Legislature:
Category:
Reset
Active:

Junction Ġdida

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex il-junction il-ġdida li mill-by-pass faċċata ta' l-isptar il-ġdid tieħu għall-Universita' tiġi rranġata t-triq il-ġdida fejn qed tifforma għadira fonda u perikoluża meta tagħmel ix-xita b'periklu għal kull min juża din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jispezzjona l-post li qed isemmi l-Onor. Interpellant u jikkonsidra x'hemm bżonn isir.

Gozo Channel

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ikkawża l-inċidenti fuq il-vapur tal-Gozo Channel nhar l-10 ta' Diċembru 2001. Kemm kienet l-ispiża tal-ħsarat?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li minn stħarriġ li għamlet l-Awtorita' Marittima jirriżulta li waqt li l-bastiment m.v. Ta' Pinu kien ħiereġ minn Marsamxett żviluppat ħsara f'wieħed mill-ġeneraturi. Id-DEIF Power Management System b'mod awtomatiku bagħat signal sabiex jibda jaħdem ir-raba' ġeneratur. Dan jieħu bejn 40 u 50 sekonda sabiex s-switchboard breaker jitqabbad. Tul dan il-ħin il-load fuq iż-żewġ ġeneraturi l-oħra kien għoli żżejjed u dan ikkawża blackout. Is-sistema kienet ġiet ittestjata madwar ħmistax ilu fil-preżenza ta' Inġiniera tal-manufatturi tal-makni. Is-sistema tħaddmet aktar tard meta l-bastiment kien mal-moll u ffunzjonat mill-ġdid. Dwar l-aħħar parti tad-domanda nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru konċernat.

Xgħajra — Toroq

Question

Jista' l-Ministru b'referenza għad-domanda numru 22717 jinforma lill-Kamra x'irriżulta mill-eżami li sar tat-toroq Carmelo Ritchie u Carmelo Penza fix-Xgħajra u jistgħux jiġu inklużi fil-programm ta' ħidma għas-sena li ġejja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li mill-ispezzjoni li kienet twettqet mid-Dipartiment irriżulta li f'dawn iż-żewġ toroq kien sar żvilupp sostanzjali fihom biex ikunu jistgħu jiġu asfaltati, u d-Dipartiment tat-Toroq beda l-konsultazzjonijiet tiegħu mal-Utilities sabiex eventwalment tkun tista' toħroġ sejħa għall-offerti għall-asfalt ta' toroq.

Traffic Lights — Pelican Lights

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-2002 fejn hu ippanat li jsiru: 1 traffic lights? 2 Pelican lights? Kemm se jintnefaq matul is-sena finanzjarja li jmiss fuq dawn is-sistemi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li għas-sena d-dieħla ser ikomplu jitlestew l-istallazzjoni tal-pelican lights u traffic lights f'Burmarrad, Swieqi, Bormla, San Ġwann, Baħar iċ-Ċagħaq, Zejtun, Rabat, B'Buġia, San Ġiljan, xogħol fil-preżent qed isir ż-Zejtun u B'Buġia, filwaqt li hemm sejħiet għall-offerti biex isiru stallazzjonijiet oħra f'St Andrew, Swieqi u Rabat. Postijiet oħra fejn ġew approvati l-istallazzjonijiet huma Rabat, M'Skala, Mtarfa, Burmarrad, Marsa, Sliema, St Venera, Bormla u San Ġwann, u x-xogħol fihom isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol li jkun hemm fid-Dipartiment.

Qormi — Triq Marju Pace

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif Triq Marju Pace f'Ħal Qormi li hija triq li taqa' fir-responsabbilita' tal-Gvern Ċentrali u li sa illum għadha m'inbnietx, u b'konsegwenza area kbira minnha tegħreq bl-ilma u fin-nuqqas ta' ilma, jeżistu ħofor kbar li joħolqu problemi għar-residenti u uliedhom li ma jistgħux jgħaddu la b'karozza u lanqas bil-mixi; il-Gvern ma illevalax u kesa bl-asphalt biex jiġu mgħeluba dawn id-diffikultajiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jistabbilixxi jekk il-problemi li qed jiġu kkaġunati humiex riżultat tal-fatt li għad hemm ħafna żvilupp xi jsir jew xi nuqqas minn xi żviluppatur biex wieħed jara x'jista' jsir.

Żejtun — Triq is-Suq

Question

B'referenza għall-PQ 30269 possibli d-Dipartiment tat-Toroq ġentilment jinnota li Triq is-Suq Żejtun m'għandha x'taqsam xejn ma' Triq Toni Zahra?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-parti ta' Triq is-Suq li qed issir referenza għaliha f'PQ Nru. 30296, hi dik il-parti li ma hiex asfaltata u li tiġi fil-kantuniera bejn Triq is-Suq u Maria Stella Caruana. Hemm xogħol x'isir fi Triq Maria Stella Caruana u parti ta' Triq T. Zahra, bejn Triq Maria Stella Caruana u Triq Santa Katerina, li jikkonsisti f'bini ta' culverts sabiex tingħeleb il-problema ta' l-għargħar mill-ilma tax-xita. Għalhekk ix-xogħol f'din il-kantuniera isir mal-bqija tax-xogħol fit-toroq imsemmija f'din il-lokalita'.

Santa Venera — Triq il-Palazz l-Aħmar

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi prijorita d-dipartiment tat-toroq qed jagħti l-bini mill-ġdid ta' Triq il-Palazz l-Aħmar, Santa Venera?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jaħdem biex tinstab soluzzjoni għal problema li joħloq l-ilma tax-xita li jinġabar f'din it-triq u li trid tiġi risolta biex it-triq tkun tista' tinbena mill-ġdid. Tlesta' survey ta' din iż-żona u qegħdin isiru pjanti biex jinbena ġibjun faċċata ta' Triq il-Batterija u meta jinbena dan il-ġibjun, Triq il-Palazz l-Aħmar tkun tista' tinbena mill-ġdid.

Fgura — Triq San Antnin

Question

Jista' l-Ministru b'referenza għad-domanda numru 29752 dwar Triq San Antnin Fgura jinforma l-kamra x'irriżulta lid-dipartiment li hemm bżonn li jsir u jistgħax jonforma meta jista' jsir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li mill-informazzjoni li ġabar id-Dipartiment jirriżulta li Triq Sant Antnin infisa ma għandiex bżonn tiġi resurfaced. Hemm wesgħa li tmiss ma Triq Sant Antnin u Triq W. Levanzin li l-art tagħha trid tiġi espropjata biex tkun tista' tiġi żviluppata l-pjazza. Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment biex jibda x-xogħol ta' l-espropjazzjoni.

B'Kara — Fleur-de-Lys

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx maħsub xi forma ta' regolazzjoni tat-traffiku fejn Psaila Street tmiss ma Fleur-de-Lys road ġo B'Kara? Hemm maħsub li il-biċċa triq f'din il-parti ta' Triq Fleur-de-Lys tiġi irranġata għaliex hija ħażina ħafna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-junction bejn Triq Salvu Psaila, Triq Fleur-de-Lys u l-Istazzjon tkun ikkontrollata permezz ta' traffic lights. Il-parti ta' Triq Fleur-de-Lys bejn Triq Salvu Psaila u l-Istazzjon ser tiġi rranġata bħala parti mill-kuntratt eżistenti ta' xogħol fuq Triq Salvu Psaila.

Mobile Phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tal-mobile phones tal-Ministeru u tad-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru bejn Jannar u Novembru ta' din is-sena? Kemm kienet l-istess spiża għas-snin 1997, 1998, 1999 u 2000 sena b'sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti mogħtija għad-domandi parlamaentari Nru. 7853 u 24567, jien infurmat li l-ispiża għall-1997 kienet Lm1242, għall-1998 kienet Lm2678 waqt li għal perijodu Jannar/Novembru 2001 l-ispiża kienet Lm3126.

Toroq tas-Swieqi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi program biex jiġu rranġati t-toroq tas-Swieqi li dan l-aħħar ġew maqlugħa bix-xogħolijiet li saru u li qed isiru?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi fit-toroq li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant qed isir xogħol ta` kostruzzjoni ta` culvert għall-ilma tax-xita biex tiġi riżolta l-problema ta` għargħar u t-toroq li qed isir ix-xogħol fihom ser jiġu rranġati max-xogħol.

Floriana — Triq Vincenzo Dimmech

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra jagħmilx provvedimenti jew jagħtix direttivi sabiex itaffi xi ftit il-problema tal-parkeġġjar fl-inħawi u fi Triq Vincenzo Dimech, Floriana? Peress illi dan il-parkeġġjar eċċessiv qed jikkrea inkonvenjent insopportabbli lill-ġirien li jgħixu f'dik it-triq, tista' din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tlabt lill-Malta Transport Authority biex tara x'jista' jsir.

Postcodes

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jkun ippubblikat direttorju ieħor tal-postcodes tad-diversi lokalitjiet f'Malta u Għawdex billi dak li kien ippubblikat snin ilu nbiegħ kollu u jrid jiġi aġġornat?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-intenzjoni hi li Direttorju ġdid tal-Kodiċi Postali jiġi ppubblikat fi żmien mhux fil-bogħod. Bħalissa qed isir xogħol fuq dan id-Direttorju.

Ċirkewwa — Terminal

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa l-kuntrattur li qed jagħmel ix-xogħol fuq it-terminal taċ-Ċirkewwa? Huwa minnu li dan il-kuntrattur qed jagħmel użu min għaddasa part-time li wħud minnhom wkoll jaħdmu mal-Gvern?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-kuntrattur li qiegħed jagħmel ix-xogħol fuq il-fażi eżistenti ġewwa ċ-Ċirkewwa huwa Polidano Brothers Ltd. L-Awtorita' Marittima ta' Malta la għandha u l-anqas qatt talbet informazzjoni dwar min huma l-ħaddiema tal-kuntrattur.

Fgura — Hompesch Road

Question

Jistax il-Ministru jinforma l-kamra f'liema stadju waslu ix-xogħolijiet ġewwa Triq Hompesch Fgura u kemm sa issa intefqu flejjes fuqha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol fuq l-ewwel stadju tal-proġett li jikkonsisti fil-qlugħ u bini mill-ġdid tal-parti minn Triq Hompesh bejn Triq San Tumas u Triq is-Sur huwa 85% lest. Il-valur tax-xogħol li sar s'issa huwa stmat li jlaħħaq Lm80,750 u li minnu tħallset is-somma ta' Lm45,917.

Fgura — Triq San Gwann/A Sistner

Question

Jistax l-Ministru b'referenza għad-domanda numru 29753 jinforma l-kamra meta huwa fil-ħsieb li Triq San Ġwann u A Sistner Fgura jsiru billi hemm ħafna ilmenti fuq l-istat tat-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 29753.

Triq Filippo Venuti

Question

JIsta' l-Ministru jintervjeni u jordna li jittieħdu passi immedjati sabiex Triq Filippo Venuti tingħata wiċċ peress illi sew fix-Xitwa kif wkoll fis-Sajf din it-triq dejjem bl-ilma minħabba l-ġibjun li hemm magħha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq u l-Kunsill Lokali diġa' ddiskutew ix-xogħolijiet meħtieġa li jsiru fi Triq Filippu Venuti u toroq oħra ta' madwar sabiex eventwalment dawn it-toroq ikunu jistgħu jiġu asfaltata.

Tal-Qroqq Junction

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien stmat oriġinarjament il-proġett tal-junction tal-Qroqq? Kemm fil-fatt ġie jiswa dan il-proġett? Kemm tħallas s'issa il-kuntrattur u x'inhi r-raġuni għala inbidel il-valur tal-proġett?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-kuntratt għall-bini tal-junction tal-Qroqq kien stmat li jiswa Lm1,963,529 u il-kuntrattur tħallas dan l-ammont. Il-kuntrattur bagħat claim għall-ħlas addizzjonali li jammonta għal Lm2.08M biex ikopri tibdil li mplimenta fuq il-pjani oriġinali. Din il-claim għada qed tiġi valutata.

Żejtun — Triq is-Suq

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 30094, jista' l-Ministru jinnotta li parti żgħira minn Triq is-Suq (Żejtun) li tiġi kontuniera ma' Triq Serafin Xuereb għadha imħarbta u fil-fatt qatt ma ġiet asfaltata? Billi din l-parti li m'hiex asfaltata tikkonsisti biss fi ftit metri possibli li din issir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jidher li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għat-Triq Maria Stella Caruana u li x-xogħol f'din it-triq ser isir aktar il-quddiem in konnessjoni ma' xogħol ieħor ta` kostruzzjoni ta water culvert li jrid isir fi Triq Toni Zahra li tiġi wkoll kantuniera mat-Triq Maria Stella Caruana.

Floriana — Sub-Post Office

Question

Peress li fil-Floriana hemm persentaġġ qawwi ta' anzjani, jista' jiġi mistħarreġ li tiġi miftuħa sub-post office fil-lokalita?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s'issa għadu ma nħassx il-bżonn li jinfetaħ sub-uffiċju tal-posta il-Furjana.