Legislature:
Category:
Reset
Active:

Book fund — kittieba

Question

Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ kittieba li gawdew mill-Book Fund li ġiet varata f’Mejju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li kien hemm 12-il applikazzjoni li ġew aċċettati ta' pubblikaturi u kittieba differenti. Dawn il-pubblikaturi u l-kittieba ibbenefikaw mill-fondi tal-Malta Book Fund.

ETC – persuni li attendew kors

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il persuna attendew xi tip ta’ kors mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ minn Marzu 2013 ‘l hawn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li 11,482 persuna attendew xi tip ta' kors mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ minn Marzu 2013 'l hawn. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bil-korsijiet li ngħataw.

Dipartiment tal-Lifelong Learning – taħriġ u korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il persuna attendiet xi tip ta’ taħriġ jew kors mad-Dipartiment tal-Lifelong Learning minn Marzu 2013 ‘l hawn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif se nsemmi: Sena Akkademika Ottubru 2012 – Mejju 2013 14,521 persuna Sena Akkademika Ottubru 2013 – Mejju 2014 14,718-il persuna Sena Akkademika Ottubru 2014 – Mejju 2015 17,288 persuna Iċ-ċifra totali ta’ kemm applikaw studenti għal korsijiet tad-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u Studenti li Jħallu l-Iskola Kmieni għas-sena akkademika Ottubru 2015-Mejju 2016 għadha mhix finali. Dan ukoll peress li f’Diċembru dan id-Direttorat joħroġ applikazzjonijiet oħra għal korsijiet qosra li jibdew fi Frar. Għaldaqstant, ċifra approssimattiva tkun tista’ tingħata fl-ewwel ġimgħa ta’ Frar 2016.

Settur Privat — investiment

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm kien l-investiment f’taħriġ għas-settur privat minn Marzu 2013 ‘l hawn? Kemm kienu l-kumpaniji li gawdew minn dan l-investiment u n-numru ta’ ħaddiema li ngħataw dan it-taħriġ? F’liema industriji prinċipali seħħ dan it-taħriġ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 'l hawn kien hemm 401 kumpaniji li ngħataw 1,395 grant b'valur ta' €1,944,993.26. In-numru ta' ħaddiema li ngħataw taħriġ kien ta' 11,792. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella dettaljata bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — assistent parlamentari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kien l-assistent parlamentari li kien jassisti lill-Ministru bejn l-2008 sal-2013 ? X'kien il-pakkett finanzjarju tal-assistent parlamentari? Jista’ jiġi ppreżentat rapport dettaljat dwar il-ħidma li kien għamel l-assistent parlamentari?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Onorevoli Stephen Spiteri kien jassisti lill-Ministru bħala Assistent Parlamentari bejn l-2010 u l-2013. L-Onorevoli Spiteri ma tħallasx dirett mill-Ministeru tal-Edukazzjoni iżda l-Ministeru kien jgħaddi lill-Uffiċċju tal-Parlament schedule tal-pagamenti kif indikat fit-tabella t’hawn taħt. 10.03.2010 – 31.12.2010 € 4,660.87 01.01.2011 – 31.12.2011 € 5,736.77 01.01.2012 – 31.12.2012 € 5,798.97 01.01.2013 – 28.01.2013 € 99.18 Total €16,295.79 Il-Ministeru m'għandux informazzjoni li fuqha jista' jippreżenta rapport dettaljat dwar il-ħidma li kien għamel l-Assistent Parlamentari f'dan il-Ministeru.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — spejjeż fuq ikliet, festini, riċevimenti u catering

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ispiża tal-Ministeru tiegħu inkluż entitajiet, fuq ikliet, festini, riċevimenti u attivitajiet ta' cateringminn Marzu 2003 sa Marzu 2013? Jista' jagħti ftit informazzjoni x'kienet l-okkazzjoni u min kien il-fornitur tal-spiża tal-attività? Jista' wkoll jgħid ix-xogħol ħadux b'tender, kwotazzjoni jew b'mod dirett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Bi tweġiba għal din il-mistoqsija, ninsab infurmat mid-Direttorat tal-Operat u l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru tiegħi li l-ispejjeż fuq ikliet, festini, riċevimenti u attivitajiet ta’ catering minn Marzu 2003 sa Marzu 2013 hu kif muri fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif se nsemmi: Tabella ‘A’ - Ministeru tal-Edukazzjoni/Direttorati/Dipartimenti Tabella ‘B’ - l-Università ta’ Malta Tabella ‘C’ - Kulleġġ Malta tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija Tabella ‘D’ - Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ Tabella ‘E’ - Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea Tabella ‘F’ - Kunsill Malti għall-Isport Tabella ‘G’ - Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Tabella ‘H’ - Arkivji Nazzjonali Tabella ‘I’ - ħames entitajiet li huma: Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, Malta Libraries, Aġenzija Żgħażagħ, Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada u Malta Racing Club. Dwar Tabella ‘A’, infurmat mid-Direttorat tal-Operat illi mhuwiex possibbli li tingħata informazzjoni dwar x’kienet l-okkażjoni u b’liema mod ingħata x-xogħol. Għalhekk, mhuwiex possibbli li tingħata l-informazzjoni okkażjoni b’okkażjoni.

Università ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu persuni fl-Università ta’ Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika l-perjodu li għalih qiegħed jitlob l-informazzjoni u wkoll liema kategorija ta’ persuni qiegħed jitlob tagħrif dwarhom.

Skejjel Statali – suġġett tal-Etika

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-introduzzjoni tas-suġġett tal-etika fl-iskejjel statali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-suġġett tal-Etika beda bħala proġett pilota f’erba’ skejjel (tnejn Sekondarja - Forms 1 u 2, u tnejn Primarja Years 1 u 2) fl-2014/2015. Tħarrġu numru ta’ għalliema sabiex ikunu jistgħu jgħallmu dan is-suġġett. Inkitbu wkoll il-Learning Outcomes ta’ dan is-suġġett mill-Primarja sas-Sekondarja. Twasslet applikazzjoni għand il-Matsec, sabiex dan is-suġġett jibda jiġi assessjat bħala SEC fis-snin li ġejjin. Matul l-2015/2016, il-programm pilota se jkompli fil-Form 3 u fil-Year 3, fl-istess erba’ skejjel. Huwa maħsub li mill-2016/2017, dan is-suġġett jinfirex f’numru akbar ta’ skejjel.

Università ta’ Malta – Inizjattiva TakeOff

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-inizjattiva TAKEOFF fl-Università ta’ Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar din l-inizjattiva hemm Powerpoint Presentation f’din il-link: https://www.slideshare.net/secret/4SPfAPBkhHxYW5 li taghti rendikont tajjeb tal-inizjattiva TAKEOFF, kif ukoll il-progress milħuq kemm ilu li nfetaħ dan l-Inkubatur f’April tas-sena l-oħra. L-informazzjoni fil-qosor hi kif ġej: 1. TAKEOFF fetaħ f’April 2014 biex jagħti għajnuna lil start-ups ibbażati fuq it-teknoloġija u li jħarsu lejn swieq internazzjonali, ħalli jibdew joperaw, jiżviluppaw u eventwalment jilħqu pożizzjoni fejn jattiraw l-investiment privat. 2. L-għan ta’ TAKEOFF hu li jaċċetta intraprendituri li għandhom kapaċitajiet tajbin u attitudni li jirnexxu, jipprovdilhom ambjent ta’ sapport, ilaqqagħhom ma’ kuntatti siewja, jipprovdilhom opportunitajiet għal edukazzjoni iffukat, u kemm jista’ jkun malajr, jivvalida jekk il- business model tagħhom huwiex vijabbli jew le. 3. Fl-ewwel 18-il xahar TAKEOFF laqa’ xi 160 applikazzjoni, li minnhom ġew aċċettati 25 proġett. Bħalissa hemm 16-il start-up fl-inkubatur, li b’kollox jinvolvu 63 persuna. 4. TAKOFF jista’ jipprovdi spazju għal xi 20 start-up . 5. TAKEOFF joffri servizzi ta’ sapport li jinkludu l- marketing , il- business development , u konsultazzjoni legali. 6. F’kollaborazzjoni mal-MEIB, ġiet organizzata it-TAKEOFF Seed Fund Award fl-2014 u l-2015, u b’kollox tqassmu €200,000 lis-16-il proġett rebbieħ. 7. Flimkien ma’ kollaboraturi bħal EY u l-MCA, TAKEOFF torganizza aktar minn 20 attività fis-sena fejn kelliema lokali u internazzjoni jagħtu taħdidiet u workshops ta’ interess għall-komunità intraprenditorjali. 8. TAKEOFF tgħin l-i start-ups biex jilħqu klijenti u investituri kemm Maltin kif ukoll barranin. Bħala inkubatur ninvestu ħafna biex inkabbru n-netwerk ta’ kuntatti u jistgħu jkunu ta’ għajnuna u sapport għall-intraprendituri. 9. Fil-fatt għandna lista ta’ aktar minn 25 persuna ta’ esperjenza f’dan il-qasam li jgħinu lill-i start-ups tagħna b’pariri u billi jipprovdulhom kuntatti u aċċess. 10. Eżempji ta’ start-ups membri ta’ TAKEOFF li għamlu xi suċċess f’dawn l-aħħar xhur huma: · Mighty Box, li ġabru aktar minn $346,000 f’kampanja ta’ crowdfunding ; · DiscountIF, li ġabru aktar minn €300,000 f’investiment privat; · Oulala, li ġabru ‘l fuq minn €700,000 f’investiment kapitali; u · Thought3D, li żviluppaw kolla innovattiva għat- 3D printers li qed tintlaqa’ tajjeb ħafna u tqajjem interess kbir fil-komunità internazzjonali tad- 3D printing . 11. TAKEOFF qed taħdem fil-qrib ma’ entitajiet oħra involuti fil-qasam tal-intraprenditorija, kemm lokali, bħalma huma il- Malta Enterprise , il-MITA, il-MEIB, Microsoft Malta, EY, KPMG, PWC, JCI, u JA-YE, kif ukoll internazzjonali, bħal Google, Amazon, European Innovation Academy u Go Beyond.

Ġlieda kontra l-Obeżita u miżuri favur l-attività fiżika

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ x’miżuri se jittieħdu favur l-attività fiżika u fil-ġlieda kontra l-obeżità mis-sena skolastika 15/16?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fi Frar 2015 il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, flimkien mal-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa, nieda A Whole School Approach to a Healthy Lifestyle: Healthy Eating and Physical Activity National Policy. Din il-policy tippromwovi li t-tfal jieklu ikel san u bnin u li jagħmlu eżerċizzju fiżiku. Qed jigi mfassal pjan ta’ implimentazzjoni. Sadanittant, numru ta’ inizjattivi deħlin fis-seħħ fl-iskejjel minn din is-sena biex jippromovu l-ikel bnin kif ukoll eżerċizzju. Diversi partijiet interessati bħal assoċjazzjonijiet tal-isports se jieħdu sehem biex irawwmu interess fl-eżerċizzju. Il-miżuri u inizjattivi li se jittieħdu huma: · Il-ftuħ tas-Sena Skolastika 2015/16 se jara lil 46,000 student minn ħames snin sa sittax-il sena fl-iskejjel kollha f’Malta u Għawdex jipparteċipaw fl-istudju tal-BMI. Dan se jgħin sabiex jagħti stampa tas-sitwazzjoni preżenti. · Se titnieda kampanja favur politika ta’ xorb ta’ ilma biss fl-Iskejjel, flimkien mad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard. · Se jitnieda kunċett ġdid ta’ Edukazzjoni Fizika li se jwassal għall-iżvilupp ta’ litterizmu fiżiku fost l-istudenti fil-livell Primarju. L-għalliema tal-klassi se jingħataw linji gwida bħala riżors fejn permezz tal-attività fiżika se jiġu mgħallma kunċetti minn suġġetti oħrajn. · Żdiedu l-għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika f’kull Kulleġġ fil-livell Primarju, filwaqt li fil-livell Sekondarju ġew ingaġġati 20 għalliem ġdid, kollha gradwati ġodda. Dan hu l-akbar investiment f’rizorsi umani fl-Edukazzjoni Fizika f’dawn l-aħħar snin. · Se tiġi mnedija skeda ġdid mill-Kunsill Malti Għall-Isport fejn Assoċjazzjonijiet Sportivi se jingħataw l-opportunità li jżuru l-Iskejjel sabiex jippromovu l-isport tagħhom. L-interess min-naħa tal-Assoċjazzjonijiet huwa wieħed sostanzjali. · Se jitkomplew festivals ta’ sports varji bejn l-Iskejjel fil-livell Primarju filwaqt li fil-livell Sekondarju se jsiru kompetizzjonijiet sportivi li jilħqu l-qofol tagħhom f’nofs Mejju. Dawn l-attivitajiet se jinkludu wkoll il-parteċipazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti. · Se jitnieda proġett ta’ mass movement fl-Iskejjel Sekondarji waqt il-ħin ta’ rekreazzjoni għall-istudenti flimkien mad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard. · Permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewopeja se jsir investiment sostanzjali f’tagħmir speċjalizzat u riżorsi oħra fil-qasam tal-Edukazzjoni Fizika. Se tingħata prijorità għal rizorsi li jistgħu jintużaw ġewwa sabiex jikkumpensaw f’każ ta’ maltemp. · Se jkun hemm għalliema responsabbli għall-attivitajiet sportivi f’kull Kulleġġ, permezz tal-Isport Promotion Unit (SPU) fi ħdan il-Kunsill Malti Għall-Isport.

Skola tal-Mużika – xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħol infrastrutturali fl-Iskola tal-Mużika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru xogħlijiet fl-iskola M’Assumpta sabiex parti mill-binja tkun tista’ tiġi utilizzata mill-Iskola tal-Muzika. Dawn ix-xogħlijiet jinkludu: 1. Alterazzjonijiet interni b’ħitan tal-gypsum sabiex inħolqu l-kmamar sound proof għal tagħlim fi gruppi żgħar u one-to-one; 2. Xogħol estensiv fuq is-sistema tal-elettriku u tal-ilma; 3. Toilets ġodda f’kull sular; 4. Bibien ġodda għall-kmamar kollha f’kull sular; 5. Soffitti ġodda f’kull kamra għal raġunijiet estetetiċi, soundproofing u akustika; 6. Tibjid tal-iskola kollha minn ġewwa; 7. Tiswija ta’ konkos imfaqqa’ li kien hemm f’partijiet tal-faċċata u bdil ta’ partijiet minnu bi planki pre-cast; 8. Manutenzjoni estensiva tal-faċċata tal-iskola kollha tal-iskola minn barra; 9. Sistema ta’ dawl fuq barra tal-iskola sabiex il-passaġġ mill-gate sal-iskola u mill-iskola sal-parking intern ikun imdawwal tajjeb; 10. Tneħħija ta’ rampa għolja tal-konkos li kien hemm mal-art quddiem il-gate prinċipali u li kienet qed tagħmel ħsara lill-karozzi, u li ġiet mibdula b’rampa iktar baxxa tal-lastiku; 11. Soft furnishing ġenerali tal-iskola.

Qasam tal-Arti u Sport – boroż ta’ studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il borza ta’ studju ngħatat fil-Qasam tal-Arti u Sport minn Marzu 2013, u x'inhi l-istima tal-valur kumplessiv tagħhom sa ma dawn jiġu fi tmiem l-istudji tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li taħt l-iskema Malta Arts Scholarship Scheme ingħataw 33 borża ta’ studju bejn Marzu 2013 u Settembru 2015. Il-valur kumplessiv tagħhom jammonta għal 820 elf Euro. Taħt l-iskema Malta Sports Scholarships Scheme minn Marzu 2013 sa Settembru 2014 ingħataw 25 borża ta’ studju li l-valur kumplessiv tagħhom jammonta għal 240 elf Euro. Ir-rebbieħa tal-boroż ta’ studju fil-qasam sportiv ta’ din is-sena se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin.

Undergraduate Masters – boroż ta’ studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il borża ta’ studju ngħatat minn Marzu 2013 f’livell ta’ undergraduate masters u l-istima tal-valur kumplessiv tagħhom sa ma dawn jiġu fi tmiem l-istudji tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 ingħataw 30 borża ta’ studju fil-livell undergraduate taħt l-iskema STAR – Scholarships to Achieve Results in ICT and Finanacial Services għall-valur kumplessiv ta’ erba’ mija u tletin elf Euro (€430,000.00). Ingħataw ukoll 238 borża ta’ studju lil studenti żgħażagħ oħra taħt l-iskemi Malta Government Scholarships Scheme – Undergraduate u l- Malta Government Undergraduate Scheme għall-valur kumplessiv ta’ aktar minn nofs miljun Euro (500,000.00 Euro). Minn Marzu 2013 ingħataw 651 borża ta’ studju fil-livell ta’ Masters taħt l-iskema MASTER it! għall-valur kumplessiv ta’ kwazi ħames miljun Euro li 80% tal-valur tagħhom huma fondi tal-Unjoni Ewropea u 20% minn fondi lokali. 59 borża ta’ studju oħra fil-livell ta’ Masters ingħataw ukoll taħt l-iskema Malta Government Scholarships Scheme – Post Graduate – MGSS PG bejn Marzu 2013 u Settembru 2014 għall-valur kumplessiv ta’ madwar €300,000.00.

Nisa — impjiegi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19706, jista’ l-Ministru jindika f’liema impjieg ġew ingaġġati nisa fuq bażi part-time mas-settur pubbliku? Jista’ jindika b’mod separat l-istess informazzjoni għar-rigward tan-nisa li daħlu lura għax-xogħol wara iktar minn erba’ snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru kemm kien hemm nisa li bdew jaħdmu fis-sena 2014 fuq bażi part-time mas-settur pubbliku. It-tabelli juru wkoll f’liema kategorija ta' xogħol dawn in-nisa qed jaħdmu.

Qasam tax-xogħol – persuni attivi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il persuna kienet attiva fil-qasam tax-xogħol f’dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, in-numru ta' persuni li kienu jaħdmu fl-aħħar ta' Diċembru tal-aħħar għaxar snin u fl-aħħar ta’ April 2015 (l-aktar data riċenti ta’ pubblikazzjoni ta’ statistika dwar persuni fl-impjieg), kien kif ġej: Full-time Part-Time Only Total Diċembru 2005 138,685 21,565 160,250 Diċembru 2006 140,462 23,060 163,522 Diċembru 2007 143,313 24,724 168,037 Diċembru 2008 146,050 25,828 171,878 Diċembru 2009 144,878 27,052 171,930 Diċembru 2010 147,736 28,103 175,839 Diċembru 2011 150,556 29,785 180,341 Diċembru 2012 152,682 31,646 184,328 Diċembru 2013 159,328 33,295 192,623 Diċembru 2014 165,443 34,057 199,500 April 2015 168,840 33,987 202,827

Persuni bi bżonnijiet speċjali – attività fil-qasam tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il persuna bi bżonnijiet speċjali kienet attiva fil-qasam tax-xogħol f’dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, in-numru ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali (Registered Disabled Persons) li kienu jaħdmu fl-aħħar ta’ Diċembru tal-aħħar għaxar snin u fl-aħħar ta’ April 2015 (l-aktar data riċenti ta’ pubblikazzjoni ta’ statistika dwar persuni fl-impjieg), kien kif ġej: Full-Time Part-Time Only Total Diċembru 2005 1,251 193 1,444 Diċembru 2006 1,198 198 1,396 Diċembru 2007 1,139 220 1,359 Diċembru 2008 1,135 236 1,371 Diċembru 2009 1,077 230 1,307 Diċembru 2010 1,075 231 1,306 Diċembru 2011 1,072 244 1,316 Diċembru 2012 1,022 253 1,275 Diċembru 2013 1,014 250 1,264 Diċembru 2014 1,039 276 1,315 April 2015 1,060 266 1,326

Studenti – maintenance grants – rendikont ta’ nefqa diretta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa diretta lill-istudenti bħala maintenance grants u stipendji f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-nefqa globali ta’ għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti għas-snin 2010 sal-2014 kienet kif ġej: Sena Total għal kull sena kalendarja 2010 € 21,507,862.53 2011 € 21,933,162.19 2012 € 22,496,649.60 2013 € 22,863,084.26 2014 € 27,171,385.41 In-nefqa fis-sena 2015 sal-istipendju ta’ Awwissu kienet ta’ €14,188,728.98.

Revision Classes – persuni li gawdew

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il persuna gawdiet mir-Revision Classes b’xejn minn mindu tnediet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li total ta’ 1328 student/studenta bbenefikaw mill-inizjattiva tar-Revision Classes b’xejn.

Ħal Kirkop – proġett ta’ middle school

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-proġett tal-middle school ġewwa Ħal Kirkop?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddej ix-xogħol ta’ kostruzzjoni tal-middle school ġewwa Ħal Kirkop fejn l-imsemmi xogħol qed jiġi mmonitorjat minn Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali peress li nstabu fdalijiet arkeoloġiċi fuq is-sit. It- tender għall-provvista u installazzjoni ta’ servizzi mekkaniċi u tal-elettriku ġiet ippubblikata. Huwa ppjanat li din l-iskola tilqa’ l-ewwel studenti tagħha f’Settembru 2016.

Pembroke – proġett ta’ skola nazzjonali tal-isport

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-proġett ta’ Skola nazzjonali tal-Isport f’Pembroke?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iskola nazzjonali tal-Isports f’Pembroke laqgħet l-istudenti tagħha fit-28 ta’ Settembru 2015. Din l-iskola għandha sala tal-isports li hija mifruxa fuq 1400 metru kwadru. Dan l-ispazju jippermetti li jkun hemm tmien badminton courts jew żewġ basketball courts jew erba’ volleyball courts li jkunu jistgħu jintużaw simultanjament għas-sessjoni tat-taħriġ. Numru varjat ieħor ta’ attività sportiva tista’ wkoll tiġi akkomodata f’din is-sala. Hemm ukoll sala oħra sekondarja bi spazju ta’ 560 metru kwadru li se takkomoda l-gymnastics. L-iskola tinkorpora wkoll laboratorji ta’ xjenza, fiżika, bioloġija u kompjuter, flimkien ma’ librerija, kmamar tal-arti, klassijiet u l-faċilitajiet kollha neċessarji għall-operazzjoni ta’ skola sekondarja. Dawn huma maqsumin fuq tliet sulari, bl-ewwel sular ikopri prinċipalment l-i sports hall il-kbira, klassijiet u faċilitajiet anċillari; it-tieni sular ikopri s-sala sekondarja; u t-tielet u l-aħħar sular jinkludi aktar klassijiet u laboratorji neċessarji. L-iskola hija aċċessibli għal kulħadd u hija attrezzata b’ finishes moderni.