Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn bdiewa full-time u part-time reġistrati f'kull raħal f'Malta u Għawdex? Jista’ jpoġġi l-lista ta' dawn il-bdiewa fuq l-Mejda tal-Kamra?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 12920.
Jista’ l-Ministru jikkunsidra li ssir mandatorja li l-majjal ipproċessat għall-bejgħ jibda jiġi labelled jekk hux majjal ta' Malta jew inkella majjal impurtat?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li l-labelling tat-tip li qed jirreferi għalih diġa huwa fis-seħħ taħt ir-regoli tal-Unjoni Ewropea, risponsabbilta' f'Malta taħt l-MCCAA, il-Malta Competition and Consumer Affairs Authority.
Jista’ l-Ministru jara li l-moll u l-winch li jinsabu Birżebbuġa u li bħalissa jaqgħu taħt ir-responsabilità tad-Dipartiment tas-Sajd jiġu rranġat mill-aktar fis possibbli?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-moll ta’ Birżebbuġa ma jaqax taħt ir-responsabbilta` ta’ dan il-Ministeru. Fil-konfront tal-winch ingħataw istruzzjonjiet lid-Dipartiment tas-Sajd biex jittieħdu l-passi neċessarji sabiex it-tiswija issir kemm jista’ jkun malajr.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inizjattivi qed jittieħdu mill-Gvern biex jiġi inkoraġġit l-organic farming? X'għajnuniet qed jagħti l-Gvern lill-bdiewa li jiddeċiedu li jaqilbu għall-organic farming?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, biex jiġi inkoraġġit l-Organic Farming, id-Direttorat tal-Agrikoltura beda proċess ta’ titjib u konsolidazzjoni tas-sistema għall-kontrolli fis-settur tal-Biedja Organika b’qafas legali li ser jgħin sabiex jitnaqqsu r-riskji ta' frodi u jiġu protetti l-operaturi u l-konsumatrui f'dan is-settur.
Kien hemm diversi inizzjattivi nterni li ttieħdu mid-Direttorat tal-Agrikoltura biex tiġi stabbilita` fondazzjoni solida fejn l-Biedja Organika tista’ topera bl-aktar mod effettiv u effiċjenti, fosthom kienu organizzati laqgħat ta’ konsultazzjoni li fihom kienu spjegati r-regoli tal-UE fis-settur u anke ingħata stħarriġ lill-ispetturi tad-dipartiment sabiex ikunu jistgħu jfehmu aħjar lill kull min jitlob informazzjoni fir-rigward.
Meta l-bdiewa jkunu jridu jaqilbu għall-Biedja Organika, ikunu jistgħu japplikaw / jibbenefikaw minn għajnuniet taħt il-programm il-ġdid għall-Iżvilupp Rurali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn organic farmers f'Malta u f'Għawdex separatament? X' medda ta' art, f'termini ta' tmien, hawn Malta u Għawdex li fiha qed jiġi mħaddem il-kunċett ta' organic farming?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li n-numru ta’ bdiewa li jaħdmu r-raba tagħhom b’mod organiku huma 10 f’Malta u 1 f’Għawdex.
It-total ta’ art li hija ċċertifikata bħala organika hija 121 tomna f’Malta u 35 tomna f’Għawdex. Hemm ukoll 156 tomna oħra f’Malta li huma fil-proċess biex jiġu ċċertifikati bħala organiċi.
Jista’ l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-Gvern biex jiġu protetti l-produtturi tal-ħalib hekk kif f'Marzu li ġej se tiġi mneħħija l-kwota tal-ħalib?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, bħalissa qed jitħejja abbozz leġislattiv li jkun jipprovdi qafas nazzjonali ta’ protezzjoni fuq ċerti termini minimi fil-kuntratti ta’ bejn il-produttur u l-iproċessar tal-ħalib. Dan dejjem f’konformita` mar-regoli tal-UE u speċifikament għal dak magħruf bħala “Milk Package”. Qegħdin isiru diskussjonijiet dwar dan ma’ dawk kollha kkonċernati.
Jista’ d-dipartiment responsabbli mill- animal welfare jieħu bis-serjeta’ każ ta’ tlett iklieb li għall-ħinijiet twal qed ikunu marbuta b’ċinga qasira tant li l-klieb bilkemm jistgħu joqogħdu bilqegħda ħdejn il-maħżen tal-karnival f’Albert Town u li skont informazzjoni li għandi minn xi nies li joqogħdu fil-viċinanzi, ikunu marbuta barra anki meta l-maħżen ikun magħluq? Billi jien infurmat li d-direttur tal-Animal Welfare jaf b’dan il-każ għax ikkumenta dwarhom fuq Facebook, jista’ l-Ministru jara li d-dipartiment tal-animal welfare jinvestiga u jieħu bis-serjeta’ dan il-każ u jagħti kull protezzjoni possibbli lil dawn il-klieb?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-Direttorat tal-Animal Welfare ħa dan il-każ bis-serjeta`, fejn qabel ma saret din il-Mistoqsija Parlamentari l-każ daħal fih id-direttur stess li mill-ewwel bagħat l-uffiċċjali tiegħu fuq il-post u ma rriżultax li kien hemm xi każ ta’ moħqrija. Madanakollu, is-sid ġie mgħarraf dwar l-importanza li l-klieb jingħataw trattament xieraq u li ma jitħallewx marbutin barra fix-xita jew xemx qalila mingħajr il-fakulta` li jidħlu għall-kenn u li dawn għandhom dejjem ikollhom aċċess għall-ikel u xorb. Is-sid ġie avżat ukoll biex iżomm nadif il-post fejn ikunu l-klieb.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-aħħar żviluppi għal dak li jikkonċerna d-danni li qed iseħħu fis-siġar tal-Ħarrub? Kemm u fejn ġew misjuba siġar ta' dan it-tip li jinsabu fil-periklu li jmutu minħabba dawn il-mardiet jew attakki tal-insetti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, sa issa ġew irrapurtati erba’ lokalitajiet fejn kien hemm siġar tal-ħarrub infettat. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Stqarrija għall-Istampa maħruġa fis-17/02/2015 fuq din il-materja. F’dawn il-lokalitajiet, l-infezzjoni kienet hekk: 2 il-Fontana fejn siġra minnhom mietet, 1 Ħaż-Żabbar li mietet, 1 il-Manikata u 1 Ta’ Kandja. Id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti permezz tal-Istqarrijiet għall-Istampa tiegħu qed iżomm lill-bdiewa flimkien mal-pubbliku nfurmati dwar kif jagħrfu s-sintomu ta’ dan l-insett u kif jista’ jkun ikkontrollat fejn ikun possibli. Id-Direttorat qiegħed ukoll b’mod immedjat jagħmel spezzjonjiet hekk kif jidħol xi rapport.
Ta' Qali — Pitkalija - xogħlijiet fuq tibdil strutturali
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol ta' tibdil strutturali li suppost għandu jsir fil-Pitkalija f'Ta' Qali? Meta hu mistenni li jitlesta dan l-istess xogħol?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ix-xogħol fuq il-proġett pilota flimkien mal-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa għadu għaddej. Bħalissa, qiegħed isir ix-xogħol fuq is-sistema ġdida tal-informatika, xiri ta’ makkinarju u fuq xiri ta’ crates identifikabbli b’mod elettroniku.
Bħalissa għaddejjin diskussjonjiet mal-Ministeru tal-Finanzi sabiex ikun assigurat li jkun hemm il-fondi neċessarji kollha ħalli din is-sena, dan il-proġett Pilota jibqa’ għaddej b’ritmu tajjeb u jkun lest fil-parti l-kbira tiegħu sal-aħħar tas-sena.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — positions of trust
Question
Jista' l-Ministru jelenka u jgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċju tiegħu u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 14118.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – persuni ingaġġati f’position of trust
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista tal-persuni li ġew ingaġġati f'position of trust mid-dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru li hu jmexxi bejn id-9 ta' Marzu 2013 sal-31 ta' Jannar 2015?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14032 fejn il-Ministru qal li n-naħal li ġew importati dan l-aħħar f’Għawdex kienu minn Franza u mhux minn Sqallija u nikkwota mill-istess tweġiba “in-naħal f’dan il-każ, kienu kollha ċertifikati taħt ir-regoli kkonċernati bħala ħielsa minn kull tip ta’ mard mill-awtoritajiet kompetenti fi Franza” u li “dawn ġew ukoll spezzjonati mill-ġdid minn awtoritajiet veterinarji Maltin li kkonfermaw l-istess ħaġa”, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn iċ-ċertifikati “mill-awtoritajiet kompetenti fi Franza” kif ukoll kopja taċ-ċertifikati jew rapporti li saru “mill-awtoritajiet veterinarji Maltin”?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed tingħata kopja taċ-ċertifikazzjoni mis-sistema TRACES b’mod kunfidenzjali.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14032, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-importatur hux minn Sqallija? Jaf fiċ-ċert jekk dawn il-kaxex tan-naħal importati lejn Għawdex waqfux Sqallija fi triqthom lejn Malta?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-importatur inkwistjoni huwa minn Sqallija. Kif diġa kelli l-okkażjoni nsemmi f’ Mistoqsijiet Parlamentari oħra l-importazzjoni tan-naħal minn membru stat tal-UE hija libera u ħielsa. Intenni li kif ninsab infurmat ma jirriżultax li fil-proċess ta’ importazzjoni tan-naħal inkwestjoni kien hemm xi ħaġa ħażina.
Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi provi konkreti li kien hemm xi forma ta’ abbuż allura dan għandu immedjatament jgħaddihom lill-Awtoritajiet Kompetenti. Nerġa’ ntenni bil-qawwa li kull attentat li jsir fejn tinżera l-inċertezza bla ebda bażi ta’ xejn, ma jkun xejn ħlief att ta’ irresponsabbilta`. Naħseb li l-Onor. Interpellant jaqbel miegħi li għandna naħdmu flimkien għall-ġid tal-industrija u għalhekk nitolbu jgħaddili kwalunkwe suġġeriment li jista’ jkollu u nwegħdu li nagħtuh kunsiderazzjoni xierqa.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — persons of trust
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu impjegati bħala persons of trust fil-Ministeru u fid-dekasteru tiegħu? Min huma u x’pożizzjoni għandhom? Kemm huma s-salarju annwali, il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera) u l-ispiża fuq safar tagħhom, u għalhekk jgħid x’inhi n-nefqa globali f’sena għal kull wieħed minn dawn il-persuni impjegati bħala person of trust?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — persons of trust
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu impjegati bħala persons of trust fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali? Min huma u x’pożizzjoni għandhom? Kemm huma s-salarju annwali, il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera) u l-ispiża fuq safar tagħhom, u għalhekk jgħid x’inhi n-nefqa globali f’sena għal kull wieħed minn dawn il-persuni impjegati bħala person of trust?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ġiet introdotta taxxa ġdida ta’ €20 fuq kull kaċċatur u oħra ta’ aktar minn €30 fuq kull nassab? X’inhu l-iskop ta’ din it-taxxa? Din saret bi ftehim mal-għaqdiet tal-kaċċaturi u nassaba?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, mhu minnu xejn li l-Gvern introduċa xi taxxa kif qed jallega l-Onor. Interpellant.
Jista’ l-Ministru jagħti figuri u jgħid minn kemm-il Carnet de Chasse ġew miġbura l-figuri ppubblikati mill-MEPA u l-Wild Birds Regulation Unit għas-snin 2010, 2011, 2012 u 2013?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi jiena nfurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li n-numru ta’ Carnet de Chasse kienu ta’ 12,660 għas-sena 2010, 13,511 għas-sena 2011, 13,209 għas-sena 2012 u 13,486 għas-sena 2013.
Jista’ l-Ministru jagħti figuri ta’ kemm ġew mibgħuta SMSs kuljum, ġurnata b'ġurnata, għall-għasafar tal-għana li nqabdu fl-istaġun tal-insib li għalaq f'Diċembru li għadda?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-informazzjoni relatata mal-qbid tal-għasafar tal-għana għada qed tiġi proċessata u analizzata flimkien ma’ dettalji oħra. Din l-informazzjoni titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta tiġi kkompilata.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk talabx lin-nassaba jirritornaw iċ-ċrieket li ma ntużawx, kemm inġabru minnhom u x'passi ser jittieħdu kontra min ma jirritornax iċ-ċrieket u ma ddikjarax li qabad għasafar?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretariat Parlamentari li l-Wild Birds Regulation Unit, fuq rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis, stabbiliet proċedura sabiex ċrieket, hekk msejħa single-use, li ma’ ntużawx waqt l-insib, jiġu miġbura lura. Skond il-Liġi Sussidjarja 504.124, ċrieket single-use li ma ntużawx min-nassaba waqt l-istaġun miftuħ għandhom jiġu rritornati lura lill-Wild Birds Regulation Unit wara l-għeluq tal-istaġun flimkien mal-Carnet de Chasse. Dawn iċ-ċrieket mhux użati, flimkien mal-Carnet de Chasse riedu jiġu ritornati f’xi waħda mil-fergħat tal-Maltapost f’Malta u Għawdex, bejn it-Tnejn 2 ta’ Frar u t-13 ta’ Frar 2015, iż-żewg dati nklużi. Dawk in-nassaba tal-għasafar tal-għana li ma rritornawx iċ-ċrieket f’dan il-perjodu stabbilit għandhom jiġu mmultati €5 ta’ kull ċurkett mhux ritornat. Nassaba li ma jirritornawx tali ċrieket jew ma jħallsux il-multa ma jistgħux iġeddu l-liċenzja. Din il-proċedura ġiet mgħarrfa lin-nassaba liċenzjati kollha, li għandom il-liċenzja speċjali, permezz ta’ ittra reġistrata mibgħuta lilhom f’Jannar ta’ din is-sena, kif ukoll permezz ta’ avviżi ċirkulati lill-għaqdiet tal-kaċċaturi u permezz ta’ pubblikazzjoni fil-gazzetta tal-kaċċaturi u nassaba “Il-Passatemp”.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 13872 fejn il-Ministru poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra lista twila ta’ annimali li hemm fiż-zoo illegali, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux l-investigazzjonijiet neċessarji? Kif iddaħħal f’Malta kull annimal li hemm f’dan iż-zoo?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-annimali in kwistjoni ġew introdotti ġewwa Malta skond ir-regolamenti applikabbli. Dan iżda minbarra fil-każ tal-babwini li meta ġew importati setgħu biss imorru fi stabbiliment reġistrat u mhux f’kollezzjoni privata. Meta l-Awtoritajiet Veterinarji indunaw b’dawn il-babwini sar attentat biex jintbgħatu lura minn fejn ġew iżda ma rnexxiex. Minħabba f’hekk l-Awtoritajiet kienu ddecidew li jitħallew Malta minnflok jinqatlu.
Dwar l-annimali l-oħra ta’ min ifakkar illi l-illegalita` fil-post privat in kwistjoni seħħet mhux meta nġabu l-annimali per se u nżammu ġo stabbiliment privat, iżda meta l-istess stabbiliment infetaħ għall-pubbliku għal aktar minn sebgħat ijiem f’sena u b’saħħa t’hekk sar
zoo
illegali u mhux iktar kollezzjoni privata.