Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — membri ta' bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-membri kollha tal-bordijiet fl-entitajiet, korporazzjonijiet, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji eċċ. li jaqgħu taħtu, bejn l-1999 u l-2012, sena b’sena, b’mod separat? Jista’ jgħid x’kien il-pakkett ta’ remunerazzjoni u benefiċċji oħra li kellhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ18684 2MAR - PAPERS LAID GHRC.xlsPQ18684 2MAR - PAPERS LAID TRANSPORT MALTA.xls
Jista’ l-Ministru jgħid kemm idum (kemm iridu jgħaddu ġranet) biex wieħed jirċievi replacement card ta’ tallinja card l-oriġinali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni pprovduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, iż-żmien ta' stennija sabiex wieħed jirċievi replacement card huwa ta' bejn wieħed u ieħor ġimgħatejn.
Jista’ l-Ministru jispjega x’inhu l-proċess biex il-credit illi wieħed ikollu fuq tallinja card li tiġi replaced, għax ma tibqax tiffunzjona, jgħaddi għal fuq ir-replacement card? Jista’ jgħid kemm idum biex il-credit minn fuq il-card oriġinali jgħaddi għal fuq ir-replacement card?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni pprovduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, il-kreditu li wieħed ikollu fuq il-card li ma tibqax tiffunzjona jiġi trasferit mill-ewwel fuq il-card il-ġdida li tkun ġiet maħruġa bħala replacement card.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il xufier barrani hemm jaħdmu mal-Malta Public Transport, kemm full-time, kemm part-time, kemm self-employed jew tramite kuntrattur, fid-data illi fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni tirrigwarda l-operat kummerċjali ta’ entità privata u għaldaqstant ma tistax tingħata.
Grand Harbour Regeneration Corporation – Chairman — safar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-ispiża fuq safar taċ-Chairman tal-Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC), ta’ Transport Malta, tal-Awtorità dwar it-Trasport u tal-Awtorita Marittima bejn l-2004 u l-2013, sena b’sena b’mod rispettiv, id-destinazzjoni ta’ kull safra u x’kien l-iskop ta’ kull safra ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ23572 2MAR PAPERS LAID GHRC.xlsPQ23572 2MAR PAPERS LAID TM.doc
Jista’ l-Ministru jikkonferma li impjegat tal-Malta Public Transport, permezz ta’ website partikolari, qed jikteb ċerti kummenti li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jagħmel ħsara lill-operat tat-trasport pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-operatur għandu l-obbligu li kull fejn jara lok ta’ abbuż, jieħu l-passi meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jara li tiżdied il-frekwenza tal-karozza numru 73, speċjalment fil-peak hours, peress li qed timtela mill-ewwel u għalhekk qed jibqgħu l-passiġġieri l-art?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bit-tibdil li sar fin-network nhar l-20 ta’ Diċembru 2015, ir-rotta 73 żdiditilha l-frekwenza minn kull 30 minuta għal kull 20 minuta tul il-ġurnata kollha.
Dan juri li l-frekwenza fuq din ir-rotta żdiedet u mhux naqqset. Dan iwaqqa’ l-argument tal-Oppożizzjoni li trid tmur lura għas-servizz kif kien qabel, fi żmien l-Arrival.
Karozza tal-linja Numru 117 – Żurrieq sa Sptar Mater Dei
Question
Jista’ l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li jekk passiġġier jirkeb il-karozza tal-linja Numru 117 miż-Żurrieq biex imur l-Isptar Mater Dei, qed idum kważi sagħtejn biex jasal?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-20 ta’ Diċembru 2015, ir-rotta 117 ġiet estiża sabiex tibda sservi l-Isptar San Luqa. Din l-estensjoni waslet sabiex żdiet il-ħin tal-vjaġġ lejn l-Isptar Mater Dei. Wara li saret analiżi tan-numru ta’ passiġġieri li għamlu użu minn dan is-servizz, mill-inħawi tal-isptar San Luqa, irriżulta li l-patrunaġġ kien baxx ħafna. Għaldaqstant, ittieħdet id-deċiżjoni li din il-parti tar-rotta titneħħa u b’hekk jitnaqqas il-ħin tat-traġitt. Dan ser iseħħ fis-6 ta’ Marzu 2016.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ikkunsmat fuel, il-Malta Public Transport matul l-aħħar 6 xhur tal-2015?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni tirrigwarda l-operat kummerċjali ta’ entita’ privata u għaldaqstant ma tistax tingħata.
Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet riċenti tal-Onor. Interpellant fuq xiri ta’ fuel, ninfurmaha li bħal ma għamel l-operatur ta’ qabel, din l-kumpanija għandha dritt tinnegozja l-aqwa prezzijiet ma’ dawk li jfornuha bid-diżil. Għandha flotta ta’ 360 karozza tal-linja u topera 30 miljun kilometru fis-sena – dawn jagħmluha waħda mill-akbar konsumaturi tad-diżil u għalhekk, huwa normali li tixtri minn fejn jaqblilha l-aktar.
Huwa tajjeb li wieħed jitlob l-informazzjoni u dan biex l-affarijiet isiru sewwa, però mhux sew li jitqanqlu kerti dubji li jkunu saru xi abbużi għas-sempliċi raġuni għax ikun hemm xi ħadd li ma hax il-kuntratt.
Tallinja card – skema pay €10 and get €10 for free
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq l-iskema introdotta fuq tallinja card ta “pay €10 and get €10 for free”?
Response (MIZZI, JOE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22053, ninfurmaha wkoll li tali ammonti tħallsu minn fondi tal-Unjoni Ewropea bħala parti mill-proġett Modus. Dawn l-istess fondi ġew allokati għal dawn l-iskemi wara li ma ġewx utilizzati kollha fuq komponenti oħra tal-istess proġett.
L-għan ta’ dawn l-iskemi kien sabiex jinċentivaw il-pubbliku jesperjenza l-benefiċċji ta’ mezzi alternattivi tat-trasport, f’dan il-każ it-trasport pubbliku, fl-isfond tal-proġett Modus li l-iskop ewlieni tiegħu hu li jippromwovi u jinkoraġġixxi modal shift f’dak li jirrigwarda trasport fuq l-art.
Minkejja l-kampanja negattiva tal-Oppożizzjoni, l-għan prinċipali tal-card huwa biex jinħela anqas ħin sabiex jitgħabbew il-passiġġieri u għaldaqstant jonqos ukoll il-ħin tat-traġitt, b’riżultat ta’ inqas emmissjonijiet fl-arja li jwasslu għal anqas tniġġiż. Apparti minn hekk, hemm nollijiet inqas għal min juża l-card ikkumparat ma’ min jixtri biljett sabiex jivjaġġa. Permezz tal-istess card, jeżisti wkoll capping għal kategoriji differenti ta’ passiġġieri, li jfisser li min jivjaġġa l-aktar ma jonfoqx iktar minn ammont stabbilit. Nista’ ngħid li sal-lum hemm ‘l fuq minn 223,000 li huma abbonati f’ din l-iskema, kif ukoll hemm ‘l fuq minn 160,000 li jużaw il-tallinja card.
Peress illi wasluli diversi ilmenti minn persuni illi ppruvaw jagħmlu kuntatt mal-customer care fuq in-numru 21222000 wara d-9pm u ma qabdux, jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu illi l-customer care contact number illi fuqu jċemplu n-nies meta jkollhom bżonn għajnuna u informazzjoni dwar it-trasport pubbliku m’għadux mit-Tnejn sal-Ħadd mis-7am sal-11pm, iżda issa sar mit-Tnejn sal-Ħadd mis-7am sas-7pm ? Jekk iva, minn meta ddaħlet fis-seħħ din id-deċiżjoni u għaliex ġie deċiż illi jitnaqqas dan is-servizz ta’ customer care? U jista’ jgħid x’għandhom jagħmlu n-nies meta jkollhom bżonn jagħmlu kuntatt bejn id-9pm u l-11pm?
Response (MIZZI, JOE)
Nibda billi ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Call Centre tal-operatur tat-trasport pubbliku ma’ kienx jopera sal-11:00 iżda sad-09:00 ta’ filgħaxija.
Kontrattwalment, l-operatur tat-trasport pubbliku huwa obbligat li jopera l-Call Centre bejn is-07.00 ta’ filghodu u is-07.00 ta’ filgħaxija. Mill-1 ta’ Frar 2016 dan il-Call Centre beda jopera propju hekk kif jitlob l-istess kuntratt.
L-operatur tat-trasport pubbliku ħa din id-deċiżjoni minħabba li d-domanda għal dan is-servizz wara is-07.00 ta’ filgħaxija kienet baxxa ħafna.
Infurmat ukoll li l-uffiċċju tal-operatur ġewwa l-ajruport jibqa’ miftuħ sal-10:30 ta’ filgħaxija kuljum.
Jista’ l-Ministru jispjega x’tip ta’ durability għandha tallinja card, jiġifieri kemm hi b’saħħitha in kwantu illi diffiċli titgħaffeġ jew tinqasam? Jista’ jispjega għal-liema tip ta’ elementi trid tiġi esposta biex ma tibqax funzjonabbli?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni ipprovduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, it-tallinja cards huma magħmulin mill-istess materjal li bihom huma magħmulin l-credit cards. Għaldaqstant, dawn għandhom l-istess durabilita’ u karatteristiċi fir-rigward ta’nuqqas ta’ funzjonabbilita li għandhom il-credit cards.
Jista’ l-Ministru jikkonferma illi biex wieħed jitlob replacement għal tallinja card, ma jistax jagħmel dan la online, la permezz ta’ email u lanqas permezz tat-telefon, imma jrid imur fiżikament fl-uffiċini tal-Public Transport (Valletta, Airport, Mater Dei, Buġibba, Rabat Għawdex)?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex wieħed jitlob għal replacement għal tallinja card, wieħed irid imur f'wieħed mill-uffiċini tal-operatur tat-trasport pubbliku li jinstabu ġewwa l-Belt Valletta, l-Isptar Mater Dei, l-Ajruport, Buġibba, tas-Sliema, kif ukoll ir-Rabat Għawdex.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2671, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet fuq din it-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq se ssir skont il-progress tal-formazzjoni, fondi disponibbli kif ukoll il-proċess tal-akkwist tas-servizzi tal-kuntratturi.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn ir-rotta bin-numru 209 qiegħda sservi kull siegħa meta fuq il-ktieb tal-iskedi din suppost isservi kull 30 minuta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull lokalita’ ġewwa Malta għandha konnessjoni ta' kull siegħa lejn u mill-isptar Mater Dei. Ir-rotta 209 hija ir-rotta li sservi il-lokalitajiet tas-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ, kif ukoll parti minn Ħal Qormi lejn l-isptar Mater Dei.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ karozzini rreġistrati ma’ Transport Malta, sena b’sena, mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi n-numri ta’ karozzini reġistrati ma’ Transport Malta sena b’sena mill-2012 sa l-aħħar ta’ Jannar tal-2016, huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:
Sena
Numru ta’ Karozzini Reġistrati
2012
111
2013
111
2014
111
2015
111
2016 (sa Jannar)
111
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa lill-Gvern it-trasport pubbliku f’dak il-perjodu meta s-servizz kien jitmexxa minn Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tat-trasport pubbliku qatt ma kien jitmexxa minn Transport Malta, li hi entità regolatorja, iżda minn entità differenti.
Hija tassew inkwetanti li l-Onor. Interpellant, li għal perjodu twil kien ix-
Shadow Minister
tat-trasport , ma jafx l-aktar affarijiet bażiċi f’ suġġett li tiegħu kien responsabbli.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ minibuses irreġistrati biex iġorru t-tfal tal-iskola sena b’sena mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma żżommx dettalji ta’ minibuses irreġistrati biex iġorru t-tfal tal-iskola, iżda jkollha statistika ta’ minibuses in ġenerali.
L-ammont ta’ minibuses ġodda li ġew reġistrati kull sena mis-sena 2012 huwa hekk kif ġej:
Sena Ammont
2012 54
2013 33
2014 40
2015 71
2016 (sal-lum) 9