Legislature:
Category:
Reset
Active:

ETC — Persuni jaħdmu bla permess

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm persuni nqabdu jaħdmu bla permess din is-sena? Kemm minnhom kienu qed jirreġistraw għax-xogħol? Kemm kienu Maltin u kemm kienu barranin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn Jannar sa Lulju ta’ din is-sena, is-sezzjoni tal-Law Compliance tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħrig għamlet 2,985 spezzjoniet fejn intervistaw 4,820 persuna. Minn dawn, 1,254 persuna (1,173 Maltin, 81 Barranin) instabu jaħdmu mingħajr ma kienu ddikjaraw dak ix-xogħol, mal-Korporazzjoni. Il-persuni barranin li nstabu jaħdmu mingħajr permess kienu 81 - 7 mill-U.E. u 74 minn pajjizi barra mill-U.E. Informat ukoll li mill-ħaddiema Maltin li nstabu jaħdmu mingħajr ma nfurmaw lill-Korporazzjoni, 123 kienu qed jirregistraw għax-xogħol.

Skejjel — Xogħlijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19509, jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex f'pożizzjoni li jagħti din l-informazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tagħrif dwar diversi xogħolijiet li saru fil-vaganzi tas-sajf fl-iskejjel ta' l-istat. Il-lista ma tinkludix xogħolijiet oħra bħal tqiegħed ta' membrane, żebgħa, diversi 'Technology Work Shops' u 'Refurbishment' ta' diversi faċilitajiet sanitarji fl-iskejjel sekondarji li kienu responsabbli għalihom it-Taqsima tas-Servizzi Tekniċi tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.

Assistent kap ta' skola

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20356, jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jintemmu dawn id-diskussjonijiet minħabba li kif jaf tajjeb l-istess Ministru, dawn ilhom għaddejjin mhux ħażin?

Response (GALEA, LOUIS)

Id-diskussjonijiet dwar din il-materja mal-Unions jinsabu fi stadju avvanzat.

Każ dwar facilitator

Question

Jista' il-Ministru jara li jingħata facilitator tifel li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-applikazzjoni tal-ġenitur/i biex it-tifel jidher quddiem l-iStatementing Moderating Panel daħlet f'Ġunju ta' l-2005. Dan il-Panel jiddeċiedi l-bzonnijiet individwali ta' kull tifel jew tifla skond rapporti psikoloġiċi u mediċi. Madankollu għalkemm it-tifel qed jiġi segwit miċ-Child Development and Assessment Unit (CDAU) fl-Isptar San Luqa, sal-lum dan il-Panel għadu ma rċeviex ir-rapport obbligatorju mingħand psikologu li jissejjaħ Psychological Assessment Report u/jew rapport mediku. Għaldaqstant l-applikazzjoni biex jiġi kkunsidrat mill-Panel x'tip ta' għajnuna għandu bżonn it-tifel, għadha pendenti.

Studenti Universitarji

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li f'dan l-aħħar żmien qed jiġi mitlub mill-istudenti universitarji li jiktbu isimhom u dettalji oħra wkoll u mhux biss l-index number kif kien isir qabel? X'inhi r-raġuni għal din il-prattika ġdida li mid-dehra daħlet dan l-aħħar, jekk mhux ukoll matul is-sena li għaddiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-eżamijiet formali għadha tintuża s-sistema ta' 'blind marking', jiġifieri li l-eżaminatur ma jkunx jaf il-karta ta' liema student hi. Dan japplika wkoll meta l-istudent ikun mitlub jikteb ismu u/jew l-I.D. tiegħu peress li dik il-parti tal-karta tkun maqtugħa wara li tingħata 'office number' li jkun miżmum biss mill-amministrazzjoni. Dan l-office number la jkun magħruf mill-istudenti u lanqas mill-eżaminatur.

Telecommunications and Electronics Engineering Course

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jingħata ċ-ċertifikat tal-kors offrut fl-MCAST minn Ottubru 2000 sa Ġunju 2005, Telecommunications and Electronics Engineering Course?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan il-kors kien iwassal għall-Advanced City and Guilds Diploma fit-Telecommunication and Electronics Engineering u studenti li spiċċaw il-kors b'suċċess intbgħatilhom ċertifikat mis-City and Guilds. L-MCAST ippublika traskritt tar-riżultati ta' l-eżamijiet finali li saru fl-Istitut u dawn inġabru mill-istudenti kollha. Informat ukoll li l-kors imsemmi kien mitmum mis-City and Guilds f'Ġunju 2005 u bħala konċessjoni speċjali fuq talba ta' l-MCAST ġiet ippreparata sessjoni supplimentari finali oħra għall-istudenti.

ETC

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inqatgħu nies minn fuq l-ewwel parti tar-reġistru s-sena l-oħra u għaliex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-2005 inqatgħu 2,267 persuna minn fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru. Mill-2,267 persuna, 323 persuna nqabdu jaħdmu u jirreġistraw, 1,440 persuna rrifjutaw opportunita' ta' xogħol filwaqt li 504 persuna rrifjutaw opportunita' ta' taħriġ.

Skejjel ta' l-Istat

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra statistika dwar in-nefqa li saret mill-2002 sa l-2005 f'kull skola primarja tal-gvern f'Malta fejn jidħol maintenance, materials & supplies, equipment, refurbishment programme u construction? Jista' jagħti din l-informazzjoni separatament għal kull skola u għal kull sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li n-nefqa fuq l-iskejjel primarji tal-Gvern f'Malta għas-snin imsemmija fil-Mistoqsija sal-31 ta' Marzu, 2006, tammonta għal Lm 5,881,436. Breakdown kif mitlub mill-Onor. Membru jirrikjedi ħafna xogħol u żmien.

Skejjel sekondarji — Assenteiżmu

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi rapport ieħor dwar l-assenteiżmu fl-iskejjel sekondarji tal-gvern wara dak li kien sar għall-1997/98 mill-Education Welfare Section? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi kopja tagħhom fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

Wara r-rapport li sar fl-1997/98 mill-Education Welfare Section dwar l-assenteiżmu, f'Ottubru 2005 ħareġ ir-rapport 'School Attendance Improvement' li diġa' ġie ppublikat.

Skejjel — Kapijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huma l-iskejjel li fil-preżent huma mingħajr kap ta' l-iskola? Jista' jagħti l-ismijiet ta' l-iskejjel u jgħid kemm ilhom mingħajr kap?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-bidu ta' din is-sena skolastika (2006 - 2007), l-iskejjel kollha f'Malta u f'Għawdex għandhom min imexxihom bħala Kap. L-iskejjel kollha f'Malta u f'Għawdex għandhom Kap, ħlief tlett skejjel f'Malta u erbgħa skejjel f'Għawdex fejn hemm Aġent Kap li qed jieħu r-responsabbilta' għat-tmexxija ta' l-iskola. Dawn l-iskejjel huma Rabat 'B', Lorenzo Gafa' u Ġuze Galea f'Malta, San Lawrenz, Xagħra, Xewkija u Zebbuġ f'Għawdex. Fil-kaz ta' l-iskejjel f'Għawdex l-applikazzjoni għas-sejħa ta' kapijiet ħarġet u għalqet, u l-applikanti eleġibbli qed jiġu intervistati.

Eżami tal-junior lyceum

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-aħħar ħames rapporti dwar il-junior lyceum exam li saru mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni wara kull sessjoni ta' eżamijiet li saru hekk kif ġew ippubblikati r-riżultati?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser ngħaddi kopja tar-rapporti ta' l-eżami tal-Junior Lyceum mis-sena 2001 sa l-2005 lill-Onor. Interpellant. Ir-rapport ta' l-2006 se jkun lest f'Settembru li ġej.

APS Bank — skema ta' self

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn meta daħlet fis-seħħ l-iskema ta' self ma' l-APS Bank sal-lum, kemm tħallsu lura lill-istess bank bħala parti mill-ftehim eżistenti? Kemm ġew mehuda flus s'issa mill-istess ftehim sabiex jintużaw għal xogħlijiet meħtieġa fl-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Kulleġġi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kulleġġi oħra se jiġu mwaqqfa? Meta se jsir dan u xi kriterji se jintużaw biex jinġabru skejjel flimkien?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa għaddej eżerċizzju biex jiġu komposti l-Kulleġġi li se jibdew joperaw f’Settembru li ġej. Diversi kriterji se jintużaw fosthom iż-żona ġeografika, bżonnijiet edukattivi ta’ l-iskejjel konċernati, karatteristiċi partikolari ta’ l-iskejjel u anke karatteristiċi kulturali u soċjali.