Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill għall-Affarijiet tal-konsumatur – chairman — European consumer summit

Question

B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 28534, 29140, u 29153, tista’ l-Ministru tikkonferma li ċ-Chairman tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur fl-2015 attenda l-European Consumer Summit, u waqt din il-laqgħa ta’ jumejn ma għamel ebda intervent u dan kollu ġie jiswa €1140.8?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li ċ-Chairperson tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur kien attenda Il-European Consumer Summit f’2015 u ma kien għamel ebda intervent f’dawk il-jumejn. L-importanza li wieħed jattendi għal dawn is-summits ma jitkejjilx biss abazi ta’ interventi li jsiru.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – każijiet li għamlu ilmenti jew laqgħa u wara ma wrewx interess

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30451 peress li l-Ministru indikat li kien hemm disa’ (9) każijiet li wara li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kien kiteb lil min għamel l-ilment jew għamel laqgħa ntwera li ma kienx hemm aktar interess tista’ tgħid, għal kull każ, meta dawn il-każijiet ġew reġistrati mal-Uffiċċju, meta l-Uffiċċju kiteb lil min għamel l-ilment jew meta saru l-laqgħat imsemmija? Tista’ tgħid x’kienet in-natura tal-ilment imressaq quddiem l-Uffiċċju?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li nagħtat għal-mistoqsija parlamentari 30865. Rigward in-natura tal-ilment dawn kienu fuq allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – każijiet li l-kwistjoni ġiet solvuta

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30451 peress li l-Ministru indikat li kien hemm tliet (3) każijiet li l-kwistjoni ġiet solvuta bejn il-partijiet, tista’ l-Ministru tgħid meta kull każ ġie reġistrat mal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u meta kull każ ġie riżolt? Għal kull każ tista’ tgħid liema artikolu tal-Att tal-Kompetizzjoni dawn il-każijiet kienu jikkonċernaw?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li t-tliet każijiet ġew irreġistrati nhar il-5 ta’ Lulju 2013, il-15 ta’ Mejju 2014 u nhar it-23 ta’ Marzu 2015 u l-Uffiċċju ġie nfurmat li l-każijiet ġew riżolti bejn il-partijiet nhar id-9 ta’ Gunju 2015, 8 ta’ Jannar 2015 u 6 ta’ Awissu 2015 rispettivament. Żewġ każijiet kienu jikkonċernaw allegat ksur tal-artiklu 9 u ieħor allegat ksur ta’ Artiklu 5 u 9 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – każijiet li ma jaqgħux taħt il-liġi tal-konċentrazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30451 peress li l-Ministru indikat li kien hemm żewġ (2) każijiet li wara li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni għamel l-analiżi neċessarja nstab li ma jaqgħux taħt il-liġi tal-konċentrazzjonijiet, tista’ l-Ministru tgħid, għal kull każ, meta dawn daħlu l-Uffiċċju u kemm ittieħed żmien biex issir din l-analiżi?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Uffiċċju ġie notifikat nhar is-6 ta’ Gunju 2015 u nhar l-20 ta’ Novembru 2015 u l-Uffiċċju nforma lill-partijiet li l-konċentrazzjonijiet ma jaqgħux taħt ir-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet nhar is-7 ta’ Lulju 2015 u nhar il-15 ta’ Dicembru 2015 rispettivament.

NCPE – rwol fil-ħidma fil-qasam soċjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi rwol għandha l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) biex tmexxi ‘l quddiem l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kuntest tal-gruppi ta’ ħidma fil-qasam soċjali? Liema huma l-oqsma li qed jiġu indirizzati?

Response (DALLI, HELENA)

L-NCPE qed taħdem u tipparteċipa f’diskussjonijiet għall-Konklużjonijet tal-Kunsill dwar it-titjib tal-ħiliet tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol fl-Ewropa. Filfatt l-NCPE ser tkun attendiet tlett laqgħat ta’ ħidma bil-għan li jintlaħaq qbil bejn il-Membri Stati dwar dawn il-Konklużjonijiet. L-NCPE qed taħdem biex waqt il-Presidenza, Malta tmexxi diskussjonijiet dwar il- Proposta għad-Direttiva tal-Parlament Ew ropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji elenkati fil-Borża u miżuri relatati sabiex ikompli jsir progress dwar din il-proposta. L-NCPE se taħdem ukoll, skont il-bżonn, wara li tiġi mnedija l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja.

Koppji li bbenefikaw minn Unjoni Ċivili, Liġi tal-Identità tal-Ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess

Question

Tistà l-Ministru tgħid kemm-il koppja bbenefikat mil-liġi tal-unjoni ċivili u mil-liġi tal-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess f’Malta u f’Għawdex? Tista’ speċifikament tgħid kemm-il: koppja daħlet f’unjoni ċivili f’Malta u f’Għawdex; koppja daħlet f’unjoni ċivili barra minn Malta u rreġistrat l-istatus tagħha f’Malta; koppja tal-istess sess iżżewġet barra minn Malta u rreġistrat l-istatus tagħha f’Malta; koppja tal-istess sess applikat sabiex tkun ikkunsidrata għall-adozzjoni; u individwu biddel il-ġeneru uffiċjali tiegħu fuq iċ-ċertifikat tat-twelid?

Response (DALLI, HELENA)

Impatt tal-liġi: April 2014 – 16 ta’ Frar 2017 Kemm il-koppja daħlet f’unjoni ċivili f’Malta u f’Għawdex Malta 125 Għawdex 6 Kemm il-koppja daħlet f’unjoni ċivili barra minn Malta u rreġistrat l-istatus tagħha f’Malta Malta 16 Għawdex nil Kemm il-koppja tal-istess sess iżżewġet barra minn Malta u rreġistrat iż-żwieġ tagħhom f’Malta Malta 22 Għawdex nil Kemm il-koppja tal-istess sess applikat sabiex tkun ikkunsidrata għall-adozzjoni. Malta 5 Għawdex (4 approvati, 1 fil-proċess) Liġi dwar l-Identità tal-Ġeneru: April 2015 – 16 ta’ Frar 2017 Individwu li bidlu l-ġeneru uffiċjali tagħhom fuq ic-ċertifikat tat-twelid u dokumenti oħra. Malta 67 Għawdex Nil

Reġistru tat-Tribunal għal Talbiet ta’ Konsumaturi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fejn jinsab ir-Reġistru tat-Tribunal għal Talbiet ta’ Konsumaturi bħalissa u fejn jinsabu r-Records tad-deċiżjonijiet li ttieħdu minn dan it-Tribunal? Tista’ tikkonferma li f’dan ir-Reġistru jinsabu r-records tal-każijiet kollha minn mindu twaqqaf it-Tribunal sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li r-Reġistru tat-Tribunal qiegħed fis-sede tat-Tribunal stess fejn anke jinżammu l-files attwali u ta’ dawn l-aħħar snin. Files inqas reċenti qed jinżammu fl-uffiċċji ta’ Mizzi House, il-Blata l-Bajda temporanjament minħabba nuqqas ta’ spazju.

Tribunal tal-Appell tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur — każijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30448 fejn il-Ministru elenkat il-każijiet kollha li ġew mismugħa quddiem it-Tribunal tal-Appell tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur minn mindu twaqqaf, tista’ l-Ministru tindika u telenka liema huma dawk il-każijiet li ġew konklużi u m’għadhomx qed jinstemgħu quddiem it-Tribunal?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li r-risposta għal din il-mistoqsija parlamentari tinsab fl-istess risposta għall-mistoqsija parlamentari 30448.

Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – rapport annwali

Question

Nirreferi l-Ministru għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29149, in vista tar-risposta tagħha għall-mistoqsijiet parlamentari 30451, 30452, 30456, u 30457 fejn il-Ministru qalet li jien kont “żbaljat fil-konklużjoni … li d-deċiżjonijiet ma ħarġux skont il-liġi”, tista’ tispjega għaliex fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29149 użat il-kliem “l-Uffiċċju ma ħax deċiżjoni skont kif kontemplat fl-Att dwar il-Kompetizzjoni”?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li intuża dan il-kliem biex issir distinzjoni bejn dawk il-każijiet li setgħu ikunu suġġetti għall-pubblikazzjoni għax inħarġu b’deċiżjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Kompetizzjoni u każijiet oħra li ġew riżolti b’mod ieħor bħal pereżempju każ li ġie solvut skont l-artikolu 14(2) tal-Att dwar il-Kompetizzjoni li pero mhumiex suġġetti għall-pubblikazzjoni.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – każijiet li ġew reġistrati

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30451 tista’ l-Ministru tgħid meta dawn it-tlieta u tletin (33) każ ġew reġistrati mal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u għal kull każ, tista’ tgħid ukoll meta l-Uffiċċju bagħat acknowledgement?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella l-informazzjoni mitluba.

Att dwar il-Kompetizzjoni – Artiklu 14(2) – każijiet magħluqa

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30451 fejn qalet kien hemm tlettax (13)-il każ li ġew magħluqa taħt l-artiklu 14 (2) tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, għal kull każ, tista’ l-Ministru tgħid: (i) meta wasal għand id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), (ii) meta d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) ppreskriva dawk il-ħtiġijiet ġenerali biex persuna li tressaq ilment għandha ssegwi meta tipprovdi l-informazzjoni; (iii) meta d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) informa l-persuna konċernata li m’hemmx raġunijiet suffiċjenti sabiex jaġixxi fuq l-ilment; u (iv) kemm ingħataw żmien sabiex dawn il-persuni juru l-fehmiet tagħhom skont artikolu 14 (2)? Tista' l-Ministru tgħid ukoll għal kull każ: (i) jekk eventwalment kienx hemm risposta mill-persuna konċernata (ii) jekk id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) ħariġx deċiżjoni fejn ċaħad l-ilment? Tista’ wkoll tgħid, għal kull każ, jekk id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) infurmax il-persuni konċernati jekk kemm-il darba dawn ma jissottomettux informazzjoni ulterjuri l-każ jiġi meqjus bħala irtirat?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ddettalji mitluba. Infurmata wkoll li d-Direttur Ġenerali ma ħariġx deċiżjoni fejn ċaħad l-ilment peress li ma rċieva l-ebda risposta mill-persuni konċernati. Id-Direttur Ġenerali, ħlief għal zewġ każijiet, dejjem informa il-persuni konċernati jekk kemm-il darba dawn ma jissottomettux informazzjoni ulterjuri l-każ jiġi meqjuż bħala irtirat. Rigward it-tieni punt, kull meta persuna tagħmel l-ilment, tigi infurmata x’informazzjoni għandu bżonn l-Uffiċċju biex jevalwa l-ilment.

Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – Artikolu 14 (2) – każijiet magħluqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn meta twaqqfet l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, sena b’sena sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kien hemm każijiet li ngħalqu skont l-Artikolu 14 (2)?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tingħata f'xi seduta oħra.

Raħal Ġdid – Pjazza – kuntratti ta’ xogħol

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 26370 u 28798, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-kuntratti tax-xogħol għall-pjazza ta’ Raħal Ġdid ġewx assenjati? Tista’ tindika l-programm ta’ ħidma li se jkun hemm tul din is-sena? Tul din is-sena, ġew konsultati jew avviċinati b’xi mod is-sidien tal-ħwienet li hemm fl-istess pjazza, dwar dan?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-adjudikazzjoni fuq it-tender hi maghluqa u d-dipartiment tal-kuntratti ppublika l-isem tal-Kuntrattur kif irrakomandat mill-board ta l-ghazla. Ghaldaqstant kif jghaddi il-perjodu ta l-appell wiehed ikun jista jibda jahdem mal-Kuntrattur maghzul fuq il-pjan ta hidma u traffic managment, sussegwentamwent inkunu nistghu nitkellmu mas-sidien tal-hwienet u l-istakeholders ewlenin b`dawn il-pjanijiet.

Awtorità dwar il-Mediċini — inizjattivi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inizjattivi qed tieħu l-Awtorità dwar il-Mediċini dwar l-iżvilupp u t-taħriġ tal-impjegati tagħha?

Response (DALLI, HELENA)

L-Awtorità dwar il-Mediċini qed tieħu diversi miżuri dwar l-iżvilupp u t-taħriġ tal-impjegati. Dan il-pjan ġie msaħħaħ fl-Istrateġija ġdida tal-Awtorità għall-2016-2020. L-Awtorità qed tinvesti madwar għaxra fil-mija (10%) tal-baġit fuq taħriġ għall-impjegati, l-iżvilupp professjonali u exposures kemm fuq livell internazzjonali u Ewropej. Permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, l-Awtorità toffri opportunitajiet biex l-impjegati jipparteċipaw f’diversi programmi ta’ taħriġ. L-Awtorità laħqet ftehim fuq taħriġ mal-Aġenzija tal-Mediċina Olandiża, fejn bħalissa l-Awtorità għandha żewġ assessuri ġodda li qed jitħarġu ma’ din l-aġenzija għal-ħames gimgħat. Dan it-taħriġ jwassal biex l-Awtorità ser tkun tista’ ġġib iżjed xogħol ta’ assessment ta’ mediċini biex jiġu awtorizzati fl-Ewropa. L-Awtorità torganizza diversi programmi ta’ taħriġ għall-impjegati, liema oqsma huma rekwiżiti sabiex l-industrija farmaċewtika f’Malta tkompli tissaħħaħ. L-Awtorità qegħdha tiftaħ numru ta’ dawn il-korsijiet għall-istudenti. L-Awtorità tappoġġa bis-sħiħ l-impjegati kollha biex jkomplu jistudjaw u kien għalhekk li l-Awtorità ħarġet Espressjoni ta’ Interess sabiex l-impjegati jkunu mejgħuna jilħqu livelli għola t’edukazzjoni. Aktar minn tletin fil-mija (30%) tal-impjegati fl-Awtorita` dwar il-Mediċini qed iwettqu studji fuq livell ta’ Masters u Dottorat. Dan apparti l-għoxrin fil-mija (20%) tal-impjegati li ggradwaw fl-2016. L-Awtorità saħħet il-flessibilta` u study leave għaliex l-Awtorità fehmet il-ħtiġijiet tal-impjegati biex jkomplu jistudjaw.

Organizzazzjonijiet Volontarji – għajnuna

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol sabiex l-organizzazzjonijiet volontarji jkunu megħjuna sabiex jakkwistaw il-fondi għall-proġetti tagħhom mingħajr ma jkun hemm, kemm telf ta’ fondi kif ukoll għaqdiet li ma jkunux infurmati bl-istess fondi, liema fondi huma essenzjali għall-kapaċità operattiva tagħhom?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għal dawn l-aħħar xhur kien qed jiltaqa’ b’mod regolari kumitat inter-ministerjali mmexxi minn dan il-Ministeru, fejn jiltaqgħu flimkien dawk il-Ministeri li jallokaw fondi għas-Settur tal-Volontarjat. B’riżultat ta’ dan il-kumitat, is-sena l-oħra kien imniedi sit elettroniku minn fejn l-organizzazzjonijiet volontarji qed ikunu mgħarrfa dwar il-fondi disponibbli għalihom mid-diversi entitajiet pubbliċi. Dan is-sit, www.vofunding.org.mt ikollu l-informazzjoni dwar l-għanijiet tal-fondi partikolari, iż-żmien meta joħorġu l-applikazzjonijiet rispettivi, l-applikazzjonijiet online, jew link diretta skond kif ikun il-każ, kif ukoll ir-riżultati tal-fondi. Aktar tard din is-sena dan is-sit, li huwa b’sistema ‘responsive’ sabiex tkun aċċessibli anka mill-‘mobile phones’, ser tkun marbuta ma’ ‘mobile application’ sabiex dawk interessati jirċievu l-informazzjoni fl-aqsar ħin possibli. Dan is-sit u l-istruttura marbuta miegħu, li qed tkun imħaddma mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, tkompli tiggarantixxi aċċessibilita’ għall-fondi, mingħajr ma jkun hemm, kemm telf ta’ fondi, kif ukoll għaqdiet li ma jkunux infurmati bl-istess fondi, liema fondi huma essenzjali għall-kapaċità operattiva tagħhom.

Ċentru tal-Volontarjat tar-Rabat — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju wasal ix-xogħol fuq iċ-Ċentru tal-Volontarjat ġewwa r-Rabat u meta huwa ppjanat li dan jibda jopera?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa ix-xogħol fuq iċ-Ċentru tal-Volontarjat fir-Rabat, Malta miexi b’ritmu tajjeb u qed ikun ippjanat li l-istess Centru fi żmien qasir.

Organizzazzjonijiet Volontarji – fondi għall-proġetti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm din is-sena, taħt dan il-Ministeru, se jkunu qed jitqassmu fondi għall-proġetti minn organizzazzjonijiet volontarji, kemm organizzazzjonijiet se jkunu qed jibbenefikaw u minn liema oqsma ġejjin?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-jiem li ġejjin ser ikunu qed jitqassmu fondi taħt żewġ skemi differenti għal proġetti minn Organizzazzjonijiet Volontarji li jammontaw għas-somma ta’ €800,000.00 sabiex l-istess organizazzjonijiet iwettqu proġetti fil-komunita’ filwaqt li jkabbru l-kapaċità operattiva tagħhom. Dawn l-iskemi huma il-Voluntary Organisations Projects Scheme, taħt liema skema ser jitqassmu €700,000.00, u ser jibbenefikaw 34 organizzazzjoni volontarja, u l-iskema Small Initiatives Support Scheme, taħt liema skema ser jitqassmu €100,000.00, u ser jibbenefikaw 34 organizzazzjoni volontarja oħra. Aktar tard din is-sena ser joħorġu wkoll fondi taħt l-iskema tas-Civil Society Fund li jammontaw għal €325,000.00. L-organizzazzjoniet volontarji li bbenefikaw minn dawn il-fondi ġejjin mill-oqsma kollha tas-settur.

NCPE – organizzazzjonijiet ta’ attivitajiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu s-sehem tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) fl-organizzazzjoni ta’ xi attività dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel waqt il-Presidenza?

Response (DALLI, HELENA)

L-NCPE kienet involuta fl-organizzazzjoni tal-laqgħa tal-Grupp ta’ Livell Għoli għall-Integrazzjoni tal-Prinċipju tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi (High Level Group on Gender Mainstreaming) li saret f’Malta fl-1 u t-2 ta’ Frar. Din il-laqgħa ssir darbtejn fis-sena fil-pajjiż tal-Presidenza, bl-aħħar laqgħa saret f’pajjiżna. Minbarra li l-NCPE tat appoġġ loġistiku lill-Kummissjoni Ewropea fl-organizzazzjoni ta’ din il-laqgħa, l-NCPE tat ukoll kontribut fid-diskussjonijiet ta’ din il-laqgħa u infurmat lill-Membri Stati dwar l-iżviluppi relatati mal-Presidenza Maltija fl-oqsma tal-ugwaljanza.