Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kontijet tad-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' households li llum qed iħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma b'arranġamenti ta' kreditu peress li ma jifilħux iħallsu f'daqqa l-kontijiet tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-ewwel tas-sena 2005 sal-lum, in-numru ta' arranġamenti ta' ħlas fuq kontijiet domestiċi li kellhom l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u l-Korporazzjoni Enemalta, huwa hekk kif ġej: Malta 1,622 Għawdex 3 Total 1,625

Malta Drydocks — Każ dwar Arretrati

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex is-sinjura li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qed tgħid li ma ħaditx l-arretrati tad-dockyard sa l-2004? Tista' din is-sinjura tiġi informata bl-aħħar żviluppi?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress illi l-Onor Interpellant ma spjegax għal liema "arretrati" qed jirreferi hu mpossibli li tingħata risposta.

Raħal Ġdid — Arblu tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jara li jitneħħa jew jinbidel arblu tad-dawl li jinsab quddiem ir-residenza 26, Triq il-Vittmi tax-Xogħol, Raħal Ġdid peress li jinsab imsaddad u mimli wires u qiegħed ikerraħ l-ambjent

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-arblu li qiegħed isir referenza għalih għandu jinbidel flimkien ma xogħolijiet oħra simili pero' l-arblu mhux fi stat perikoluż. L-arblu huwa bżonjuż, għaldaqstant ma jistax jinqala u ma jinbidilx.

Triq il-Kampanella — Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jara li tiġi rranġata s-sistema tad-drenaġġ ta' Triq Kampanella, Paola/Fgura peress li ma naqra xita dan ifur u hemm problemi kbar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ma jirriżultalhiex li ma kull 'naqra xita' ifur id-drenaġġ fi Triq Kampanella, Fgura. Madanakollu ser isir it-tindif neċessarju kif ukoll investigazzjoni fuq il-main tad-drenaġġ.

Ħal-Luqa — Area industrijali

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-persuni li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, se jagħmlu l-kuntratt għall-art fl-industrial area ta' Ħal-Luqa peress li l-konvenju ilu li ġie ffirmat aktar minn tlett snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kuntratti għall-artijiet f'Ħal Luqa qegħdin isiru u dawk il-persuni li dwarhom saret din il-mistoqsija biex isir il-kuntratt, dalwaqt se jiġu notifikati.

WSC — Office clerk

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18559 u jgħid kemm persuni applikaw għal post ta' officer/clerk/ office assistant skond iċ-ċirkolari tal-WSC NO. 7/2006? X'sar minn dawn l-applikazzjonijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

SmartCity@Malta

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 18023, 18230 u 18548 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-site plan li tindika l-boundaries tas-sit tal-proġett SmartCity@Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-boundaries tas-sit tal-Proġett ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta jitressaq għad-diskussjoni l-Abbozz tal-Kuntratt.

Ħażna ta' l-Ilma tax-Xorb

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-ħażna ta' l-ilma tax-xorb f'Malta u Għawdex separatament bħalissa? Għal kemm perijodu ta' żmien din il-ħażna sservi l-ħteġijiet tal-poplu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ħażna tal-ilma tax-xorb f'Malta li għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma bħalissa hija ta' madwar 267,500m3 f'Malta u madwar 43,000m3 f'Għawdex . Dawn il-figuri jsarrfu f'ħażna ta' madwar 3 ¾ ġranet u 5 ¾ ġranet rispettivament.

Rabat — Bio Diesel

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-unika pompa bio diesel li hemm fir-Rabat mhux tingħata bio diesel? Jista' il-Ministru jara li jsiru l-arranġamenti meħtieġa biex dan il-bżonn għall-komunitajiet tar-Rabat, Dingli u Imtarfa jiġu milħuqa?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Korporazzjoni Enemalta mhix responsabbli mid-distribuzzjoni tal-bio diesel.

Sea malta — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm impjegati tas-Sea Malta ġew impjegati mal-ministeru tiegħu jew xi dipartiment/enti li jaqgħu taħtu? Jista' jiċħad jew jikkonferma li wħud minn dawn l-impjegati tnaqqsilhom is-salarju?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta' mpjegati tas-Sea Malta li ġew impjegati ma' entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru huwa 39. Rigward it-tieni parti tal-interpellanza ninforma lill-Onor. Interpellant li la nista' niċħad u lanqas nikkonferma li wħud minn dawn l-impjegati tnaqqsilhom jew żdidilhom is-salarju. Is-salarji ta' l-impjegati li ġew redeployed mis-Sea Malta huma dawk li ħaddiema oħra fl-istess gradi u fl-istess postijiet tax-xogħol għandhom.

Sea Malta — Ex-impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm ex-impjegati tas-Sea Malta li ġew ingaġġati mal-ministeru u/jew dipartimenti/enti tiegħu li żdiditilhom il-paga meta tikkomparaha ma' dik li kellhom qabel?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija nru. 18449.

Sea Malta — Ex-impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk inħarġux call for applications għal xi xogħol fil-ministeru u/jew dipartimenti/enti tiegħu u jekk intgħażlux xi ex-Sea Malta employees għal dawn il-pożizzjonijiet? Jista' jgħid għalxiex kienu dawn il-call for applications? Kemm applikaw nies u min kienu l-membri tal-bord ta' l-għażla?

Response (GATT, AUSTIN)

Minn April ta' 2005, sejħiet għall-applikazzjonijiet għal xogħol fil-Ministri u/jew dipartimenti/enti isiru mill-MPO u għalhekk nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat. Fejn jikkonċerna s-settur pubbliku, kemm-il darba l-post jibqa' vakanti wara s-sejħa għall-applikazzjoni mill-MPO, jingħata l-permess sa biex il-proċess jitkompla tramite l-ETC. Qabel l-2005, l-Entitajiet Pubbliċi kienu joħorġu is-sejħiet għal applikazzjonijiet tramite l-ETC. Peress li l-Onor Interpellant ma ndikax terminu speċifiku ta' żmien ma nistax nagħti iżjed informazzjoni.

Radju Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'se jiġri mill-binja fejn qabel kien hemm Radju Malta? Hemm ħsieb ta' xi żvilupp? Jekk fl-affermattiv, x'tip ta' żvilupp mistenni jkun hemm? Din il-binja se tinbigħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-PBS qed tistudja l-possibilitajiet kollha biex tagħmel l-aħjar użu mill-binja fejn qabel kien hemm Radju Malta.

Tal-Ħemsija — Transformer

Question

Jista' il-Ministru jgħid għalfejn it-transformer fuq l-arblu fejn iċ-ċimiterju ta' l-Ingliżi f"Tal-Ħemsija, l/o Rabat għadu ma ġiex impoġġi fil-kamra l-ġdida mibnija għal dan il-għan?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-korporazzjoni Enemalta qed tistenna li jitlesta x-xogħolijiet meħtieġa mill-Kuntrattur ta' l-ADT.