Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-miżati għall-ġbir ta' applikazzjonijiet u bills payable li jiġu mitluba mill-Awtorita' tad-Djar għal kull skema li għandha, skema bi skema? Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn dawn il-miżati u bills payable ġewx aġġustati jew mibdula? Jekk ġew mibdula, jista' l-Ministru jgħid skema bi skema x'kien it-tibdil?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-"Bills Payable" miġbura mill-Awtorita' tad-Djar fuq l-iskemi tagħha huma dawn: (a) Fuq Skema I - Lm 20 Fuq Skema L - Lm 10 Fuq Skema M - Lm 20 Fuq Skema N - Lm 20 Dawn il-miżati jiġu rimborżati lill-benefiċjarji wara l-iffirmar tal-kuntratt. (b) Fuq Skema Numru Wieħed - Lm 5 Fuq Skema Numru Tlieta - Lm 5 Dawn ma jiġux rimborżati lill-applikanti. Taħt kull skema titħallas 50c għal kull applikazzjoni. Mill-5 ta' Settembru 'l hawn ma kien hemm l-ebda żieda f'dawn il-miżati. 24.3.99

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4387 u ċioe' b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3886, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet tiswa lill-gvern kieku fil-ftehim tas-Servizz Ċivili ffirmat fl-1998 daħħal ukoll lill-pensjonanti tas-Servizz li rtiraw qabel l-1996?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Numru 3954 dwar l-istess suggett. 24.3.99

Sigurta' Soċjali — Delegazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il delegazzjoni mill-ministeru, segretarjat parlamentari, meta jagħti l-każ, u mid-dipartimenti governattivi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu żaret pajjiżi barra minn Malta minn Ottubru 1998 sal-lum? Minn min kienu magħmula d-delegazzjonijiet imsemmija? Fuq liema xogħol attendiet kull delegazzjoni? Kemm swiet l-ispiża ta' kull delegazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 24.3.99

Djar — Attard - Tal-Fuklar

Question

B'riferenza għall-bini tal-maisonettes f'Tal-Fuklar, f'Ħ'Attard, jista' l-Ministru jgħid meta se jiġi mplimentat ix-xogħol ta' landscaping kif stipulat fil-kondizzjoni Nru. 8 tal-permess tal-bini (PA 4079/95/DC01)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar qiegħed jikkonsulta lill-Kunsill Lokali dwar il-pjanta tal-'Landscaping'. Hekk kif ikun hemm qbil dwar din il-pjanta jibdew jitħejjew l-offerti biex ix-xogħol meħtieġ isir possibilment għal bidu tas-sena 2000. 24.3.99

Djar rekwiżizzjonati — Ħlasijiet tad-dawl/ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-każ ta' djar li kienu rekwiżizzjonati, min għandu jħallas il-kont tad-dawl u l-ilma għall-perijodu sa kemm kienu rekwiżizzjonati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-kontijiet tad-dawl u ilma ta' postijiet rekwiżizzjonati jitħallsu mill-inkwilini li joqgħodu f'dawk il-postijiet. Id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali jħallas taż-żmien ta' meta l-postijiet idumu vojta bejn kirja u oħra. 23.3.99

Persuni b'Diżabilita' — Blue sticker

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuni b'diżabilita' u bi blue sticker għandhomx sussidju fuq it-trasport tal-vapur ta' Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Persuni f'diżabilita' li għandhom il-karta tal-identita speċjali maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' jistgħu jivvjaġġaw bejn Malta u Għawdex fuq il-vapuri tal-Kumpanija Gozo Channel mingħajr ħlas. Ma hemm l-ebda konċessjoni mill-Gozo Channel fuq il-karozzi ta' persuni b'diżabilita'. 23.3.99

Persuna b'diżabilita' — Hearing aid

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna se tingħata l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, biex tkun tista' tixtri l-hearing aids li jintlibsu ġewwa - u mhux wara l-widnejn - peress li għandha problemi fl-iskola u anke tiġi bullied u ntimidata fl-iskola, kif anke jindikaw ċertifikati sottomessi lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' mill-Awdjoloġista Dr Alf Fenech MD MSc?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li mir-records tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' jirriżulta li din il-persuna ma għamlet l-ebda talba lis-Servizz Għajnuniet Speċjali ta' l-Kummissjoni biex tingħata għajnuna biex tinxtara din il-"hearing aid". Irrid ngħid ukoll li l-Kummissjoni qatt ma rat iċ-ċertifikati msemmija. 23.3.99

Dipartiment ta' l-Anzjani — Koki

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm u kemm kien hemm impjegati fil-grad ta' koki matul is-snin 1995, 1996, 1997 u 1998 ġewwa d-Dipartiment ta' l-Anzjani? Hemm ħsieb li dan in-numru jiżdied?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment għall-Anzjani kellu dan in-numru ta' koki kif jidher hawn taħt: 1995 SVPR 17 Homes 3 1996 SVPR 15 Homes 3 1997 SVPR 12 Homes 3 1998 SVPR 11 Homes 3 Bħalissa qed isir eżerċizzju sabiex ikunu magħrufa l-bżonnijiet ta' staff fir-Residenza San Vinċenz. Il-probabbilta' hija li n-numru ta' koki jrid jiżdied. 23.3.99

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Ħlas ta' N.I.

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'inhi l-proċedura attwali segwita mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għar-rigward il-ġbir tan-National Insurance mingħand dawk il-persuni li jagħlqu l-eta' tal-pensjoni iżda li jkunu għamlu żmien ma jaħdmux? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk huwiex minnu li din il-bolla tinġabar xorta waħda meta dawn ikunu għalqu l-eta' u tiġi mneħħija mill-pensjoni tagħhom? F'każ pożittiv, tista' din il-prattika tiġi modifikata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna li ma taħdimx, sakemm ma tkunx koperta bi kreditu ta' kontribuzzjoni, jew sakemm ma tagħmilx talba biex tiġi eżentata milli tħallas l-istess kontribuzzjoni, xorta waħda tista' tkun dovuta tħallas kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali fil-perjodu li ma taħdimx, jekk id-dħul jaqbeż il-minimu stabbilit bil-liġi (Lm390). Hija proċedura tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li f'każ ta' talba għal pensjoni ta' l-Eta' Mhux Kontributorja, qabel jingħata dan il-benefiċċju, fejn hemm kontribuzzjonijiet dovuti mill-applikant, dawn jitnaqqsu minn xi dritt li l-persuna jista' jkollha bħala pensjoni ta' l-Eta'. Fil-każ ta' Pensjoni Kontributorja, fejn it-talba ssir qabel l-eta' ta' l-Irtirar, d-Dipartiment iqis din bħala talba għal ħlas ta' arretrati f'kontribuzzjonijiet. F'dan il-każ issir stima tal-kontribuzzjonijiet dovuti fl-aħħar ħames (5) snin qabel l-istess talba għal pensjoni kontributorja. Ninforma lill-Onor. Membru li hija l-prassi li jinġabru biss mill-pensjoni, flus li jkunu dovuti qabel l-għoti tal-pensjoni. Dan il-ġbir ikun jinħtieġ li jsir biex il-pensjoni titħallas bir-rata korretta. Irid jingħad, li fejn persuna tkun naqset li tħallas kontribuzzjonijiet dovuti, jew ħallsithom b'rata mnaqqsa din tirċievi pensjoni li tkun tirrifletti dan in-nuqqas. Fiż-żewġ każi li semmejt, jeżisti provvediment fl-Att dwar is-Sigurta' Soċjali li jirregola kif għandu jsir tnaqqis mill-pensjoni meta persuna jkun baqgħalha tħallas xi kontribuzzjonijiet lid-Dipartiment. Intenni li l-Kontribuzzjonijiet li jinġabru huma kontribuzzjonijiet li jkunu dovuti mill-persuna assigurata. Għaldaqstant ma nħossx li l-ligi għandha tiġi modifikata, imma aktar għandna nedukaw lill-poplu biex dak li jkun dovut lill-Gvern jitħallas fi żmienu biex proċeduri bħal dawn ma jkunx hemm il-ħtieġa tagħhom. 23.3.99

Bord għall-Għajnuna Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' għajnuna b'emerġenza ittratta l-Bord għall-Għajnuna Soċjali u l-Kumitat Soċjali, sena b'sena mill-1994 'il hawn? Kemm fi flus? X'inhuma l-oġġetti li m'humiex fi flus li dan il-Bord approva?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm każijiet ta' Għajnuna b'emerġerza li ġew ittrattati mill-Bord għall-Għajnuna Soċjali u l-Kumitat Soċjali. Ir-raġuni li ma kienx hemm każijiet bħal dawn x'aktarx li hi li l-persuni li setgħu bbenefikaw minn din l-Għajnuna, ingħataw l-Għajnuna Soċjali li titħallas skond l-Artiklu 30 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, liema Għajnuna hi għola. 23.3.99

Anzjani — Djar għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'regolamenti jeżistu min-naħa tal-gvern għal dawk il-lukandi li qed jiġu kkonvertiti fi djar ta' l-anzjani? Jista' l-Ministru jgħid xi standards qed jinsisti fuqhom il-gvern vis-a-vis id-djar privati ta' l-anzjani? X'qed jagħmel il-gvern biex jassigurta li dawn id-djar ikunu attrezzati għal ħteġijiet ta' l-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-operat tad-Djar għall-Anzjani jiġi liċenzjat mill-Ministru tas-Saħħa skond il-Medical and Kindred Professions Ordinance. Meta d-Dipartiment tas-Saħħa jirċievi talba biex post ikun jista' jibda' jopera bħala dar għall-anzjani, issir spezzjoni fuq il-post minn team ta' nies kompost minn uffiċċjali mid-Dipartiment tas-Saħħa u minn dak tal-Anzjani biex jiġi stabbilit jekk dan jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti mid-Dipartiment bħal, per eżempju, daqs ta' kmamar tas-sodda, faċilitajiet bħal kċina, kamra tal-ikel, common areas, kmamar tal-banju, lifts, aċċessi, aides, fire extinguishers, staff kwalifikati u iġene. L-applikant jiġi nfurmat bl-aġġustamenti meħtieġa u meta jikkonforma magħhom tinħareġ il-liċenzja. Fil-każ ta' lukanda li tkun trid tiġi konvertita f'dar għall-anzjani tiġi addottata l-istess proċedura. Spezzjonijiet isiru kull sena qabel it-tiġdid tal-liċenzja. F'dan l-eżerċizzju jsir aċċenn għall-mod kif jinżammu l-mediċini, l-iġene u jiġu nnutati xi affarijiet ġodda li jkunu saru fid-dar. Minbarra dawn l-ispezzjonijiet ta' rutina, jsiru oħrajn għall-għarrieda kemm il-darba jkun hemm xi rapport jew indikazzjoni negattiva. 23.3.99

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li ismu qed jintbagħat separatament hux qed jirreġistra filwaqt li qed jaħdem ukoll?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond "records" tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ il-persuna ndikata attwalment qed taħdem ma kumpanija privata. Fl-istess ħin qed tirreġistra wkoll fuq it-Tielet Parti tar-Reġistru. Din il-parti hi riservata għal dawk il-persuni li jkunu qiegħdin haħdmu bi qliegħ u jkunu qiegħdin jfittxu impjieg alternattiv. 22.3.99

Partit Nazzjonalista — Programm Elettorali

Question

B'riferenza għal Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista Kapitlu VIII paġna 27 li jgħid "Fil-qasam tad-Djar il-PN fil-Gvern beħsiebu jimbotta fuq linji alternattivi u kumplimentari għall-politika li jingħatw aktar artijiet għal bini li sal-lum għadhom kampanja", jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-Gvern li jagħti plots għal bini liż-żgħażagħ għarajjes u miżżewġin? Jekk huwa l-ħsieb, jista' l-Ministru jgħid meta? Kemm huwa l-ewwel ammont? U f'liema lokalitajiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kwotazjoni ta' l-Onor. Membru għandha tiftiehem li l-Gvern, permezz ta' l-Awtorita' tad-Djar, qed jagħmel skemi biex, flok tintuża art li llum hi kampanja, tippromovi alternattivi oħra ta' akkomodazzjoni. Fl-istess kapitlu ta' l-istess paġna, jingħad x'hin huma dawn l-alternattivi. L-Awtorita' tad-Djar qegħda fil-proċess li tirrevedi l-iskemi attwali u li toħroġ skemi ġodda. 22.3.99

Liġi tal-koperattivi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4628, jista' l-Ministru jagħti t-timeframe maħsub biex jiġi konkluż ix-xogħol imsemmi? Meta qed jiġi ppjanat li l-abbozz ta' liġi li jemenda l-liġi eżistenti huwa maħsub li jitressaq għad-diskussjoni tal-Parlament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-process tar-Revizjoni tal-Liġi tal-Koperattivi jitlob konsultazzjoni wiesa' mal-partijiet kollha konċernati, flimkien ma' aġġornament ma' dak li qed jiġri barra minn Malta, speċjalment fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Minbarra dan, ladarba qed ngħixu f'sitwazzjoni fejn hawn diversi tipi ta' koperattivi - li dwar dawn ma hemm xejn speċifiku fil-liġi eżistenti - il-Bord tal-Koperattivi ma jħoss li bħalissa qiegħed f'sitwazzjoni fejn jista' jispeċifika "time-frame" dettaljat għat-twettiq ta' dan il-proċess ta' reviżjoni. 22.3.99

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jikkalkula li hemm min qiegħed jabbuża mill-pensjoni, billi fl-aħħar snin tax-xogħol ikun tella' jew tellgħulu s-salarju aktar milli fil-fatt kien? Kemm huwa n-numru ta' pensjonanti u kemm jinvolvu finanzi dawn l-abbużi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jeżisti provvediment fl-Att dwar is-Sigurta' Soċjali li jagħti poter lid-Direttur tas-Sigurta' Soċjali li ma jaċċettax salarji jew dħul ieħor li fl-opinjoni tiegħu ma jkunx bona fide. Infatti kien hemm każi fejn id-Direttur applika dan il-provvediment. Ninforma lill-Onor. Membru li t-Taqsima tal-Pensjonijiet dejjem tagħmel il-verifiki kollha biex tassigura li s-salarji li fuqhom tkun ibbażata r-rata ta' pensjoni, jkunu dawk li fuqhom tħallset il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali. Fejn instab li salarji ma jkunux ġew iddikjarati kif suppost, jew dawn ma jkunux bona fide fit-termini tal-liġi, t-Taqsima tal-pensjonijiet dejjem ħadet il-passi biex jew ma jsirx ħlas żejjed fil-pensjonijiet, jew jekk sar xi ħlas żejjed jinġabar minnufiħ. Nassigura l-Onor. Interpellant li fejn id-Dipartiment isib li hemm xi abbużi, jittieħdu l-passi meħtieġa. 22.3.99

Rabat — Għajn Qajjed - Qasam tad-Djar

Question

Peress li r-residenti fil-qasam tad-djar ta' Għajn Qajjed Housing Estate fir-Rabat qed jilmentaw li kiber ħafna ħaxix ħażin fil-madwar tal-Blocks tal-bini, jista' d-dipartiment jikkordina mal-Kunsill Lokali tar-Rabat u d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura sabiex isir it-tindif neċessarju? Jista' l-Ministru jinformani fiex waslu d-diskussjonijiet sabiex fil-ġejjieni jsiru l-lifts fil-block tal-flats ta' Għajn Qajjed peress li l-eta' tar-residenti f'dawn l-appartamenti qiegħda dejjem tikber?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif stqarr l-Onor. Interpellant stess, ir-responsabbilta' għat-tindif fiż-żona tal-Housing Estate hija tal-Kunsill Lokali. Madankollu jien infurmat li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar ser jikkordina mal-Kunsill Lokali u mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura biex dan ix-xogħol jista' jsir mill-Kunsill Lokali. Rigward l-istallar ta' lifts, kif ġa ħabbart ftit tal-ġimgħat ilu, għalissa l-iskema ser tkun limitata għal bini tal-Gvern fil-Kottonera. Skond ir-rispons u s-suċċess ta' l-iskema, tiġi estiża għal lokalitajiet oħra f'Malta. 22.3.99

Jum il-Mara — Ċelebrazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'attivitajiet u ċelebrazzjonijiet saru mill-ministeru u d-dipartiment konċernat f'Jum il-Mara nhar it-8 ta' Marzu, 1999? Kemm intnefqu finanzi pubbliċi f'PR., reklamar, attivitajiet eċċ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Makkinarju għat-twettiq tal-Politika tal-Gvern dwar in-Nisa fis-Soċjeta' hija l-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara flimkien mad-Dipartiment dwar in-Nisa fis-Soċjeta'. Huwa dan il-makkinarju li huwa responsabbli mill-organizzar taċ-ċelebrazzjonijiet ta' Jum il-Mara. Din is-sena il-Ministeru ħass li għandu jippjana kampanja ta' edukazzjoni sabiex titqajjem kuxjenza favur parteċipazzjoni akbar u aktar sħiħa tan-nisa f'oqsma differenti tal-ħajja. Għalhekk l-attivitajiet u ċ-ċelebrazzjonijiet ma' sarux biss f'jum il-mara imma bdew minn xahar qabel, mat-twaqqif tal-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara. Matul dan ix-xahar saru diversi interventi fuq stazzjonijiet televizivi u tar-radju kemm minni bħala Ministru responsabbli mill-qasam dwar in-nisa fis-soċjeta', kif wkoll miċ-Ċhairperson tal-Kummissjoni u mid-Direttur tad-Dipartiment dwar in-Nisa fis-Soċjeta. Saru wkoll interventi varji permezz ta' konferenzi stampa, parteċipazzjoni f'konferenzi ta' studju u fil-gazzetti. Ġiet wkoll mtella kampanja televiziva biex teduka u tħeġġeg aktar nisa' għal parteċipazzjoni akbar u aktar sħiħa fil-livelli kollha tas-soċjeta'. Huwa ppjanat li din il-kampanja tiġi mxandra perjodikament. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda tal-attivitajiet li saru in konnessjoni ma' Jum il-Mara 1999, flimkien ma' l-ispejjes konċernati. 22.3.99

Djar — Bormla - Post tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid lil min ġie allokat il-post battal tal-gvern bin-numru 11, Triq l-Iljun, f'Bormla? Jista' l-Ministru jgħid kemm kellha punti l-familja li ġiet allokata dan il-post? Kemm għandhom tfal? Fejn kienu joqogħdu qabel u x'għamlu bil-post li kellhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-post 11, Triq l-lljun, Bormla mhux f'idejn id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. 22.3.99

Djar — Birgu - Post tal-gvern

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5412, jista' l-Ministru jgħid il-post Flat 2, Blk F, Triq tal-Ħawli, Birgu li ġiet battal minn żewġ anzjani li mietu snin ilu, minn min ġie okkupat? Kif jista' jispjega l-Ministru li dan l-aħħar kien hemm xi persuni oħra jabitaw f'dan il-flat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi fil-post hemm joqgħod in-neputi tal-inkwilini li mietu. Hu qed jitlob rikonoxximent iżda t-talba tiegħu għadha qed tiġi investigata. 22.3.99