Jista' l-Ministru jirrisponi l-mistoqsija parlamentari numru 16422, li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi u li ġiet riferuta lilek, u cioe': Fir-rigward tar-rapport li deher fil-Financial Times tat-22 ta' Mejju, 2000 li Pedro Solbes, il-Kummissarju għall-Affarijiet Finanzjarji ta' l-Unjoni Ewropea ġie mwiegħed informalment minn sitt pajjiżi applikanti għal sħubija sħiħa fl-Unjoni li ma kienux ser ifittxu li jadottaw il-Euro sakemm ikunu saru membri sħaħ ta' l-Unjoni, jista' l-Ministru jgħid jekk Malta kinetx waħda minn dawn is-sitt pajjiżi?
Response (BORG, JOE)
Il-Gvern mhuwiex obbligat li jadotta l-EURO qabel ma Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropeja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm okkażjonijiet s'issa fejn iċ-ċentru informazzjoni Malta-EU ħareġ stqarrijiet biex jikkoreġi miż-informazzjoni u konklużjonijiet dwar il-vantaġġi tas-sħubija ta' Malta bħal, per eżempju, li ġejjin Lm100 miljun fis-sena malli sempliċement nirriattivaw l-applikazzjoni?
Response (BORG, JOE)
Iċ-Ċentru ta' Informazzjoni dwar Malta u l-Unjoni Ewropeja mhuwiex parti jew soġġett għall-awtorita' tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin iżda jagħti kont lill Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC). Dan jagħti aktar awtonomija liċ-Ċentru u jiżgura illi l-informazzjoni li jagħti tkun sħiħa u oġġettiva.
Ta' min jgħid illi li kieku l-partit li tiegħu jifforma parti l-Onorevoli Interpellant aċċetta li jipparteċipa fil-MEUSAC, kien ikun infurmat b'kollox dwar l-operat taċ-Ċentru ta' Informazzjoni.
Issa li ġew konklużi bosta kapitli fin-negozjati ma' l-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha dwar il-kapitli miftiemha ma' l-Unjoni Ewropea ħalli l-poplu jkun jaf ma' xiex u dwar xiex intrabat s'issa l-Gvern Malti ħalli jsir jaf effettivament xi ftiehem ma' l-Unjoni?
Response (BORG, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija numru 16469 u għad-dokumenti li ġew mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra minni fis-seduta numru 303 tat-30 ta' Mejju 2000.
Jista' l-Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari nru. 16389?
Response (BORG, JOE)
It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant għadu qed jinġabar u għaldaqstant m'għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 16389.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni dwar il-ħruq ta' l-ambaxxata Maltija f'Londra? Jikkonferma l-Ministru li hemm suspett ta' arson u li l-persuna suspettata minn dan il-ħruq intenzjonali kienet impjegata fl-ambaxxata?
Response (BORG, JOE)
B'risposta għall-mistoqsija numru 12108 datata 11 ta' Frar 1998, l-Onorevoli Interpellant kien mgħarraf li l-investigazzjoni min-naħa tal-Pulizija dwar il-każ tal-ħruq fil-Kummissjoni Għolja Maltija ġewwa Londra ġiet konkluża f'Marzu 1996. L-investigazzjoni tal-Pulizija stabbiliet li l-ħruq kien riżultat ta' arson u li l-persuna suspettata minn dan il-ħruq kienet impjegata fl-ambaxxata.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed jitħallas is-Sur Richard Cachia Caruana bħala ko-ordinatur ewlieni għan-negozjati ma' l-Unjoni Ewropea? Tista' titqiegħed kopja tal-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, JOE)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposti li tajt għall-mistoqsijiet numru 14090 u 15781.
Peress li f'Ġunju ta' din is-sena l-Malta House f'Londra, 36-38 Piccadilly tagħlaq ħames snin miftuħa, jista' l-Ministru jgħid għal dawn il-ħames snin, sena b'sena, kemm intefqu flus in konessjoni ma' din il-proprjeta', lil min u għaliex saret kull nefqa? Jekk il-gvern Malti, kera jew qiegħed jikri partijiet minn din il-proprjeta', xi flus tħallsu sena b'sena bħala kera, lill-gvern Malti?
Response (BORG, JOE)
Il-Malta House hi propjeta tal-Ministeru tal-Finanzi f'isem il-Gvern u ta' l-Air Malta. Il-Ministeru tiegħi sempliċement jikri tlett sulari f'Malta House li jintużaw bħala l-Kummissjoni Għolja u apparti il-kera li ħallas, li għas-sena 1999 hija ta' madwar Lm130,147 li tinkludi kera, service charge u VAT fis-sena, liema kera titħallas lill-kumpanija Malpro - (kumpanija li hija propjeta tal-Ministeru tal-Finanzi u l-Air Malta), la joħroġ u lanqas idaħħal flus minn din il-propjeta. Għalhekk nistieden l-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli.
Issa li qiegħed jingħad li fin-negozjat bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, se jingħalqu seba' mit-tmien kapitli li kienu qegħdin jiġu negozjati s'issa, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dokumenti li juri l-pożizzjoni li adottat Malta fin-negozjati fuq dawn l-oqsma u li skond kif huwa mifhum hija aċċettata anke mill-EU?
Response (BORG, JOE)
Id-deċiżjoni formali dwar l-għeluq tan-negozjati fuq seba' mit-tmien kapitoli li kienu qed jiġu negozjati s'issa, ser tittieħed fil-laqgħa fuq livell Ministerjali li għandha ssir fl-14 ta' Ġunju li ġej.
Saret rakkomandazzjoni f'dan is-sens fid-Deputies Meeting li nżamm fil-25 ta' Mejju, 2000.
Il-Common Positions dwar dawn il-kapitoli huma dokumenti tal-Unjoni Ewropeja, u għalhekk sta għall-Unjoni Ewropeja biex tippublikhom.
Rigward il-pożizzjoni li adottat Malta fin-negozjati fuq dawn is-seba' kapitoli, dawn ser jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex lest li jċedi u/jew inaqqas mir-regolamenti attwali tal-kaċċa u nsib kif inhuma llum, jekk mitlub jagħmel dan mill-Kummissjoni Ewropea u jekk iva, x'inhuma?
Response (BORG, JOE)
M'huwiex għaqli li wieħed jispekula fuq materji li ser ikunu s-suġġett ta' negozjati.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Ħaddiema ġodda
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 16214?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant. Nixtieq inżid li dawn l-impjegati qed jitħallsu mill-Vot tal-Ministeru.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 16265?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-relazzjoni ta' Malta ma' l-OECD hija waħda ta' ko-operazzzjoni f'oqsma ta' nteress komuni. S'issa ma ntefgħet ebda applikazzjoni biex Malta tissieħeb fl-OECD.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 16221?
Response (BORG, JOE)
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16221, naħseb li l-Onorevoli Membru qed jirreferi għall-grupp tan-negozjati, hekk imsejjaħ il-Core Negotiating Group. Dan hu kompost miċ-Chairman, is-Sur Richard Cachia Caruana u erba' membri oħra li huma l-Ambaxxatur Victor Camilleri, is-Sur Patrick Tabone, is-Sur Saviour Falzon u Dr Simon Busuttil.
Minbarra l-Ambaxxatur Victor Camilleri li hu residenti fil-Belġju, dan il-grupp akkompanja il-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin fi Brussell fil-15 ta' Frar ta' din is-sena għal ftuħ uffiċċjali tan-negozjati.
Is-Sur Richard Cachia Caruana mexxa delegazzjonijiet fi Brussell fit-28 ta' Marzu ta' din is-sena għall-hekk msejjħa l-ewwel Accession Conference. Akkumpanjawh, mill-Core Negotiating Group, l-Ambaxxatur Victor Camilleri, is-Sur Saviour Falzon u s-Sur Patrick Tabone. Is-Sur Cachia Caruana għadu kif mexxa delegazzjoni fi Brussell fil-25 ta' Mejju għat-tieni Accession Conference. Hawnekk kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur Victor Camilleri u minn Dr Simon Busuttil.
Is-Sur Richard Cachia Caruana kellu diskussjonijiet bilaterali ma' pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropeja matul din is-sena kif ġej:
Ir-Renju Unit f'Jannar; Spanja fi Frar; Franza f'Marzu; l-Isvezja u l-Portugal f'April; l-Italja u l-Ġermanja f'Mejju. Għaż-żjara tiegħu ġo l-Isvezja u l-Portugal, mill-Core Negotiating Group, hu kien akkumpanjat mis-Sur Saviour Falzon. Is-Sur Cachia Caruana mexxa wkoll diskussjonijiet bilaterali mall-Belġju, l-Olanda u l-Lussemburgu f'Mejju. Għal dawn id-diskussjonijiet, mill-Core Negotiating Group, hu kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur Victor Camilleri.
F'April ta' din is-sena is-Sur Cachia Caruana żar ir-Repubblika Ċeka għal diskussjonijeit bilaterali wkoll.
Is-Sur Cachia Caruana akkumpanja lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin fiż-żjara tiegħu fi Franza f'April ta' din is-sena.
Rigward kemm ġew jiswew dawn iż-żjarat, l-informazzjoni għada tinġabar u għaldaqstant id-dettalji jingħataw f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 16217?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar l-ispejjeż konnessi mal-proċess ta' screening mal-Unjoni Ewropeja fir-rigward tal-Uffiċċjali li ħadu sehem fil-proċess ta' l-iscreening ma' l-Unjoni Ewropeja kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant. Inżid ngħid li kif hija l-prassi min isiefer fuq xogħol uffiċċjali ma jingħatax spending money per se iżda jingħata per diem allowance skond rati stabiliti perjodikament mill-Uffiċċju ta' l-Management and Personnel Office. L-ispejjeż għas-safar li ħarġu mill-Vot ta' dan il-Ministeru sa l-aħħar ta' Jannar 2000 kienu madwar Lm38,755 li jinkludu l-ispejjeż tal-biljetti tal-ajru u l-allowances msemmija. Din iċ-ċifra hija proviżorja għar-raġuni li xi rendikonti ta' spejjeż għadhom ma ġewx sottomessi lill-Ministeru filwaqt li xi oħrajn għad iridu jiġu proċessati u jonqos xi skonti fuq spejjeż ta' l-ajru mill-Air Malta.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 16216?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għas-snin 1999-2000 ġew allokati Lm360,000 bħala kontribuzzjonijiet lill-Korpi Kostitwiti u Għaqdiet Rappreżentattivi inklużi NGO's. Somma sa massimu ta' Lm160,000 ġiet allokata fis-sena 1999 mill-Contingencies Fund permezz ta' Contingencies Fund Warrant maħruġ mill-Ministru tal-Finanzi. Somma ta' Lm200,000 ġiet allokata fil-vot ta' dan il-Ministeru kif jidher fl-Estimi Ġenerali għas-sena 2000.
Il-fondi allokati lil dawn l-għaqdiet fis-sena 1999 għadhom qed jitħallsu waqt li bdew jitħallsu parti minn dawk allokati għal din is-sena.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew allokati s'issa fondi għal NGOs bħala parti mir-riċerka u xogħol ieħor konness mas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea li dawn għamlu jew qed jagħmlu?
F'dan is-sens, jista' l-Ministru jgħid: (a) kif ġew allokati dawn il-fondi; (b) min kienu l-entitajiet u għaqdiet oħra li bbenefikaw minn dawn il-fondi; (ċ) meta ġew allokati dawn il-fondi; u (d) mil-liema fond dawn il-flus ittieħdu?
Response (BORG, JOE)
L-informazzjoni qed tinġabar u risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa s'issa fi spejjeż il-proċess ta' l-iscreening ma' l-Unjoni Ewropea?
F'dan is-sens, jista' l-Ministru jgħid: (a) kemm intbagħtu rappreżentanti Maltin barra minn Malta bħala parti minn dan il-proċess; (b) min kienu; (ċ) meta intbagħtu; (d) kemm damu barra l-pajjiż; (e) kemm swew f'kull każ l-ispejjeż tal-biljetti ta' l-ajru; (f) kemm ingħataw f'kull każ spending money; u (g) mil-liema fond ittieħdu l-flus għal dawn l-ispejjeż?
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il safra saret minn persuni li qed jieħdu sehem fin-negozjati għad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u li huma fil-ministeru tiegħu u anke f'dipartimenti oħra? Min huma dawn il-persuni li siefru kull darba? Kemm intnefqu flus f'kull safra imsemmija?
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu r-relazzjonijiet bejn Malta u l-OECD? Is-sħubija prospettiva tagħha mxiet 'il quddiem? Applikazzjoni formali kienet intefgħet, jew kulma kien hemm kien biss declaration of intent?
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkunu nfetħu ambaxxati ġodda Maltin minn Settembru, 1998 'il quddiem sa tmiem din is-sena? Kemm minnhom igawdu minn arranġament reċiproku fejn il-pajjiż l-ieħor intrabat li jiftaħ ambaxxata f'Malta wkoll?
Response (BORG, JOE)
Minn Settembru 1998 sa l-aħħar ta' din is-sena se jkunu nfetħu żewġ Ambaxxati ġodda, waħda fi Stokkolma u l-oħra f'Ateni. Meta l-Gvern jiddeċiedi li jiftaħ ambaxxata, ma jidħolx f'arranġament reċiproku fejn jorbot il-Gvern l-ieħor li jiftaħ Ambaxxata f'Malta. Id-deċiżjoni l-Gvern jeħodha fl-interess tiegħu sabiex ikun jista jippromwovi l-politika u l-interessi kummerċjali u nteressi oħra ta' Malta barra mill-pajjiż.
Jista' l-Ministru jgħid liema ditti ta' avukati ngħataw il-kuntratti biex iħejju rapporti dwar l-impatt tar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea fuq oqsma differenti tal-pajjiż? Kif intgħażlu? Kemm se jitħallsu dawn id-ditti tax-xogħol li qed jagħmlu? Kemm kien hemm ditti li tefgħu l-offerta għal dawn ix-xogħlijiet? Liema huma?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ma ħareġ l-ebda kuntratt ma ebda ditta biex jitħejjew rapporti dwar l-impatt tar-regolamenti tal-Unjoni Ewropeja fuq oqsma differenti tal-pajjiż. Il-kuntratti sabiex jitħejjew ir-rapporti msemmija ġew ikkummissjonati mill-Ministeri skond is-suġġett li dwaru jkun intalab ir-rapport. Għaldaqstant, il-partijiet l-oħra tal-Mistoqsija Parlamentari mhumiex applikabbli.