Legislature:
Category:
Reset
Active:

Każijiet ta’ Suwiċidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni f’pajjiżna li neħħew ħajjithom f’dawn l-aħħar ħames snin? X’etajiet kellhom dawn il-persuni li kkommettew suwiċidju?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dawn l-aħħar ħames snin u sa l-aħħar ta’ Gunju 2015 ġew rapurtati lill-Pulizija mija u ħamsa u erbgħin każ ta’ suwiċidji li seħħew ġewwa Malta u Għawdex minn persuni ta’ nazzjonalita Maltija u anke barranija. L-etajiet ivarjaw bejn 14 il-sena u 98 sena.

Jum il-Pulizija — bdil ta' ġurnata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala din is-sena, iċ-ċelebrazzjonijiet ta' Jum il-Pulizija li huwa t-12 ta' Lulju, se jsiru fl-10 ta' Lulju? Jikkonferma li r-raġuni hi biex jiffranka l-flus ħalli l-Pulizija ma jitħallsux doppju peress li t-12 ta' Lulju huwa l-Ħadd?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li din is-sena ma kienetx l-ewwel sena fejn iċ-ċelebrazzjonijiet ta’Jum il-Pulizija iċċaqalqet mil-ġurnata proprja. L-ewwel okkażżjoni kienet fis-sena 1998 meta minflok il-ħadd iċ-ċelebrazzjonijiet saru is-Sibt 11 ta’ Lulju. L-stess ġara fis-sena 2009, meta minflok il-Ħadd iċ-ċelebrazzjonjiet saru il-Gimgħa 10 ta’ Lulju. Irid jingħad li fit-12 ta’ Lulju, 2015, kien hemm ħames festi fl-istess jum, f’diversi villaġġi ġewwa Malta u Għawdex, li jridu jiġu koperti mil-Pulizija, u għaldaqstant kienet neċessita li din il-ġurnata tiċċaqlaq din is-sena wkoll.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — ħaddiema ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm, tul is-snin 2013, 2014 u 2015 separatament ġew ingaġġati ħaddiema fil-Ministeru u fid-dekasteri varji fuq bażi ta' self-employed? Jista' jiġu indikati l-gradi u s-salarji bażiċi tagħhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar – avviżi ta’ żgumbrament

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-Pulizija waħħlu avviżi ta’ żgumbrament fuq vetturi f’San Pawl il-Baħar matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena il-Pulizija waħħlu ħdax (11) il-avviżi ta’ żgumbrament fuq vetturi f’San Pawl il-Baħar kif jidher fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali – konsulent

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li d-Deputat Kummissarju tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament m’għadux fil-kariga ta’ Deputat Kummissarju imma nħatar konsulent tal-Ministeru? Jista’ jgħid minn meta u għaliex din il-ħatra? Hemm xi differenza mis-salarju, remunerazzjoni u perkaċċi li kellu bħala Deputat Kummissarju u dak li għandu issa bħala konsulent?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal-mistoqsija parlamentari 17394.

Korp tal-Pulizija – Surġent – kummenti dispreġġjativi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex aċċettabli li l-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jikteb fuq il-paġna tiegħu ta’ facebook u allura b’mod mill-iktar pubbliku, kliem dispreġġjattiv fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni u ta’ Membru Parlamentari kif jidher ċar fid-dokument li qed jingħata separatament, wara l-protesta li saret fiż-Żonqor nhar il-Ħadd, 31 ta’ Mejju? Jemmen il-Ministu li dan l-aġir jżid il-fiduċja tan-nies fil-Korp tal-Pulizija? Jemmen il-Ministru illi tali aġir jista’ jwassal sabiex il-Korp jieħu xejra partiġġjana? Il-Ministru kien infurmat b’dan il-kliem ta’ membru tal-Korp tal-Pulizija li huwa politikament responsabbli minnu? Jek iva, x’passi ħa l-Ministru?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant lil nħoss li kull uffiċjal pubbliku, filwaqt li dejjem għandu d-dritt għall-opinjoni personali tiegħu, għandu jkun kawt u diskrett kif jesprimi tali opinjoni fil-pubbliku. Mill-banda l-oħra żgur li l-Onor. interpellant u l-gvern li kien jifforma parti minnu, m’għandhom l-ebda kredenzjali sabiex jitkellmu jew jippriedkaw dwar korp partiġġjan. Finalment l-oppożizzjoni trid tiddeċiedi meta l-Ministru għandu responsabbilta’ u meta m’għandux. Tajjeb wieħed jinnota wkoll li l-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija ilha li ntilfet u naqset bl-aġir u b’deċiżjonijiet jew nuqqas tagħhom tal-Gvern Nazzjonalista.

Malta Police Association — kawża legali

Question

B'referenza għall-kawża legali li l-Malta Police Association fetħet kontra il-Kummissarju u Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali fuq l-irkant tal-armi, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tiegħu fuq dan ir-rigward? Jista' jgħid jekk jaqbilx li l-membri tal-Korp tal-Pulizija ma jitħallewx liberi li jieħdu sehem fl-irkant minkejja li ġie milqugħ il-mandat ta' inibizzjoni li għamel l-MPA f'Marzu 2015?

Response (ABELA, CARMELO)

Mhux għaqli li wieħed jikkummenta meta l-każ ikun quddiem il-Qorti.

Tneħħija ta' karozzi minn Ta' Kanda u l-Garaxx tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li minn Marzu 2013 sal-lum kien hemm numru ta' vetturi li kienu ġew elevati tul is-snin mill-pulzija, li kienu Ta' Kandja u fil-Garaxx li tneħħew minn fejn kienu u ma għadhomx fil-pussess tal-pulizija? Jista' jgħid jekk dawn il-vetturi meta tneħħew mill-postijiet imsemmija inbiegħawx jew jekk ingħatawx b'xejn? Jista' jgħid jekk inħariġx tender jew ingħatax direct order biex tneħħew dawn il-karozzi? Jista' jgħid min kienet il-kumpanija/individwu li rebaħ dan it-tender/direct order biex neħħa dawn il-karozzi minn Ta' Kandja u l-Garaxx tal-Pulizija? Jista' jgħid kemm kienet is-somma ta' flus li daħal il-Korp tal-Pulizija minn dan l-eżerċizzju?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor Interpellant sabiex jirreferi għal-mistoqsija parlamentari 11140.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – ħlas ta’ impjegati fis-Segretarjat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux nies jaħdmu fis-Segretarjat tiegħu iżda jitħallsu minn entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm huwa n-numru ta’ impjegati li qed jaħdmu b’din il-kundizzjoni? Min huma l-persuni li qed jaħdmu b’dan il-mod? B’kollox kemm huwa l-ammont totali ta’ nies li jaħdmu fis-Segretarjat tiegħu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tas-segretarjat, total ta’ 16 il-persuna, jitħallsu kollha mil-Ministeru.

AFM — C Company u l-iSpecial Operations Unit

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 16104, 17249, 17402 u 17542, jista’ l-Ministru jagħti raġuni għaliex qed iżomm milli jagħti din l-informazzjoni mitluba? Jista’ jgħid kif din in-nuqqas ta’ informazzjoni tinkwadra fil-politika ta’ trasparenza li suppost iħaddan dan il-Gvern? Għall-ħames darba l-Ministru qed jintalab iwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16104, 17249, 17402 u 17542.

Response (ABELA, CARMELO)

L-informazzjoni mitluba ngħatat f’mistoqsijiet oħra preċedenti.

Identity Malta – ingaġġ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-kariga tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fi ħdan Identity Malta u jinforma lill-Kamra bil-pakkett finanzjarju li għandu għall-kariga tiegħu, inkluż salarju u perkaċċi kollha? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess persuna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-kariga li tokkupa din il-persuna?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata għandha salarju ta’ € 75,000 fis-sena.

Korp tal-Pulizija — membri li jaħdmu fil-garaxx tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li jaħdmu fil-garaxx tal-Pulizija skont ir-rank tagħhom? Jista' jgħid kemm inħadmu sigħat ta' overtime bejn Jannar 2014 u Ġunju 2015 fil-garaxx tal-pulizija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Korp tal-Pulizija — xiri ta' muturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il mutur mill-Korp tal-Pulizija inxtara bejn Marzu 2013 u Ġunju 2015? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender jew jekk inxtrawx b'direct order? Jista' jgħid kemm ġie jiswa kull mutur li nxtara? Jista' jgħid bejn wieħed u ieħor kemm kellhom mili/KM fuqhom dawn il-muturi li nxtraw? Jista' jgħid min kien l-aġent/dealer li ngħata t-tender/direct order biex xtara u ġab dawn il-muturi Malta? Jista' jgħid minn fejn inxtraw u inġeibu dawn il-muturi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sat-tmienja ta’ Lulju 2015, inxtraw għoxrin mutur second hand, kif jidher fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn inxtraw b’direct order u kull mutur sewa Euros 10,500. Huma kellhom bejn dsatax u sittin elf mil kull wieħed meta nxtraw mil-Ingilterra u ġew mpurtati Malta mir-Regina auto Dealer tal-Marsa.

Garaxx tal-Pulizija — persuna kwalifikata ta' tellar/mechanic

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jaħdem fil-garaxx tal-pulizija? Jista' jgħid jekk għandux kwalifiki ta' tellar jew mechanic biex ikun eleġibbli biex jagħmel dan ix-xogħol fil-garaxx tal-pulizija? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikati u kwalifiki li għandu l-individwu biex jagħmel ix-xogħol ta' tellar jew mechanic?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-membru tal-Korp li qiegħda ssir referenza għalih ilu jaqdi d-doveri tiegħu fil-Garaxx tal-Pulizija mill-14 ta’ Lulju 2014. Din il-persuna ma tagħmilx xogħol ta’ tellar iżda fuq l-esperjenza li kellha qabel mal-privat, taħdem fuq disinn, plastic welding u xogħlijiet oħra anċillari.

Korp tal-Pulizija — addendum

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 15095 u 17451, jista' l-Ministru jgħid jekk iltaqax mal-kumitat eżekuttiv il-ġdid tal-Malta Police Association (MPA) u meta iltaqa' magħhom (data preċiża)? Jista' jgħid fiex waslu d-dikussjonijiet mal-MPA fuq l-addendum il-ġdid tal-Korp tal-Pulizija u min huma l-persuni li qed jiddiskutu għan-naħa tal-Gvern? Jista' jgħid kemm-il laqgħa saret mal-MPA kemm ilu Ministru hu fuq l-addendum tal-Korp tal-Pulizija? Jista' jgħid jekk hu personalment jaqbilx mal-addendum tal-Korp li bħalissa qiegħed fis-seħħ?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru numru ta’ laqgħat fejn fosthom ġie diskuss l-addendum. Tali diskusjonijiet jibqgħu għaddejin u l-Ministeru jilqa’ kull suġġeriment sabiex tiżdied ir-responsabbilita’, l-akkontabilita u s-serjeta’.

Skema IIP – due diligence — rapport tar-regolatur

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17449, jista' l-Ministru jgħid meta se jkun lest ir-rapport tar-regolatur? Jista' jgħid meta dan ir-rapport se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-Rapport Annwali tar-Regolatur ikopri il-perijodu 1 ta’ Lulju 2014 sat-30 ta’ Gunju 2015. Għaldaqstant ir-Rapport għal din is-sena bħalissa qiegħed jiġi iffinalizzat. Il-ħsieb hu li ir-Rapport jkun komplut sa nofs Settembru li ġej. Sussegwentement, ir-Rapport jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Thouret House — rapporti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm numru ta’ rapporti saru lill-Pulizija rigwardanti aġir illegali li jinkludi storbju, abbużi, theddid, fastidju, eċċ in konnessjoni ma' persuni li joqogħdu f'Thouret House, Triq il-Fawwara Santa Venera u dan minn Jannar 2014 sal-lum? Jista' jgħid kemm minn dawn ir-rapporti saru mill-pubbliku in ġenerali u kemm saru minn persuni li jaħdmu f'din id-Dar? Jista' jgħid jekk ittieħdux passi kriminali? Jekk iva, kemm hemm każijiet li għadhom pendenti? Jista' jgħid ukoll x'passi ttieħdu mill-Pulizija sabiex dan l-aġir ma jirrepetix ruħu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ma sar l-ebda rapport mill-pubbliku dwar storbju u aġir illegali ieħor lis sar f'Thouret House. Madankollu kien hemm diversi rapporti dwar aġir abbużiv u illegali li seħħ fl’istess d-dar min-persuni li preżentement jinstabu residenti hemmhekk. Il-parti l’kbira ta' dawn il-persuni (tfajliet) jinstabu taht 'care order' u minnhom hemm min għad għandhu tlettax il-sena u għaldaqstant ikunu eżenti minn azzjoni Kriminali kontrihom. F’ħafna kazi ir-rapporti li saru mill-persuni li jaħdmu f'din id-dar kienu jirrigwardaw kazijiet fejn dawk akkomodati f’din id-dar jiġu rrapurtati 'missing' u min dawn ir-rapporti kien hemm tmienja. Kien hemm ukoll tmien rapporti oħra ta' theddid, insulti, glied, storbju jew inċidenti simili li ġieli seħħew bejn dawk il-persuni akkomodati u dawk li jaħdmu f'din id-dar. F’kazijiet bħal dawn biex dan l-aġir ma jirrepetix ruħu il-Pulizija jkollha taħdidiet mal-management tal-post kif ukoll mad-direttorat tal-Appoġġ biex jiġi stabilit kif l’aġir in kwistjoni jiġi kkontrollat mingħajr ma ssir ħsara liz-zagħzagħ konċernati. F’każijiet bħal dawn iz-zagħzagħ jiġu ndirizzati wkoll mill-awtoritajiet u fejn ikun hemm deċiżjoni u l-ligi tippermetti, jigu istitwiti proċeduri kriminali wkoll. Listi tar-rapporti li saru u l-azzjoni li ttieħdet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra,

Iż-Żurrieq — Bar - permessi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16468, f'każ li ċerti permessi li kellhom għand il-pulizija ma għaddewx għand l-Awtorità għat-Turiżmu ta' Malta, jista' l-Ministru jpoġġi l-permessi relatati mal-bar lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fuq il-Mejda tal-Kamra u ċjoè: (a) kopja tal-firem oriġinali (Neighbours' Consent); (b) kopja tal-applikazzjoni oriġinali tal-PAPB jew MEPA; (c) il-permess taċ-Change of Use maħruġ mill-MEPA jew PABS; (d) kopja tal-applikazzjoni għal-liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija; u (e) kopja tal-liċenzja oriġinali tal-Kummissarju tal-Pulizija (Trade Licence)?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li diġa ġie spjegat f’mistoqsijiiet Parlamentari preċedenti, li il-faxxiklu oriġinali relatat mal-bar li ddetalji dwaru ingħataw separatament, ma kienx instab anke diversi snin ilu. Għaldaqstant id-dokumenti, kif mitluba fil-mistoqsija Parlamentari ma jistgħux jitqegħdu fuq il-mejda. Il-liċenzja tal-istess lokal biex ibiegh inbid u xorb alkoliku bil grokk, jidher li diġa kienet teżisti fis-sena 1981 u sallum, huwa liċenzjat skond il-liġijiet viġenti.

Korp tal-Pulizija – membri li għandhom proċeduri kriminali pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-Korp tal-Pulizija (skont ir-rank tagħhom) li għandhom proċeduri kriminali pendenti fil-konfront tagħhom fil-Qrati u li huma sospiżi mill-Korp? Jista’ jgħid kemm hemm membri tal-Korp tal-Pulizija (skont ir-rank tagħhom) li għandhom il-proċeduri kriminali pendenti fil-konfront tagħhom u li mhux sospiżi mill-Korp? Jista’ jgħid kemm hemm membri tal-Korp (skont ir-rank tagħhom) li diġà għandhom sentenza tal-Qorti fil-konfront tagħhom u li għadhom qed iservu fil-Korp?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li hemm tnax il-membru tal-Korp tal-Pulizija li għandhom proċeduri kriminali pendenti fil-konfront tagħhom fil-Qrati u li huma sospi¿i mil-korp, kif jidher fuq it-tabella ‘A’ li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Tabella B li qed titpoġġa wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra turi dettalji ta’ għoxrin membru tal-Korp ieħor li għandhom il-proċeduri kriminali pendenti fil-konfront tagħhom u li mhux sospiżi mill-Korp. Fiż-żewg każi, it-tabelli huma maqsuma bir-rankijiet. Rigward it-tielet domanda u cioe dwar in-numru ta’membri tal-Korp li diġà għandhom sentenza tal-Qorti fil-konfront tagħhom u li għadhom qed iservu fil-Korp, ma tezistix informazzjoni b’sistema eletronika, u biex tinġbar irid jittieħed ħafna ħin.

Trasferiment ta’ spettur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Ispettur li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġiex trasferit mis-sezzjoni ta’ kontra l-frodi tal-Pulizija? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid fejn ġie stazzjonat u x’xogħol se jkun qed iwettaq?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ir-risposta dwar trasferiment hija fl-affermattiv u li l-Ispettur li dettalji tiegħu ingħataw separatament fil-fatt ġie transferit mit-3 ta’ Lulju 2015 mit-Taqsima tar-Reati Ekonomici għall-Għassa tal-Ħamrun. Ix-xogħol tiegħu f’din id-Diviżjoni huwa xogħol normali ta’ Spettur fid-distrett.