Margherita, Siġġiewi 70m
Paola, near Corradino Prison 40m
Triq Hompesch, Fgura 60m
Pembroke 100m
Ħajt il-Wied, Żejtun 250m
Triq Barth, Ħamrun 50m
Triq P Dacoutros, Ħamrun 60m
Jista' l-Ministru jgħid peress li drenaġġ qed ifur fil-kanal tax-xita f'Triq is-Sajjieda l-Marsa jistgħu jittieħdu l-miżuri meħtieġa issa li qed tinqala' t-triq?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ m'għandu l-ebda rapport ta' xi drenaġġ fil-kanal tax-xita fi Tir is-Sajjieda, il-Marsa. Għalhekk, qegħdin isiru l-investigazzjonijiet neċessarji biex jekk hemm xi ħsarat jissewwew minnufih.
Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għar-risposta ta' mistoqsija nru. 24135 kienx hemm xi żviluppi fuq it-talba għal-ħlas ta' overtime minħabba li l-ħaddiema mhumiex kuntenti bil-mod kif il-gvern b'mod arbitrarju qabad u qatagħlhom nofs is-sahra li verament ħadmu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-kwestjoni ġiet magħluqa bil-ħlas li ngħata kif spjegat fir-risposta tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24135.
Jista' l-Ministru jinforma l-kamra x'passi ttieħdu ġewwa l-Belt tal-Mdina fir-restawr tagħha tul s-sena 2001 u jistgħax jinforma x'qed jsir presentement?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li matul din is-sena l-Proġett għar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina fi ħdan il-Ministeru kkonċentra fuq il-proġett ta' tneħħija ta' wires minn mal-ħitan ta' l-Imdina u t-titjib tas-servizzi bi tħejjija għal meta l-belt tiġi pavimentata. Dan huwa proġett ta' kumplessita' kbira kemm minħabba li l-M.R.P. jrid jikkordina bejn erba' korporazzjonijiet kif ukoll minħabba problemi biex isir ix-xogħol marbut mat-toroq dojoq tal-post. Dan il-proġett huwa miexi skond kif kien pjanat.
Marbut ma' dan il-proġett kien hemm ix-xogħol ta' skavi arkijeloġiċi. Kif kien mistenni bit-tħaffir tat-trinek instab ammont kbir ta' fdalijiet inkluż pedamenti ta' torri, ġebel kbir ta' epoka rumana, ħitan medjevali, ħafna fuħħar, ħġieġ, metall eċċ.
Matul din is-sena ġie restawrat it-Torri dello Standardo minn ġewwa, sar titjib fi Pjazza s-Sur, tpoġġew mat-tletin bank (il-parti l-kbira f'Howard Garden in kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali), ġew restawrati żewġ bibien tal-Palazz Vilhena, bdew isiru t-tħejjijiet għal pavimentar tal-forecourt tal-palazz Vilhena. Saru wkoll diversi xogħlijiet żgħar.
In kollaborazzjoni mar-Restorations Unit fl-istess Ministeru qed jitħejjew rapporti dwar il-qagħda strutturali tal-palazz Vilhena u l-mini ta' taħt l-Imdina.
Jista' l-Ministru b'referenza għad-domanda parlamentari numru 17158 jinforma l-Kamra jekk kemm il-darba hemmx xi progress fil-kwistjoni tal-Knisja tal-Madonna tas-Sokkors ġewwa Bormla billi għaddej iż-żmien u għadha mhux utilizzata tajjeb jew l-faċċata tagħha rranġata tajjeb?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li qabel ma jinstab użu permanenti għall-kappella tal-Madonna tas-Sokkors ġewwa Bormla ma jistax isir proġett finali. Ser nerġa' nitlob li jsir sforz biex dan il-proġett jiġi konkluż.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar il-problema tad-drenaġġ f'Ħajt il-Wied fiż-Żejtun, speċjalment wara ittra li l-kunsill lokali taż-Żejtun kiteb ittra li ġġib id-data tat-2 ta' Novembru 2001?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li diġa' saret l-ewwel parti ta' l-estensjoni f'Ħajt il-Wied permezz ta' main tal-10" biswit il-main eżistenti ġol-Wied stess. Baqa' t-tieni fażi, fejn iridu jsiru katusi oħrajn mill-post fejn wasalna issa għal ġewwa l-mini aktar l-isfel ġo l-għelieqi stess. Dan ġie spjegat lill-bdiewa minn uffiċjal għoli tad-Dipartiment tad-Drenaġġ stess f'laqgħa li għamel magħhom fuq il-post, fit-8 ta' Novembru 2001.
It-tender għat-tieni fażi għandu joħroġ fil-futur qarib.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitnaddaf tajjeb il-Wied ta' Ħal Qormi peress li issa beda l-istaġun tax-xita, u minħabba l-ħmieġ u skart, hemm perikli serji kemm għar-residenti w ħwienet tax-xogħol li hemm f'valley road?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li Triq il-Wied, Ħal-Qormi (Valley Road) li qed tirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija responsabbilta' tal-Kunsill Lokali.