Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tobba reġistrati mal-kunsill mediku ta' Malta li talbu certificate of compliance u certificate of good standing lill-kunsill mediku ta' Malta sabiex ikunu jistgħu jirreġistraw ruħhom f'kunsill mediku ieħor fl-Unjoni Ewropea?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu ta' din is-sena sal-lum kien hemm 84 talba.
Jista' il-Ministru jaġġorna mistoqsija parlamentari 12028 għall-ibliet u rħula segwenti: Dingli u Żebbuġ; separatament u Għawdex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' Anzjani fil-lokalitajiet mitluba li għandhom talba pendenti sabiex jiġu akkomodati fi djar ta' l-anzjani kien hekk:-
Dingli 9
Żebbuġ 20
Għawdex 3
Dawn it-talbiet jiġu milqugħa skond il-merti tagħhom, jiġifieri skond l-assessments mediċi u soċjali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-waiting list biex issirilhom operazzjoni, qasam b'qasam, fl-isptarijiet tal-gvern illum u kemm ilhom jistennew f'kull każ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex ma jistax isir appuntament għal żjara għand il-podologist fil-poliklinika tar-Rabat bit-telefon iżda l-persuna li titlob l-appuntament trid bilfors tmur hi stess fil-poliklinika biex tiffissa appuntament? Ma jaħsibx li dan huwa skariġġ għal min huwa anzjan u li ma jkunx jgħix ir-Rabat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li kien innutat li kien hemm ħafna każijiet ta' nuqqas ta' attendenza għall-appuntamenti mall-podoloġista fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat. B'hekk kien qed jittawal iż-żmien li wieħed jistenna għall-appuntament ġdid għalxejn. Sabiex il-pubbliku jinqeda b'aktar effiċjenza qed jiddaħħal sistema ta' appuntamenti miktuba fuq kartuna li jinżamm mill-pazjent għall-appuntamenti ta' follow-up, b'hekk il-pazjent ikollu data bil-miktub ta' meta jmisshom jattendu. Appuntamenti ġodda xorta jistgħu jsiru bit-telephone bħal ma kien isir is-soltu.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12234 u jgħid jekk il-parking tat-tobba u konsulenti fl-isptar San Luqa għadux f'idejn id-diviżjoni tas-saħħa inkella għaddiex f'idejn il-kunsill lokali ta' Tal-Pieta'? Jista' jispjega l-bidla li seħħet fis-sistema tal-parking ġewwa l-isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tad-Domanda numru 12234 tas-seduta numru 264.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11090, jista' il-Ministru jispeċifika kemm hawn laboratorji pubbliċi li jagħmlu testijiet jew riċerka ġenetika? X'tip ta' testijiet jew riċerka ġenetika jagħmlu dawn l-entitajiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-laboratorji pubbliċi li jagħmlu testijiet jew riċerka ġenetika ma jiġux liċenzjati mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11090, jista' il-Ministru jgħid jekk l-uniċi żewġ laboratorji liċenzjati biex jagħmlu testijiet jew reiċerka ġenetika humiex dawk biss imsemmija li ħarġitilhom liċenzja fl-2004? Eżattament kemm kien hawn laboratorji, sptarijiet jew kliniċi privati li matul is-snin inħarġitilhom liċenzja mid-dipartiment tas-saħħa biex jagħmlu testijiet ġenetiċi? Kemm minnhom għadhom joperaw?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq nikkonferma lill-Onor. Interpellant li l-uniċi żewġ laboratorji liċenzjati biex jagħmlu testijiet ġenetiċi huma dawk li ħarġitilhom liċenzja fl-2004. Nikkonferma wkoll li dawn l-istess laboratorji huma l-uniċi żewġ laboratorji li nħarġitilhom liċenzja mid-Dipartiment tas-Saħħa dawn l-aħħar snin u għadhom joperaw sal-lum.
Qasam tas-saħħa — Rapporti dwar imġieba abbużiva minn ħaddiema
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' imġieba abbużiva ta' impjegati fil-qasam tas-saħħa fuq pazjenti f'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? X'kien l-abbuż u l-grad ta' min allegatament wettqu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ma tinżammx statistika tan-numru ta' rapporti ta' imġieba abbużiva ħlief għal dawk li jwasslu għal passi dixxiplinarji jew jiġu riferuti lill-pulizija.
Mill-informazzjoni li għandi jidher li kien hemm żewġ każi ta' negliġenza minn Enrolled Nurses li meta ġew dixxiplinati ma nstabux ħatja.Kien hemm każ ta' fastidju sesswali minn Senior Physiotherapist li wara investigazzjoni mill-pulizija ma kienx hemm bażi għal azzjoni kriminali. Hemm każ ieħor ta' fastidju sesswali minn tabib li għadu qed jiġi nvestigat mill-pulizija.
Jista' il-Ministru jinvestiga jekk hux qed ikun hemm xi abbuż fil-ħruġ ta' pilloli mill-istess ħaddiema fl-ispiżerija ta' l-isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fl-Isptar San Luqa hemm żewġ spiżeriji- waħda ta' l-in-patient u l-oħra ta' l-out-patient.
Il-Management ta' l-Isptar jinvestiga u jieħu passi dwar kull każ ta' abbuż li jista' jkun hemm, kif ukoll, jagħmel spezzjonijiet għall-għarrieda sabiex jaqbad fil-fatt jew iservi ta' deterrant. Fir-rigward ta' l-ispiżerija, fil-passat ittieħdu miżuri sabiex tiġi żgurata s-sigurta' ta' l-ispiżerija ta' l-Isptar San Luqa. Dawn jinkludu:
1. Miżuri sabiex jingħalqu l-istores u l-ispiżeriji wara l-ħin. Fil-każ ta' l-ispiżerija ta' l-in-patients li tagħti servizz ta' 24 siegħa kuljum, ma jitħalla ebda aċċess għall-pubbliku.
2. Il-premises huma sorveljati kontinwament permezz ta' closed circuit TV cameras.
Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi informazzjoni speċifika, għandu jgħaddi din l-informazzjoni b'mod kunfidenzjali sabiex ikun jista' jiġi investigat mill-uffiċjali responsabbli ta' l-Isptar San Luqa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ma' tobba Maltin u barranin sar fl-aħħar 12-il xahar biex jaħdmu fis-servizz tas-saħħa Malta u Għawdex? Jista' ipoġġi dawn il-kuntratti fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li fl-aħħar 12-il xahar id-Diviżjoni tas-Saħħa iffirmat 4 kuntratti ma' tobba Maltin u 61 kuntratt ma tobba barranin. Qed inpoġġi kopji tal-kuntratti fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru angiograms u angioplastics f'l-isptar San Luqa f'dawn l-aħħar erba' xhur, xahar b'xahar? Liema konsulenti għamlu dawn l-interventi u kemm kull wieħed? Kemm kienu ilhom fuq il-waiting list il-pazjenti li fuqhom saru l-interventi? Jista' jassigura lill-Kamra li ma saru ebda priferenzi ma' ċerti pazjenti a skapitu ta' pazjenti li kienu fuq il-waiting list?
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilu l-inqas wieħed fuq il-waiting list u kemm kien ilu l-aktar wieħed li saru l-interventi fuqu? Kemm ilu fuq il-waiting list l-aktar wieħed u minn liema sena ilu fuq il-waiting list u x'numru huwa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ladarba tkun lesta.
Jista' il-Ministru jgħid minn mindu Malta saret membru fl-Unjoni Ewropea kemm tobba minn pajjiżi membri applikaw lill-kunsill mediku biex jaħdmu Malta? Ta' liema speċjalita' huma dawn it-tobba/speċjalisti? Kemm minnhom ingħataw permess biex jaħdmu u f'liema speċjalita'?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li minn mindu Malta saret membru ta' l-Unjoni Ewropeja l-Kunsill Mediku ipproċessa sebgħa u għoxrin (27) talba minn tobba/speċjalisti minn stati membri ta' l-istess Unjoni.
Minn dawn insibu sbatax (17) Franċiżi fl-ispeċjalita ta' plastic surgeons, tliet (3) tobba Ġermaniżi, tliet (3) tobba Taljani u wieħed (1) mill-Olanda. Il-Kunsill Mediku rċieva u pproċessa wkoll żewġ applikazzjonijiet f'isem żewġ tobba mir-Renju Unit li ġew irreġistrati għal perjodu ta' sentejn.
Il-Kunsill Mediku rċieva wkoll talba waħda u proċessaħa minn dentist Ġermaniż.
Għall-aħħar parti tad-domand nirreferi lill-Onor. Interpellant lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura sabiex persuna li għandha l-homehelp jiżdidulha s-sigħat tal-helper, u bejn wieħed u ieħor kemm iddum tali proċedura?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta ssir talba għal aktar siegħat fis-servizz tal-Home Help tintuża din il-proċedura:-
A) Il-klijent iressaq it-talba għal aktar siegħat mas-Supervisor ta' l-area tiegħu. Jintalab Rapport Mediku tal-klijent/klijenti. Is-supervisor tirreferi din it-talba flimkien mal-kummenti tagħha lill-Bord ta' Allokazzjoni.
B) F'ċerti każi fejn il-klijenti jkunu qegħdin jibbenefikaw minn numru sostanzjali ta' siegħat, barra li jittieħedu l-proċeduri hawn fuq imsemmija (A), isir ukoll Social Worker's re-assessment. Din il-proċedura tieħu bejn ħmistax u erbgħa ġimgħat.
Ċ) Meta t-talba ssir fuq bażi urġenti, din tiġi analiżżata u tittieħed deċiżjoni mmedjatament.
Possibbli ssir xi ħaġa biex anzjani li jmorru l-isptar San Luqa b'mod regolari u jkollhom bżonn it-trasport ta' l-isptar, jew għax neqsin mid-dawl inkella minħabba l-kundizzjoni fiżika tagħhom, ma jkollhomx għalfejn jibagħtu minn qabel ċertifikat mediku kull darba meta dawn imorru l-isptar bit-trasport b'mod regolari u meta jkun diġa' ċertifikat li l-kundizzjoni jew id-diżabilita' tagħhom hija waħda permanenti - eżempju anzjan ta' 70 sena li hu nieqes mid-dawl?
Response (DEGUARA, LOUIS)
It-talba ta' ċertifikat mediku minn qabel fir-rigward ta' talbiet għat-trasport għall-Isptar San Luqa kienet neċessarja sabiex jinqatgħu l-abbużi.
Għalhekk, inħasset il-ħtieġa li jintalab ċertifikat mediku sabiex jiġi żgurat li t-talbiet għat-trasport ikunu genwini.
Hemm bżonn ta' dan iċ-ċertifikat għall-attendenza l-ewwel darba biss għax wara l-ħtieġa għat-trasport tiġi determinata minn Nursing Officer fl-Outpatients.
Jista' il-Ministru jgħid jekk iċ-ċentru tas-saħħa ta' Raħal Ġdid hux se jsir f'xi post ieħor? Jista' jgħid fejn? X'se jsir fejn illum hemm dan iċ-ċentru tas-saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Għaddejjin diskussjonijiet rigward il-possibilita' li jinbena Ċentru tas-Saħħa ġdid ġewwa Raħal Ġdid, iżda sa issa ma hemm xejn konkluż.
Jista' il-Ministru jagħti breakdown tan-numru ta' anzjani mir-Rabat, Imtarfa, Imġarr u Mellieħa li għandhom talba pendenti sabiex jiġu akkomodati fi djar ta' l-anzjani?
Jista' jinformana meta se jiġu milqugħa dawn it-talbiet pendenti ta' l-anzjani?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' Anzjani fil-lokalitajiet indikati li għandhom talba pendenti sabiex jiġu akkomodati fi djar ta' l-anzjani kien hekk:
Rabat 119
Imtarfa 3
Imġarr 2
Mellieħa 10
Dawn it-talbiet jiġu milqugħa skond il-merti tagħhom jiġifieri skond l-assessments mediċi u soċjali, u skond il-postijiet vakanti.