Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjoni – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, minħabba li għandu problema rigward pensjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru ingħataw separatament, ingħata l-attenzjoni meħtieġa u ġie solvut.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — użu tat-tieni karozza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tieni karozza li kien juża l-Ministru jew xi ħadd awtorizzat minnu bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013 kenitx tinkera jew kenitx mixtrija mill-Gvern? Jista’ jgħid liema mudell kienet din il-karozza? F’każ li l-karozza kienet mikrija, x’kienet l-ispiża xahar b’xahar matul l-istess perjodu? Kemm kienet l-ispiża f’każ li l-karozza kienet inxtrat mill-Gvern u meta nxtrat? Jista’ jgħid x’kienu l-ispejjeż fuq xogħlijiet ta’ tiswijiet li saru fuq din l-istess karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq kiri ta’ karozzi li ntużaw minflok it-tieni karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża u kemm intuża petrol jew diesel bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013, xahar b’xahar b’mod separat, għat-tieni karozza li għamel użu minnha l-Ministru jew xi ħadd awtorizzat minnu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – għoti ta’ kuntratt lill-individwu

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti kollha (servizzi jew xogħol) li ngħata l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew l-uffiċċju legali tiegħu fl-entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istess Ministeru bejn Marzu 2013 u Novembru 2015? X’inhuma l-valuri ta’ dawn il-kuntratti u meta ngħataw? F’kull każ, kienx riżultat ta’ direct order jew le?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kien hemm żewġ okkażjonijiet fejn l-individwu/kumpanija li d-dettalji dwaru qed jingħataw b’mod separat, ingħata 2 kuntratti. L-ispiża totali tammonta għal € 3,274. Il-kuntratti ngħataw skont ir-regoli tal-“procurement” tal-Gvern.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – għoti ta’ kuntratt lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti kollha (servizzi jew xogħol) li ngħatat l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tiegħu fl-entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istess Ministeru bejn Marzu 2013 u Novembru 2015? X’inhuma l-valuri ta’ dawn il-kuntratti u meta ngħataw? F’kull każ, kienx riżultat ta’ direct order jew le?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha tal-Ministeru ma taw l-ebda kuntratt ta’ servizzi jew xogħol bejn Marzu 2013 u Novembru 2015 lill-Kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament.

Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva – għoti ta’ kuntratt lill-individwu

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti kollha (servizzi jew xogħol) li ngħata l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew l-uffiċċju legali tiegħu fl-entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istess Segretarjat Parlamentari bejn Marzu 2013 u Novembru 2015? X’inhuma l-valuri ta’ dawn il-kuntratti u meta ngħataw? F’kull każ, kienx riżultat ta’ direct order jew le?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’żieda max-xogħlijiet imsemmija fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22008, ma ngħataw ebda xogħlijiet oħra skont kif mitlub minnu.

Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva – għoti ta’ kuntratt lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti kollha (servizzi jew xogħol) li ngħatat l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tiegħu fl-entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istess Segretarjat Parlamentari bejn Marzu 2013 u Novembru 2015? X’inhuma l-valuri ta’ dawn il-kuntratti u meta ngħataw? F’kull każ, kienx riżultat ta’ direct order jew le?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita’ u Anzjanita’ Attiva, qatt ma għamel użu mis-servizzi tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw b’mod separat.

Il-Belt – twaqqif tas-servizz ta’ home help

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni, bejn Novembru 2015 u Jannar 2016, numru ta’ anzjani mill-Belt Valletta twaqqfilhom is-servizz ta’ home help b’mod temporanju jew permanenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Impjegati fis-settur tal-home help trasferiti għaċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-ħaddiema li spiċċaw jagħtu s-servizz tagħhom fis-settur tal-home help u issa qed jaħdmu fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal-liema perjodu qed jirreferi.

Djar tal-Anzjani – anzjani mneħħija minn fuq il-lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-persuni anzjani li isimhom tneħħa minn fuq il-lista ta’ stennija bla ma daħlu f’xi waħda mid-djar tal-anzjani inkella fir-Residenza San Vinċenz de Paul bejn April 2013 u Diċembru 2015 (apparti dawk li mietu fl-istess perjodu)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, bejn April 2013 u Diċembru 2015, id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita, ircieva b’total ta’ 3825–il applikazzjoni għal dħul f’residenza tal-Gvern, għall-anzjani. Sal-lum hemm 1360 persuna fuq il-lista ta’ stennija. Hemm ukoll total ta’ 768 –il applikazzjoni on hold għal raġunijiet differenti, fosthom li, l-applikant ma’ jkunx interessat li jidħol f’residenza għall-anzjani b’effett immedjat meta tingħata din il-possibilita`. Raġuni oħra hija li fl-assessment jirrizulta li l-persuna ma tkunx eleġibbli għal dan is-servizz fl-immedjat, hekk kif tkun ġiet ikklasifikata indipendenti. Dawn l-applikanti madanakollu, jibbenifikaw mis-servizzi fil-komunita; dejjem skont il-każ ikkonċernat. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-ebda applikazzjoni ma’ tiġi ikkanċellata sakemm ma jkunx hemm talba speċifika mill-applikant. Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kien hemm ukoll, 158 –il applikant, fejn l-applikazzjoni tagħhom ġiet irtirata mill-individwi infushom, fuq bażi volontarja.

Night Shelters – anzjani — użu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani li bħalissa qed jagħmlu użu mis-servizz tan-night shelters f’Malta u Għawdex? Jista’ jagħti din l-informazzjoni b’mod separat għal kull night shelter?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent qed jattendu 24–il anzjan fin-Night Shelters li ġew imwaqqfa ġewwa Malta u Għawdex, skont kif spjegat hawn taħt: · Fin- Night Shelter taż-Żejtun qed jattendu 8 anzjani; · Fin- Night Shelter tar-Residenza San Vinċenz de Paule qed jattendu 8 anzjani; · Fin- Night Shelter tal-Mellieħa qed jattendu 3 anzjani; · Fin- Night Shelter tal-Ħamrun qed jattendi anzjan (1) wieħed; · Fin- Night Shelter ta’ Għajnsielem - qed jattendu 4 Anzjani.

Pajjiżi Barranin — proċess għal-adozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jindika ma' liema pajjiżi barranin il-Gvern Malti laħaq ftehim matul is-snin 2014 u 2015 sabiex koppji/individwi Maltin ikunu jistgħu jibdew il-proċess ta' adozzjoni ta' tfal minn barra l-pajjiż?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sabiex koppji/individwi Maltin ikunu jistgħu jibdew il-proċess ta’ adozzjoni ta’ tfal minn barra l-pajjiż, il-Gvern Malti, matul l-2014 u l-2015, laħaq ftehim mas-Slovakkja (fit-23 ta’ Jannar 2014), kif ukoll mal-Vjetnam (fis-27 ta’ Ġunju 2015).

Awtorità tad-Djar — kundizzjonijiet fuq applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kundizzjonijiet li jiġu mposti mill-Awtorità tad-Djar meta applikant japplika mal-Awtorità tad-Djar għal fidi ta' ċens rigward bċejjeċ ta' art mogħtija mill-Awtorità b'ċens temporanju, jew b'ċens temporanju li wara ġie konvertit f'wieħed perpetwu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar qatt ma kellha każijiet fejn l-applikant japplika mal-Awtorità tad-Djar għal fidi ta’ ċens rigward bċejjeċ ta' art mogħtija mill-Awtorità b'ċens temporanju, jew b'ċens temporanju li wara ġie konvertit f'wieħed perpetwu. Jekk l-Awtorità ikollha talbiet simili fil-futur, l-Awtorità tikkunsidrahom skont pariri legali li tikseb.

Awtorità tad-Djar — fidi ta' ċens

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar tippermettix li l-persuni li jkunu fdew iċ-ċens rigward bċejjeċ ta' art mogħtija mill-Awtorità tad-Djar b'ċens temporanju, jew b'ċens temporanju li wara ġie konvertit f'wieħed perpetwu, jinħallu mill-obbligi kollha li joħorġu mill-kuntratt oriġinali tal-konċessjoni enfitewtika? Jekk iva, jista' jgħid liema huma l-kundizzjonijiet li dawn l-applikanti jistgħu jinħallu minnhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar qatt ma kellha każijiet fejn l-persuni li jkunu fdew iċ-ċens rigward bċejjeċ ta' art mogħtija mill-Awtorità tad-Djar b'ċens temporanju, jew b'ċens temporanju li wara ġie konvertit f'wieħed perpetwu, jinħallu mill-obbligi kollha li joħorġu mill-kuntratt oriġinali tal-konċessjoni enfitewtika. Jekk l-Awtorità ikollha talbiet simili fil-futur, l-Awtorità tikkunsidrahom skont pariri legali li tikseb.

Awtorità tad-Djar — fidi ta' ċens

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il fidi ta' ċens rigward bċejjeċ ta' art mogħtija mill-Awtorità tad-Djar b'ċens temporanju jew b'ċens temporanju li wara ġie konvertit f'wieħed perpetwu sar mis-sena 2013 sal-lum permezz ta' ċedola ta' depożitu fil-Qrati ta' Malta sena b'sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, mill-informazzjoni li għandha l-Awtorità tad-Djar, l-Awtorità qatt ma tat bċejjeċ ta’ art b’ċens temporanju jew b’ċens temporanju li wara ġie konvertit f’wieħed perpetwu.

Tqassim ta’ ikel — introduzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se terġa’ tiġi introdotta mill-ġdid is-sistema tat-tqassim t’ikel għal dawk il-persuni li jinsabu fuq l-għajnuna soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul ix-xahar ta’ Diċembru 2015, dawk kollha intitolati għall-għotja ta’ ikel taħt il-Programm ġdid iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea magħruf aħjar bħala Fund for European Aid to the Most Deprived (FEAD), kienu mgħarrfa b’dan permezz ta’ ittra. Huma kienu mgħarrfa wkoll meta u minn fejn għandhom jiġbru l-pakkett/i tal-ikel tagħhom. Skont il-kriterji stabbiliti fil-Programm Operattiv kif maqbula mal-Kummissjoni Ewropea, it-tqassim tal-ikel taħt dan il-Programm ġdid ser isir biss lil dawk il-familji (households) li huma meqjusa l-aktar fil-bżonn. Se jkun hemm skema oħra “in parallel” dwar tqassim ta’ ikel minn fondi pubbliċi li ser tkun qed tolqot persuni oġra li huma anqas fil-bżonn.

Persuni li applikaw għall-pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn persuni li applikaw għall-pensjoni wara li daru bil-ġenituri jew b’persuna b’diżabilità u għax kellhom flus il-bank, ma ħadux benefiċċju?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li mill-bidu tas-sena 2015 kien hemm 59 –il applikazzjoni għall-Pensjoni tal-Wens li minnhom 36 ġew rifjutati. Applikazzjoni tal-Pensjoni tal-Wens tiġi rifjutata jekk il-mezzi jew il-kapital jaqbżu l-iskala jew jekk il-pazjent ma jkunx kostrett f’sodda jew f’wheelchair. Kien hemm ukoll 79 –il applikazzjoni għall-Għajnuna Soċjali għal Carers li minnhom 26 ġew aċċettati filwaqt li 53 ġew rifjutati, parti għax il-mezzi kienu jeċċedu l-iskala u parti għaliex il-pazjent ma kellux bżonn kura u attenzjoni ta’ carer.

Pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li jieħdu pensjoni talli jieħdu ħsieb lill-ġenituri jew persuna b’diżabilità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont l-aħħar pagament li sar fl-14 ta’ Novembru 2015, in-numru ta’ persuni li jieħdu Pensjoni tal-Wens, għaliex jieħdu ħsieb lill-ġenituri jew persuna b’diżabilità li huma kostretti jgħixu f’sodda jew wheelchair, kien ta’ 89. Minbarra dawn, kien hemm ukoll 271 benefiċjarju li qed jieħdu l-Għajnuna Soċjali għal Carers għar-raġuni li qegħdin jieħdu ħsieb pazjent illi mhux bilfors huwa kostrett li jgħix f’sodda jew wheelchair.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – reklamar fuq media

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallas s’issa f’reklamar (li jinkludu reklami fuq television, radio, gazzetti u l-online portals, kif ukoll google adverts jew permezz ta’ kwalunkwe medium ieħor) mill-Ministeru kif ukoll minn kwalunkwe dipartiment, awtorità u entità oħra li taqa’ taħtu mill-1 ta’ April 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba l-mistoqsija parlamentari, kif ukoll il-valur tar-reklami li għadhom ma tħallsux imma huma bbukjati? Jista’ jgħid jekk dawn ir-reklami tħallsux jew hux se jitħallsu minn Fondi Ewropej, jew jekk tħallsux jew se jitħallsu minn xi fond ieħor? Jista’ jgħid kemm hu l-ammont li tħallas jew se jitħallas minn kull fond imsemmi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Is-Swieqi – numru ta’ serqiet irraportati – sapport lill-vittmi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari dwar in-numru ta’ serqiet li dan l-aħħar ġew irraportati fi Swieqi, jista’ l-Ministru jgħid x’għajnuna u x’tip ta’ sapport qed tingħata lill-vittmi? Qegħdin jingħataw sapport għat-trawma li jkunu għaddew minnha?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 21425.

Programm FEAD

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena bediex jitħaddem il-programm iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea magħruf bħala FEAD (Fund for European Aid to the most Deprived)? Jekk iva, jista' jgħid meta beda jitħaddem (data preċiża)? Jista' jgħid fejn se jingħata ikel lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà? Jekk dan il-programm għadu ma bediex jitħaddem u n-nies għadhom qed jistennew, jista' jagħti data u jikkommetti ruħu meta se jibda jitqassam l-ikel tant mistenni minn nies vulnerabbli?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tqassim tal-ikel taħt il-programm FEAD li hu ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea ser isir għall-ewwel darba fil-ġimgħa li tibda mit-18 ta’ Jannar 2016. F’dan ir-rigward, niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li dawk kollha eliġibbli li jirċievu dan l-ikel taħt il-programm FEAD diġa ġew informati permezz ta’ ittra li għandhom jiġbru dan l-ikel matul il-ġimgħa msemmija hawn fuq. It-tqassim ta’ dan l-ikel ser isir minn sbatax il-ċentru ta’ distribuzzjoni mifruxin madwar Malta u Għawdex.