Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kumpless Sportiv tal-Kottonera — Ħaddiema - Sigurta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema hija l-kumpanija tas-sigurta` li tissupplixxi n-nies biex jieħu ħsieb il-kumpless sportiv tal-Kottonera bil-lejl? Kif intgħażlet? Kemm titħallas? Għal kemm żmien huwa l-kuntratt?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-kumpanija li tissupplixxi n-nies biex jieħdu ħsieb il-kumpless sportiv tal-Kottonera bil-lejl hija JF Security. Din il-kumpanija ġiet magħżula wara li saret sejħa għall-offerti f’Marzu 2003. Ir-rata tal-ħlas hija ta’ Lm 2.07 fis-siegħa. Is-servizz huwa sa l-aħħar ta’ Novembru ta’ din is-sena. Diġa ttieħdu passi biex tinħareġ sejħa għall-offerti fil-Gazzetta tal-Gvern. Din is-sejħa għalqet fid-19 ta’ Novembru.

Postijiet Storiċi/Sportivi — Għasses - Kumpanniji privati tas-sigurta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-postijiet storiċi/sportivi, eċċ li huma taħt ir-responsabbilita' tal-ministeru tiegħek li huma bin-nhar u/jew bil-lejl mgħassa min kumpanniji privati tas-sigurta'? Jista' jagħti d-dettalji f' kull każ ta' liema huma l-kumpanniji, kif intgħażlu u kemm qed jitħallsu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.

Santa Venera — Klabb tal-boċċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jgħaddi l-art fejn illum hemm il-klabb tal-boċċi, f'Santa Venera, lill-istess klabb bl-istess sistema li ntużat ma' clubs oħra simili? Jekk dan ma jistax isir, jista' jagħti r-raġuni għaliex? In vista ta' l-investiment li qiegħed jipproponi dan il-klabb, tista' tingħata assigurazzjoni li l-art se tibqa' tintuża mill-istess klabb?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li l-Kunsill Malti għall-Isport kien diġa beda l-proċess amministrattiv biex il-klabb tal-boċċi ta' Santa Venera jiġi mgħoddi b'titolu lill-Kumitat ta' Tmexxija. Dan il-proċess kellu jieqaf minħabba li kien hemm oġġezzjoni mill-Awtorita ta' l-Ambjent u l-Ippjanar. Għalissa ma hemm l-ebda ħsieb li l-Kunsill Malti għall-Isport iwaqqaf l-użu tal-faċilitajiet lill-klabb konċernat.

Sport tal-bodybuilding — Teħid ta' sustanzi llegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ġiex avviċinat minn uffiċjali ta' l-assoċjazzjoni tal-bodybuilding rigward it-teħid ta' sustanzi llegali f'dan l-isport? Jista' jgħid jekk ġiex mitlub biex jgħin biex jeqred l-imġieba ta' xi wħud? Jaf li l-president ta' din l-assoċjazzjoni stqarr bla tlaqliq fuq il-programm sportiv GRANDSTAND tal-PBS nhar it-Tnejn 20 ta' Ottubru li qed isibha diffiċli biex jikkontrolla t-teħid ta' sustanzi llegali fil-bodybuilding?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li uffiċċjali Maltin tal-bodybuilding infurmaw lill-Ministru b’rapport ta’ riżultati posittivi ta’ doping u talbuh jieħu dawk il-miżuri sabiex dan l-aspett negattiv ta’ l-isport jiġi kontrollat. Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru għadda dan ir-rapport lill-Kunsill Malti għall-Isport sabiex jittieħdu l-miżuri meħtieġa skond il-parametri tal-liġi ta’ l-isport.

Nies involuti fl-isport — Doping tests

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jieħu l-ministeru tiegħu li għandu responsabbilta' fl-isport wara li atleti/footballers/bodybuilders, eċċ., jiġu meqjusa bħala pożittivi wara li jkun sar test tad-doping? Għalkemm huwa minnu li kull għaqda tieħu l-azzjoni tagħha, ma jaħsibx il-Ministru li l-kunsill Malti għall-isport għandu jindaħal ukoll, anke biex jipproteġi atleti oħra?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infakkar lil Onor. Interpellant li wieħed mill-għanijiet tal-Liġi għall-Isport huwa li toħloq il-qafas sabiex tkun tista' ssir leġislazzjoni sussidjarja li tirregola l-abbuż minn sustanzi ipprojbiti fl-isport. Ta’ min iżid illi Malta permezz tal-Kunsill Malti għall-Isport hija affiljata mal-W.A.D.A. (World Anti-Doping Agency) sa’ mill-2002. Din l-aġenzija dinjija twaqqfet propju bl-iskop li tikkoordina u tikumbatti l-użu illegali ta’ sustanzi ipprojbiti fl-isport. Malta qiegħda tipparteċipa fil-laqgħat kollha ta' din l-aġenzija. Konxji mill-fatt li dan is-suġġett huwa wieħed importanti ħafna, huwa pjaċir tiegħi ninforma lil Onor Interpellant li l-Kabinett approva it-twaqqif ta’ Anti Doping Advisory Board li l-funzjonijiet tiegħu ser ikunu speċifikament li : 1. jagħti pariri sabiex titwaqqaf Politika Nazzjonali u Pjan ta’ Azzjoni speċifikament fuq anti doping; 2. jagħti pariri flimkien ma’ l-avukat generali dwar ir-ratifika tal-Konvenzjoni tal-W.A.D.A. u jissuġġerixxi metodi ta’ kif għandna ninplimentaw din il-Konvenzjoni; 3 jipprepara Regolamentazzjoni li eventwalement għandha twassal għall-Avviż Legali dwar l-Anti Doping Dan il-Kumitat ser jiltaqa’ fil-ġranet li ġejjin.

Orkestra nazzjonali — Selection board

Question

Riferibbilment għall-Orkestra Nazzjonali, jista' il-Ministru jgħid kif inhu kompost is-selection board li jisma' l-auditions? Min hu ċ-chairman? Min jagħżlu? X'inhuma il-kredenzjali ta' kull membru tal-bord? Min jagħżilhom? peress illi kull ingaġġ jaffettwa ir-rendiment u r-reputazzjoni ta' l-orkestra, u naturalemnt ikollu effett dirett fuq il-membri ta' l-orkestra, jista' il-Ministru jgħid kif inhuma mħarsa l-interessi ta' dawn l-impjegati?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li s-selection board li jisma' l-auditions huwa ffurmat minn Prof. Michael Laus (Chairman), s-Sur Alfred Thewma (Segretarju), Prof. Joseph Vella u Mro. Twanny Chircop. Is-Sinjorina Marcelline Agius (Leader) tkun preżenti. Dan ma jfissirx li ma jistgħux isiru tibdiliet fil-bord. Għandi fiduċja sħiħa li l-membri tal-Bord għandhom l-interess ta' l-Orkestra qabel kollox u għalhekk fiduċjuż li fl-għażliet li jagħmlu jkunu qegħdin jissalvagwarjaw kemm l-interessi ta' l-orkestra kif ukoll l-impjegati ta' l-istess orkestra.

Orkestra Nazzjonali — Impjegati

Question

Riferibbilment għall-Orkestra Nazzjonali, jista' il-Ministru jgħid min jagħżel il-part-timers? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra specimen tal-kuntratt li jingħata għal kull ingaġġ? Min jagħżilhom? Min jevalwa l-kompetenza tagħhom? Kemm jitħallsu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Orkestra Nazzjonali f'xi rappreżentazzjonijiet tagħmel użu minn servizzi ta' casual musicians. Sa issa dawn jintgħażlu skond lista li ġiet stabbilita meta twaqqfet l-Orkestra Nazzjonali. Mużiċiti casual ġodda jiżdiedu wara diskussjoni mad-Direttur Mużikali. Isir ftehim verbali mal-mużiċisti casuals u r-rati tal-ħlas huma kif ġej :- Malta Għawdex Provi matul il-Ġimgħa Lm2.50/siegħa Lm3.00/siegħa Sibtijiet, Ħdud u festi Lm3.00/siegħa Lm3.50/siegħa Kunċert Lm17.00 (prinċipali) Lm19.00 (prinċipali) Lm15.00 (oħrajn) Lm17.00 (oħrajn) Opra Lm19.00 (prinċipali) Lm21.00 (prinċipali) Lm17.00 (oħrajn) Lm19.00 (oħrajn)

Orkestra nazzjonali — Rehearsals

Question

Riferibbilment għall-orkestra nazzjonali, jista' il-Ministru jgħid kemm saru rehearsals għall-kunċert tal-5 ta' Settembru u tal-21 ta' Settembru, 2003 għall-opra "othello", għall-opra il-"barbiere di Siviglia" u għall-kunċert tas-7 ta' Novembru, 2003?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li r-rehearsal sessions saru kif ġej :- Rehearsal Sessions Total ta' siegħat 5 ta' Settembru 7 20 21 ta' Settembru 9 26 Otello 10 32 Barbiere di Siviglia 13 37 (ippjanati) Fis-7 ta' Novembru ma' kien hemm l-ebda kunċert.

Orkestra nazzjonali — Mużiċisti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm vakanzi ta' mużiċisti bħalissa fl-Orkestra Nazjonali?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li bħal issa hemm vakanzi ta' kuntrabaxx, vjolonċell u flawt (minn Diċembru). Inġiebu l-permessi meħtieġa u sejra toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet.

Sant Iermu — Imħażen - Karnival

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’se jsir minn Sant' Iermu? Għad hemm il-ħsieb li hemmhekk isiru l-imħażen sabiex jintużaw minn dawk involuti fil-Karnival? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk għadx hemm il-ħsieb li jsir il-villaġġ tal-karnival?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li qatt ma kien hemm ħsieb li l-imħażen jintużaw minn dawk involuti fil-Karnival, isiru fil-Forti Sant’Iermu. Dejjem kienet l-intenzjoni li Sant’iermu ikun jista’ jintuża għall-skopijiet oħra aktar addattati għall-post storiku bħal dan, u li il-karrijiet tal-Karnival jinstabilhom post ieħor aktar adattat. Dan huwa dak li dejjem irreferejna għalih meta nitkellmu fuq villaġġ tal-Karnival. Din hija l-intenzjoni tal-Ministeru tiegħi li fuqha qegħdin naħdmu b’impenn u nispera li filwaqt li lil dawk li huma involuti fil-Karnival noffrulhom post aktar addattat fl-istess ħin inkunu nistgħu nibdew naħsbu bis-serjeta’ biex nagħtu lil Sant’Iermu id-dehra li jixraqlu.

Kumitat Festi Nazzjonali — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kumitat Festi Nazzjonali jew il-persuna/i li ħadu dan ir-rwol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant li l-membri tal-Kumitat Festi Nazzjonali huwa kompost kif ġej: Is-Sur Nazju Abela Chairman Is-Sur Nenu Aquilina Membru Dr. Paul Mifsud Membru Is-Sur Martin Morana Membru Is-Sur Lawrence Mizzi Membru Is-Sn. Margaret Mercieca Membru Is-Sn. Lydia Chetcuti Membru Is-Sur Charles Coleiro Membru Is-Sn. Joyce Guillaumier Membru Is-Sur Charles Caruana Membru Is-Sur Anton Miceli Segretarju

Festival tal-Kanzunetta Maltija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' inhi r-raġuni li l-Festival tal-Kanzunetta Maltija mhux se jsir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Festival tal-Kanzunetta Maltija ser isir fis-sajf 2004 bħala parti mill-Festival Sajfi ta’ l-Arti.

Għajnuna Finanzjarja — Opri liriċi f'Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk qattx ingħatat għajnuna finanzjarja mid-Dipartment tal-Kultura, biex jittelgħu opri liriċi f'Għawdex? Jekk fl-affermattiv kemm kien l-ammont ta' din l-għajnuna li d-dipartiment ta' liż-żewġ teatri tal-opra f'Għawdex, sena b'sena, fl-aħħar għaxar snin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat illi bejn l-1990 u Frar 1998 il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni kien jipprovdi għal żewġ opri kull sena minn kull teatru :- - spejjeż komuni bħal ikel u rqad f'Għawdex għal membri kollha ta' l-Orkestra; - trasport għall-mużiċisti kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex; - ħlas ta' noll tal-vapur. Fi Frar 1998 kien hemm ftehim ġdid - "Il-Gvern ikun lest meta jkun possibbli li jipprovdi trasport għall-mużiċisti kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex; f'kull każ iżda jħallas in-noll tal-vapur għall-imsemmija membri kollha ta' l-Orkestra għal ġranet tar-rappreżentazzjoni tal-opri u tad-"dress rehearsals"". Kif ukoll "is-servizz ta' l-Orkestra Nazzjonali komposta mill-elementi kollha tagħha u li fil-present hija ta' 35 membru jingħata b'xejn sa' massimu ta' żewġ rappreżentazzjonijiet ta' opri liriċi f'kull wieħed mit-teatri ta' l-opra Astra u Aurora kull sena għal tliet snin." Fis-sentejn 2001-2002 il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni kien ta' is-somma ta' Lm 1,000 kull sena lil kull teatru. Ninsab infurmat ukoll illi għal din is-sena ġiet imwiegħda għajnuna ta' Lm6,000 mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti għall-opri Otello u l-Barbiere di Siviglia li qed jittellgħu tul dawn il-ġimgħat.

Malta Heritage — Ħaddiema Għawdxin

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema Għawdxin mal-Malta Heritage għandhomx xi kondizzjonijiet partikolari u/jew speċifiċi għalihom u jekk iva, jista' jgħid fiex jikkonsistu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nassumi li l-Onor. membru qiegħda tirreferi għall-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta mal-Heritage Malta u jien infurmat li dawn il-ħaddiema Għawdxin bħalissa għandhom l-istess kundizzjonijiet bħal ħaddiema oħra tas-Servizz Pubbliku. Fl-aħħar ta' Ottubru il-ħaddiema Għawdxin li kienu jaħdmu ġo Għawdex stess mal-Ministeru ta' Għawdex ġew detailed għal ma' Heritage Malta u mhux maħsub li jkollhom xi kundizzjonijiet differenti minn dawk tal-ħaddiema Maltin.

Orkestra Nazzjonali — Musical director

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-abbozz tal-kuntratt li se jingħata il-musical director fl-Orkestra Nazzjonali? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikati u l-kwalifiki tal-persuna li ntgħażlet? Kemm se jingħata salarju dan il-musical director? Minn min se jitħallas? Ma min saru n-negozjati? Jikkonferma li ma ħarġitx call for applications? X'inhi r-raġuni?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li ma naħsibx li huwa korrett ġaladarba l-kuntratt imsemmi għadu ma ġiex iffinalizzat mad-Direttur konċernat li jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Li nista' ngħid huwa illi d-Direttur identifikat huwa l-Mro. Michael Laus, li ma naħsibx li hemm għalfejn noqgħodu nidħlu u niddiskutu l-kompetenza mużikali tiegħu. Ma nsib li hemm l-ebda oġġezzjoni li meta jkun konkluż il-kuntratt inpoġġih fuq il-mejda tal-kamra.

Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura — Ħaddiema bil-kuntratt

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġifieri fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.

Ċentru Malti għar-Restawr — Protokoll Taljan

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw flus mill-aħħar protokoll Taljan liċ-Ċentru Malti għar-Restawr? Jista' jgħid ukoll dawn kif ser jintużaw?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li l-flus li ħa ċ-Ċentru Malti għar-restawr mill-aħħar protokoll kien jammonta għal Lm 424,266. Dawn il-fondi intużaw sabiex jinxtara apparat neċessarju sabiex iċ-Ċentru seta’ jiffunzjona.

Mużewijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn mużewijiet illum? Kemm huma tal-gvern u kemm huma tal-privat? X'tip huma u kemm żaruhom nies is-sena l-oħra u din is-sena?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qiegħed nagħti hawn taħt lista ta’ mużewijiet ibbażata skond id-definizzjoni tal-Mużew skond l-att ta’ 2002 dwar il-Patrimonju Kulturali u liema huma magħrufa mis-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali. Mużewijiet kkurati minn Patrimonju Malta Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, l-Belt Mużew Nazzjonali tal-Arti, l-Belt Mużew ta’ Għar Dalam Mużew tal-Etnografija, Palazz tal-Inkwiżitur, Birgu Mużew Marittimu, Birgu Mużew tal-Istorja Naturali, Mdina Mużew tal-Gwerra, l-Belt L-Armerija, l-Belt Villa Rumana, Rabat L-Armerija, Għawdex Mużew tal-Arkeoloġija, Għawdex Mużew tal-Folklor, Għawdex Mużew tax-Xjenzi naturali, Għawdex L-Mitħna ta’ Kola Għawdex Siti/ Mużewijiet oħra kkurati minn entitajiet jew fondazzjonijiet pubbliċi Palazz tal-Granmastru, l-Belt Valletta Mużew tat-Teatru Manoel Mużew tal-kon-Kattidral ta’ San Ġwann, l-Belt Mużewijiet privati Mużew ta’ Bir Mula, Bormla Mużew tal-Ġugarell, l-Belt Mużew tal-Ġugarell, Għawdex Norman House, Mdina Casa Rocca Piccola, l-Belt Mużew Marittimu, Nadur Limestone Heritage, Siġġiewi Mużew tal-Folklor, Għarb Mużew Marittimu ta’ Wickman, Xgħajra Mużew ta’ Karmni Grima, Għawdex Mużewijiet tal-Knisja Mużew tal-Kattidral, Mdina Mużew ta’ Wignacourt, Rabat Mużew tas-Santwarju, Zabbar Mużew tal-Kapuċċini, Furjana Mużew tas-Soċjeta Missjunarja ta’ San Pawl, Rabat Mużew tal-Kolleġġjata ta’ San Lawrenz, Birgu Mużew tal-Kattidral, Għawdex Mużew Aprrokkjali tan-Naxxar Siti oħra kkurati minn Patrimonju Malta Tempji tal-Ġgantija, Għawdex Tempji ta’ Ħaġar Qim Ipoġew ta’ Ħal Saflieni Tempji tal-Imnajdra Tempji ta’ Skorba Katakombi ta’ San Pawl, Rabat San Pawl Milqi Tempji ta’ Ħal Tarxien Banjijiet Rumani Ħabs taċ-Ċittadella, Għawdex Ta’ Haġrat Katakombi Tal-Mintna Sit Arkeoloġiku ta’ tas-Silġ Borġ in-Nadur Katakombi tas-Salina Qiegħed inpoġġi fuq il-medja tal-kamra statistika dwar l-attendenza ta’ nies fil-mużewijiet ta’ l-istat biss, għax ma għandna l-ebda statistika ta’ kemm nies iżuru mużewijiet privati, entitajiet pubbliċi u tal-Knisja.