Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kien il-bejgħ tad-djar, appartamenti, djar antiki, maisonettes, eċċ li separatament f'Malta u f'Għawdex ġew reġistrati fir-reġistru pubbliku matul sena l-2000?
Kemm minnhom kienu mibjugħa mill-Awtorita' tad-Djar, kemm mill-privat?
Jista' l-Ministru jinfurmani bl-istess informazzjoni għas-sena 1999 u 1998?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jagħti lista sħiħa ta' l-artijiet li jinsabu fl-iskema u mhux żviluppati li jinsabu f'Marsascala li għandu l-Joint Office?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-artijiet f`Marsascala amministrati mill-Uffiċċju Konġunt li jinsabu fl-iskema iżda li għadhom m`humiex żviluppati huma kif jidher hawn taħt:-
Taż-Żlielaq - 18,500m²
Klawsura taċ-Ċaċċara kontrada ta` Bidni - 21,890m²
Klawsura taċ-Ċaċċara kontrada ta` Bidni Part 2 - 10,500m²
Ta` Gedwet ir-Riħ - 12,730m²
Klawsura taċ-Ċaċċara - 2,889m²
Jista' l-Ministru jagħti lista sħiħa ta' l-artijiet li jinsabu fl-iskema u mhux żviluppati li jinsabu f'Marsascala li għandu d-dipartiment ta' l-artijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mir-records li jinsabu fid-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta` jidher illi l-Gvern għandu biċtejn art żgħar fit-Triq tal-Gardiel, Marsascala, li għadhom mhux żviluppati u qegħdin fiż-żona ta` żvilupp.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi tal-pulizija miżmumin fil-garage jistennew it-tiswija? Jista' l-Ministru jgħid għal kull vettura x' tip ta' ħsara għandha? Jista' jgħid għal kull vettura meta daħlet fil-garage?
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 22908 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe': jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix statistika ta' persuni Franċiżi miżżewġin Maltin? Jekk iva, liema snin għandna l-istatistika dwarhom u x'inhu n-numru tagħhom sena b'sena sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni (li tkopri Malta u Għawdex) mitluba mill-Onor. Interpellanti, li l-istatistika dwarha bdiet tinżamm mill-1995, hija kif tidher fit-tabella hawn taħt:
Sena
Irġiel Franċiżi ma`
nisa Maltin
Nisa Franċiżi ma`
rġiel Maltin
1995
0
0
1996
2
2
1997
2
4
1998
0
3
1999
1
3
2000
0
4
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet minħabba kontravenzjonijiet tat-traffiku fil-Floriana mindu daħlet is-sistema tal-gwardjani lokali f'pajjiżna, iżda mhux fil-Floriana?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn mindu daħlet is-sistema tal-gwardjani lokali, ċioe` mill-25 ta` Frar 2000 sal-24 ta` Jannar 2001, ingħataw 3,400 ċitazzjoni mill-Pulizija għal kontravenzjonijiet fil-Furjana.
Billi jien infurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar mhux qed toħroġ permessi għal entitajiet kummerċjali f'Wied il-Għajn minħabba nuqqas ta' parking space, jista' l-Ministru jgħid hux għaddejjin xi preparamenti biex f'Wied il-Għajn issir car park?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar qed tagħmel studju biex f`Wied il-Għajn tiġi ntrodotta l-iskema tal-Commuted Parking Payment Scheme, fejn l-iżviluppatur iħallas somma flus meta ma jkunx jista` jipprovdi parkeġġ fis-sit ta` l-iżvilupp. Din l-iskema diġa` qed topera f`lokalitajiet oħra. Madankollu, f`Wied il-Għajn għadu ma nstabx sit adattat fejn jista` jsir parkeġġ pubbliku li jinbena mill-flus li jinġabru minn din l-iskema.
B'riferenza għall-applikazzjoni ECF 556/00 għal ftuħ ta' ħanut tal-ħelu PA5003/99 f'41 Annunciation Street, Ħamrun, minflok stabiliment ta' natura differenti, in vista ta' l-oġġezzjonijet li saru minn residenti fiz-zona imsemmija u ċ-ċaħda ta' permess għal dik il-bidla, jista' l-Ministru, jekk jogħġbu, jinformana x'inhi l-pożizzjoni fuq din il-materja u jassigura li x-xewqat tar-residenti jingħataw kull konsiderazzjoni xierqa?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` huwa nfurmat l-Onorevoli Interpellant, l-applikazzjoni PA 5003/99 għall-bdil ta` użu għal confectionery diġa` ġiet rifjutata fis-6 ta` Marzu 2000. L-applikant iżda, għażel li jappella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bord ta` l-Appell skond il-poteri li ttih il-liġi.
Il-proċedura segwita mill-Bord hija li jinnotifika lil min oġġezzjona bil-miktub dwar l-istess applikazzjoni, u l-istess persuni jkunu jistgħu jattendu għas-smiegħ tal-każ quddiem l-istess Bord.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu talbu spejjeż marbutin mal-kuntratti nfushom, il-clubs u l-għaqdiet li ffirmaw il-kuntratti tar-riżoluzzjoni li għaddiet mill-Parlament fl-1997? Jista' jagħti l-figuri b'mod separat għal kull kuntratt li ġie ffirmat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kuntratti mal-clubs u l-għaqdiet li saru skond ir-riżoluzzjoni li għaddiet mill-Parlament fl-1997 ma ġewx ippublikati minn Nutar tad-Dipartiment ta` l-Artijiet u għaldaqstant ma nistax ngħid kemm kienu talbu spejjeż marbutin mal-kuntratti nfushom.
Jista' l-Ministru jgħid art li fil-preżent hi tal-knisja, li tinsab fl-inħawi ta' Triq is-Salvja f'Marsascala u li hemm bini mibni fuqha, meta hu maħsub li ser tgħaddi f'idejn il-Gvern sabiex eventwalment persuni li jgħixu f'dawn id-djar u ħallsu l-eluf tal-liri sa fl-aħħar id-dar issir tagħhom
Response (BORG, TONIO)
Sabiex l-Uffiċċju Konġunt ikun jista` jivverifika jekk l-art għaddietx għand il-gvern, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jkun aktar speċifiku dwar il-proprjeta` li qed jirreferi għaliha eż. pjanta ta` l-art.
Peress li fl-inħawi ta' Ta Qali u partijiet fil-Mosta qed jittajru ajruplani tal-model aircraft li għandhom ħsejjes ta' livelli għoljin ħafna aktar minn oħrajn li ilhom jittajru snin f'dawn fl-inħawi, jista' l-Ministru jinvestiga dan l-abbuż sabiex tiġi regolata s-sitwazzjoni ħalli ma jkomplix jinħoloq aktar inkonvenjent għar-residenti tal-madwar?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għal nofs Diċembru li għadda, il-Pulizija kienet diġa` ħadet il-passi meħtieġa u d-diriġenti tal-Malta Model Aircraft Flying Association ġew avżati sabiex ma jippersistix l-inkonvenjent lir-residenti tal-viċinanzi. Infurmat ukoll illi minn naħa tagħha, l-Assoċjazzjoni għarrfet lill-Pulizija li kienet qedha tagħmel kontroll fuq il-membri tagħha, kemm sabiex ma jkunx hemm titjir ta` dawn il-mudelli qabel it-8.30am kif ukoll dwar il-ħsejjes li dawn jagħmlu. Minn dakinhar l`hawn il-Pulizija ma rċevietx aktar ilmenti.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' l-overtime li ngħata fid-dipartiment ta' l-artijiet is-sena li għaddiet?
Jista' jagħti lista ta' l-impjegati kollha li ħadmu l-overtime? Meta sar dan l-overtime u kemm sigħat saru minn kull persuna u l-ħlasijiet li saru?
X'xogħol għamlu dawn il-persuni meta qagħdu overtime?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif jidher fit-Tabella li qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk isirux spot checks fuq persuni barranin mill-pulizija biex jiġi assigurat li dawn qegħdin fil-pajjiż b'mod regolari u skond il-liġijiet u regolamenti tal-pajjiż? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid:
(1) Kemm saru minn dawn l-i
spot checks
f'dawn l-aħħar tliet snin, sena sena;
(2) ta' liema nazzjonalita' kienu dawk li saru l-ispot checks fuqhom;
(3) kemm irriżulta minn dawn l-ispot checks li kien hawn persuni barranin f'pajjiżna mhux b'mod regolari;
(4) X'passi ttieħdu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel spot checks fuq barranin ta` diversi nazzjonalitajiet sabiex ikun stabbilit jekk dawn ikunux fi gżiritna skond il-liġi. Għalkemm ma` tinżammx statistika ta` kemm isiru minn dawn l-spot checks, jista` jingħad illi l-maġġoranza tal-każi ta` barranin imressqa l-Qorti fuq ksur tal-provvedimenti tal-liġi ta` l-immigrazzjoni, kienu riżultat ta` dan it-tip ta` spot checks. Matul dawn l-aħħar tlett snin dawn kienu: 1998 - 463; 1999 - 616 u 2000 - 531.
Jista' l-Ministru in vista tad-domanda parlamentari nru. 19719 u dik sussegwenti jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba kienx hemm progress fil-file nru. L58/62/48 għar-rilaxx ta' l-art imsemmija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Universita` għadha ma tat l-ebda tweġiba lid-Dipartiment ta` l-Artijiet dwar dan il-każ.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm għad hemm fortizzi li jinsabu preżentement f'idejn il-privat u jistax jiġi indikat taħt liema titolu legali qiegħed jiġi miżmum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Fortizzi f`Malta u Għawdex li fil-preżent jinsabu f`idejn il-privat u t-titolu legali li taħtu qed jiġu miżmuma huma dawk murija fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi mill-pulizija dwar rapporti ta' prostituzzjoni, kummerċ ta' drogi barra l-iskola sekondarja San Ġużepp Ħaddiem fil-Marsa u fil-bini li jmiss ma' din l-iskola?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qegħdha u ser tibqa` tagħmel ronda fl-inħawi msemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Fis-snin 1973 u1974, jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw beach concessions f'Malta u f'Għawdex? F'liema lokalitajiet? B'liema kundizzjonijiet? Fost dawn il-beach concessions kien hemm każi fejn kellhom bidla fil-kundizzjonijiet oriġinali?
Għal liema raġuni? Kif inbidlu l-kundizzjonijiet? Hemm xi talba pendenti għal bdil fil-kundizzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fis-snin 1973 u 1974 id-Dipartiment tal-Artijiet ma ta l-ebda permess ta` beach concession la f`Malta u l-anqas f`Għawdex.