Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #17764 Sitting 340 2000-07-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Borża ta' Malta — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar il-laqgħat u l-korrispondenza li għaddiet bejn l-istockbrokers Maltin u l-Borża ta' Malta dan l-aħħar dwar il-liberalizzazzjoni tas-settur?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jien infurmat li l-Kunsill tal-Borża qiegħed jistudja kif aġġorna l-Liġi dwar il-Borża, l-Istatut u l-Bye-laws skond il-ħtiġijiet kurrenti. Il-Kunsill diġa` approva ċerta emendi w l-partijiet interessati ġew mgħarrfa b`dawn it-tibdiliet qabel ma` ġew ippublikati. Fil-fatt il-Borża sejħet laqgħa għall-Brokers kollha, nhar l-Erbgħa 14 ta` Ġunju biex tinfurmhom dwar emendi approvati fl-Istatut u l-Bye-laws u Council Notice 1 li titratta dwar fees li kienu qiegħedin jiġu proposti b`effett immedjat u dwar affarijiet oħra li jolqtu lilhom bħal remote trading u listing. Dawn l-emendi qiegħdin isiru `l għaliex il-Kunsill iħoss li s-suq issa żviluppa tant li jippermetti iktar espansjoni. Il-Brokers dehru li oġġezzjonaw l-iktar għall-kriterji ġodda dwar liċenzjar ta` stockbrokers għalhiex dawn l-emendi sejrin jippermettu li Financial Services Organisation (FSO) li jkollhom stockbroking firm bħala sussidjarja u jkunu jistgħu jinnominaw impjegat biex japplika għall liċenzja ta` Broker kif ukoll oġġezzjonaw għall tibdil fil-commissions mir-rati fissi li jeżistu llum għal rati negozjabbli. In fatti l-istockbrokers kitbu liċ-Chairman tal-Borża biex joġġezzjonaw bil-miktub għal dawn iż-żewġ fatturi. Jien infurmat li l-ittra sa tiġi kkunsidrata mil-Kunsill fil-laqgħa li jmiss u l-kwistjoni tal-commissions li kellha tkun effettiva mill-1 ta` Lulju ġiet proposta ħalli l-Kunsill jkollu l-opportunita` jerġha jikkonsidrah.
Leg 9 PQ #17765 Sitting 340 2000-07-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Bank Ċentrali

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-Bank Ċentrali kemm ħa stocks tal-gvern dan l-aħħar mill-Lm44.4 miljun li ħadu l-istituzzjonijiet finanzjarji?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Bank Ċentrali ma tefax applikazzjoni għall-ebda stock tal-Gvern fl-aħħar ħarġa li saret sabiex ikun konsistenti mal-politika tiegħu li ma jipparteċipax fis-suq primarju ta` stocks tal-Gvern. Fil-fatt ir-Rapport Annwali tal-Bank għas-sena 1999 juri biċ-ċar li l-Bank lanqas kien applika għal stock tal-Gvern fil-ħarġa ta` qabel, jiġifieri dik li saret f`Novembru tal-1999. Barra minn hekk il-Bank Ċentrali lanqas qed jipparteċipa fis-suq primarju ta` bills tat-Teżor. B`hekk il-Bank mhuwiex qed jislef flus lill-Gvern. Dan hu konsistenti mal-politika tal-Gvern li jsaħħaħ l-indipendenza tal-Bank Ċentrali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja.
Leg 9 PQ #17630 Sitting 339 2000-07-07 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

Għoli tal-ħajja — Cheque tal-ħobż

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għadhom ma ħadux iċ-cheque tal-ħobż?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ħlasijiet dovuti kollha ħarġu. Għadd hemm madwar 350 ċekk li ġew irritornati lid-Dipartiment tat-Teżor. Dan ġara għaliex min kien intitulat għalihom bidel ir-residenza jew l-istat tiegħu jew xi raġunijiet oħra.
Leg 9 PQ #17682 Sitting 339 2000-07-07 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tal-Finanzi

Alfa Club Company

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Alfa Club Com. għandhiex liċenzja biex topera f'Malta? Jekk le, għandux il-ħsieb li fil-futur din il-kumpannija u oħrajn tingħata il-liċenzja?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jien infurmat illi `l-Alfa Club Com.` ma għandhiex liċenzja taħt il-liġijiet finanzjarji. Infatti, ma jidhirx li dan il-Club jwettaq xi attivita` li jeħtieġu liċenzja taħt dawn il-liġijiet. L-MFSC tikkonsidra l-ħruġ ta` liċenzji wara li jsirulha applikazzjonijiet minn min hu nteressat.
Leg 9 PQ #17540 Sitting 338 2000-07-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Malta Vocational College — Reklami

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew awtorizzati ħlasijiet għar-reklami li l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni għamel għar-reklutaġġ għal Malta Vocational College f'"The Times Higher Education Supplement"? Meta ntalbet din l-awtorizzazzjoni? Meta ngħatat?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m`għandi xejn x`inżid mar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari numru 17383.
Leg 9 PQ #17629 Sitting 336 2000-07-04 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Dħul

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħal flus il-gvern mill-VAT fuq il-petrol, diesel, u telephone din is-sena?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bejn l-1 ta` Jannar 2000 u l-15 ta` Ġunju 2000 ta` din is-sena, d-dħul tal-Gvern mill-VAT fuq il-provvista ta` `petrol` u `diesel` u servizzi ta` `telephone` kien ta` Lm3,062,442.60 u Lm1,937,760.97 rispettivament. Dawn l-ammonti jinkludi fihom VAT li tħallset fuq provvista ta` prodotti jew servizzi oħra li l-operaturi nvoluti normalment jagħmlu u li ma jidhrux separatament fid-denunzji tat-taxxa.
Leg 9 PQ #17630 Sitting 336 2000-07-04 Oral · Interim From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

Għoli tal-ħajja — Cheque tal-ħobż

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għadhom ma ħadux iċ-cheque tal-ħobż?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li risposta għall din il-mistoqsija ser tingħata f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #17467 Sitting 335 2000-07-04 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Valletta — Tax Compliance Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif intgħażlu l-premises temporanji tat-tax compliance unit f'Valletta Buildings, South Street, il-Belt? Kemm qed iħallas kera l-gvern għalihom?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-uffiċji temporanji li t-`Tax Compliance Unit` qiegħda tokkupa f`Valletta Buildings, South Street Valletta intgħażlu wara li l-Ministru talab għal dawn il-faċilitajiet li kienu ġew magħżula drabi oħra mill-Ministeru. Dawn l-uffiċji ser ikunu vakanti fl-10 ta` Lulju 2000. Il-`kera` li l-Ministeru ser ikun ħallas għal dan l-uffiċju hija ta` madwar Lm270 li tikkonsisti f`xogħolijiet li sar fl-istess uffiċju.
Leg 9 PQ #17567 Sitting 335 2000-07-04 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Finanzi

Għoli tal-Ħajja — Lm10 tal-ħobż

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-familja, li dettalji tagħha qed jidhru separatament, ser tirċievi ċ-cheque tal-ħobż dovut lilha?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, mill-investigazzjoni li għamel id-Dipartiment tat-Teżor, irriżulta li fil-15 ta` Frar ta` din is-sena inħareġ `Cheque` għall-valur ta` Lm40 indirizzat lill-familja msemmija bħala kumpens ta` Lm10 lil kull persuna kif kien imħabbarfl-aħħar Budget. Kien biss reċentament li sar magħruf illi, għal xi raġuni jew oħra, dan iċ-`cheque` baqa` ma wasalx fid-destinazzjoni tiegħu. Għaldaqstant id-Dipartiment ħa l-passi neċessarji sabiex inħareġ `Cheque` ġdid datat 30 ta` Ġunju 2000 għall-istess valur ta` Lm40 biex jieħu post iċ-`Cheque` oriġinali li kien baqa` ma ssarrafx.
Leg 9 PQ #17325 Sitting 332 2000-06-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Teżor — Ittra

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ittra mibgħuta liċ-Chief Salaries Officer tat-Teżor, fit-22 ta' Ġunju, 1998, minn persuna li isimha qed jintbagħat separatament, sal-lum għad m'hemmx risposta għaliha, minkejja l-fatt li l-Ombudsman ta istruzzjonijiet biex ikun hemm risposta għaliha sa' l-14 ta' Diċembru, 1999?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fuq l-istruzzjonijiet ta` l-`Ombudsman` tweġiba għall-ilment imsemmi nagħtat mid-Dipartiment fit-2 ta` Diċembru 1999. Bi żvista din it-tweġiba ma twasslitx ukoll lill-individwu konċernat, iżda dan ġie rrimedjat minnufih.
Leg 9 PQ #17383 Sitting 332 2000-06-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Edukazzjoni — Reklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ntalab permess biex jitħallsu l-ispejjeż ta' reklamar li għamel il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni f'ġurnal barrani biex jirrekluta prinċipal derigrate tal-Kulleġġ Vokazzjonali ġdid li se jibda jopera fis-sena skolastika li ġejja? Kemm kienu l-ispejjeż involuti? Meta ingħatat l-awtorizzazzjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fit-tħejjijiet għat-twaqqif tal-Kulleġġ il-ġdid, il-Ministru ta` l-Edukazzjoni li hu ċ-`Chairman tal-iSteering Committee` li qed jieħu ħsieb il-proġett informani f`April li għadda li ser ifittxu persuna adatta biex tmexxi l-Kulleġġ fil-fażi inizjali billi jirreklamaw kemm f`Malta kif ukoll barra. Eventwalment saret it-talba formali a` tenur tar-Regolamenti Finanzjarji. L-ittra waslet fil-Ministeru tal-Finanzi fit-13 ta` Ġunju 2000 u l-awtorizzazzjoni ingħatat fit-23 ta` Ġunju 2000. Diversi mir-reklami kienu diġa` bdew jidhru u oħrajn hu mistenni li jidhru f`dawn il-ġranet. L-ispiża hu mistenni li tkun taħt it-Lm19,000.
Leg 9 PQ #17387 Sitting 332 2000-06-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Malta Government Stocks — Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet it-tweġiba tal-pubbliku għall-ħruġ riċenti ta' Malta Government Stocks (rolled over) li għalqu nhar il-05/06/00? Kemm ġew subscribed mill-: Lm10m - 5.6% - 2007 (3rd issue) Lm18.5m - 5.75% - 2010 (2nd issue) Lm30m - 6.1% - 2015 (1st issue) Kemm minn kull wieħed minn dawn l-istocks ġie subscribed mill-pubbliku in ġenerali u mill-istituzzjonijiet finanzjarji?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba mill-pubbliku għall-ħruġ riċenti ta` `Malta Government Stocks` li għalqu nhar il-5 ta` Ġunju 2000 kienet f`total ta` Lm14.09 maqsuma kif ġej: Lm10 miljuni - 5.6% -2007 (3rd Issue) -Lm2,286,800 Lm18.5 miljuni - 5.75% -2010 (2nd Issue) -Lm1,246,000 Lm30 miljun - 6.1% -2015 (1st Issue) -Lm10,557,700. Ta` min jgħid li dawn l-istokks issosstitwew oħrajn li għalqu u li fiha l-investiment tal-pubbliku kien ta` Lm10.47 miljuni. Id-differenza fuq il-kumplament ta` l-`istocks` ittieħdu mill-istituzzjonijiet finanzjarji.
Leg 9 PQ #17466 Sitting 332 2000-06-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Tax Compliance Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw nies biex jissieħbu mat-tax compliance unit? Jista' jagħti breakdown skond il-postijiet vakanti li ġew irriklamati? Kemm minnhom ġejjin mis-settur privat u kemm minnhom mis-settur pubbliku/parastatali?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-sejħa għall-applikazzjonijiet għad-diversi postijiet vakanti fit-`tax compliance unit` li ġew irriklamati, għalqet illum (il-Ġimgħa 30 ta` Ġunju 2000) f`nofs in-nhar u għalhekk mhinix f`pożizzjoni li ngħati nformazzjoni.
Leg 9 PQ #17467 Sitting 332 2000-06-30 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Valletta — Tax Compliance Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif intgħażlu l-premises temporanji tat-tax compliance unit f'Valletta Buildings, South Street, il-Belt? Kemm qed iħallas kera l-gvern għalihom?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li risposta għall din il-mistoqsija ser tingħata f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #17468 Sitting 332 2000-06-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Tax Compliance Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li t-tax compliance unit sejra tieħu sular tal-kumpless Millennia li hemm fil-Marsa? Jekk iva, kif saret din l-għażla u kemm se tħallas il-unit għal dan?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li huwa minnu li t-`Tax Compliance Unit` ħadet sular fil-kumpless Millenia, fi Triq Aldo Moro, Marsa. Dan sar wara sejħa għall-offerti maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti (No. C.T. 156\2000). Il-prezz huwa ta` Lm45,000 l-ewwel sena, li jiżdied b`1% kull sena għad-disa` snin ta` wara.
Leg 9 PQ #17499 Sitting 332 2000-06-30 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxa — Assessments

Question

Jista' l-Minsitru jikkonferma li hemm persuni li ilhom ma jirċievu assessment tat-taxxa mill-1993? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin jistennew refund tat-taxxa? Kemm jammontaw?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sfortunatament għad fadal numru ta` `assessements` għas-snin passati, inkluż dawk għas-sena ta` stima 1993 li għadhom qed jiġu pproċessati. Fil-preżent id-dipartiment għandu jagħti Lm12,051,680 f`refunds lill 40,439 persuna.
Leg 9 PQ #17191 Sitting 328 2000-06-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni u kumpanniji li għandhom numru tal-VAT? Kemm minn dawn il-persuni u kumpanniji għandhom xi forma ta' objection dwar il-VAT li qed jiġu mitluba jħallsu mid-dipartiment? Kemm fil-fatt skond id-dipartiment għandhom iħallsu f'ċifra ta' flus globali lil VAT Dipartiment dawn il-persuni u kumpanniji li qed jikkontestaw l-oġġezzjonijiet tagħhom?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sat-22 ta` Ġunju 2000, kien hemm 51,481 persuni attivi reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT għall-fini ta` l-Att ta` l-1998 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud. Minn dawn hemm 1,371 persuni li għandhom appell quddiem il-Bordijiet ta` l-Appelli dwar taxxa li qed jiġu mitluba jħallsu mid-Dipartiment. L-ammont globali ta` flus li skond id-Dipartiment dawn il-persuni għandhom iħallsu huwa ta` Lm8,970,117.
Leg 9 PQ #17192 Sitting 328 2000-06-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi Interni — Reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' kumpanniji privati reġistrati mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Kemm minn dawn il-kumpanniji għandhom xi forma ta' oġġezzjoni mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni dwar pagament ta' taxxi dovuti? Kemm fil-fatt huwa l-ammont ta' taxxi f'ċifra ta' flus li skond id-dipartiment għandhom iħallsu lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni għandu 25,705 kumpaniji privati rreġistrati miegħu. B`kollox hemm 4,008 kumpaniji minn dawn li għandhom xi forma ta` oġġezzjoni mad-Dipartiment dwar pagamenti ta` taxxi dovuti.
Leg 9 PQ #17354 Sitting 328 2000-06-27 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru tal-Finanzi

Finanzi — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-avukati, għaqdiet ta' avukati jew konsulenti legali li taw jew qegħdin jagħtu servizz lil dipartimenti, awtoritajiet jew korpi/entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu, f'xogħol relatat ma' monitoring, screening, addozzjoni, kompatabilita' eċċ ta' liġijiet, direttivi, deċiżjonijiet, regoli, eċċ ta' l-Unjoni Ewropea u li taw dan is-servizz minn Jannar 1999 sal-lum? X'tip ta' servizz ingħata f'kull każ? X'kienet in-nefqa jew ħlas li ngħata u li qiegħed jingħata f'kull każ? Jekk ħarġet sejħa, min kienu l-applikanti? Min jew liema bord ta' għażla jew xorta oħra għażel din il-konsulenza u abbażi ta' liema kriterji u kundizzjonijiet intgħażlet?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li risposta għall din il-mistoqsija ser tingħata f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #17341 Sitting 326 2000-06-26 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi Interni — Refund

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - jingħata lura s-somma ta' Lm976 lilu dovuta mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni peress li għandu bżonn dawn il-flus għal raġunijiet umanitarji u personali?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma naħsibx li għandi nagħti nformazzjoni konfidenzjali. Jekk l-Onorevoli Interpellant ikun awtorizzat mit-`taxpayer` allura r-risposta tingħata lilu privatament.