Legislature:
Category:
Reset
Active:

Separazzjonijiet ta' Żweġijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti breakdown tar-raġunijiet l-aktar popolari (eż. infedelita', nuqqas ta' komunikazzjoni) li wasslu biex saru talbiet għal separazzzjonijiet ta' żweġijiet f'Malta u Għawdex, sena b'sena mill-2001 sa l-aħħar ta' Ġunju li għadda?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika dwar ir-raġunijiet li jwasslu għal talba għas-separazzjoni.

Persuna ta' nazzjonalita' barranija — Materjal splussiv

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija kontra persuna li daħħlet materjal splussiv magħha fuq titjira minn Sofia fix-xahar ta' Lulju?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant għad mhix konkluża.

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif tqassam ix-xogħol lil kull wieħed u waħda mis-surġenti maġġuri li ġew promossi riċentement u kemm għandhom nies inkarigati taħthom? X'għajnuna qed jingħata kull wieħed u waħda minnhom biex jaqdu l-funzjonijiet tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-Surġenti Maġġuri fil-Korp tal-Pulizija huma assenjati xogħol skond l-eżiġenzi tas-servizz. Hemm Surġenti Maġġuri li huma assenjati xogħol amministrattiv, prosekuzzjonijiet, oħrajn li huma stazzjonati fid-Distretti u Taqsimiet fejn primarjament huma inkarigati mit-tqassim ta' xogħol tas-surġenti u kuntistabbli stazzjonati fid-Distrett jew Taqsima. Infurmat ukoll illi, bħal ma jsir f'kull grad fil-Korp tal-Pulizija, kull meta jkun hemm il-ħtieġa, dawn jingħataw kull assistenza mill-uffiċjali superjuri tagħhom. Ma nħossx illi t-tagħrif dwar kif huma komposti d-diversi Distretti u Taqsimiet tal-Korp tal-Pulizija, għandu jkun ippublikat.

Korp tal-Pulizija — Armi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fil-korp tal-pulizija hemmx ħsieb li jinbidlu l-armi li qed jintużaw minn revolver għall-pistola? Kemm qed ikun l-ammont ta' ħin għal taħriġ fl-użu tal-bdil ta' dawn il-pistoli?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korp tal-Pulizija ilu s-snin jagħmel użu minn armi tan-nar, kemm tat-tip revolvers kif ukoll pistoli. Infurmat ukoll illi għall-ewwel darba minn din is-sena, il-Korp introduċa taħriġ regolari fl-immaniġġjar u l-użu ta' l-armi tan-nar, fejn kull membru tal-Korp jattendi għal sessjoni ta' taħriġ fl-Akkademja tal-Pulizija darba kull tlett xhur. Dan it-taħriġ ikopri l-użu kemm ta' revolvers kif ukoll ta' pistoli.

Persuni b'Ċittadinanza Kanadiża

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux possibbli li persuni li kellhom ċittadinanza Kanadiża għax twieldu l-Kanada u sussegwentement kellhom jirrinunzjaw għaliha minħabba xogħol li sabu f'Malta fis-settur pubbliku, għandhomx dritt għaċ-ċittadinanza doppja?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċittadin ta' Malta li jakkwista jew jerġa' jakkwista ċittadinanza ta' pajjiż ieħor wara l-10 ta' Frar 2000, jista' iżomm din iċ-ċittadinanza flimkien ma' dik Maltija. Biex persuna terġa' takkwista ċittadinanza kanadiża, trid tapplika mal-awtoritajiet kanadiżi, u t-talba tagħha tiġi regolata skond il-liġi ta' dak il-pajjiż; u f'każ li din it-talba tintlaqa', tista' żżomm ukoll iċ-ċittadinanza Maltija.

Dipartiment ta' l-Artijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid bejn l-1 ta' Jannar, 2003 u t-28 ta' Lulju, 2006 kemm-il exchange sar mid-dipartiment ta' l-artijiet ma' sidien li kienet itteħditilhom l-art? Min huma l-persuni nvoluti? Meta kienet itteħditilhom l-art, fejn kienet din l-art u kemm hi kbira l-art? Kemm kienet stmata li tiswa l-art li tteħditilhom? Fejn qiegħda l-art li ngħatat bi tpartit, kemm hi kbira din l-art u kemm kienet stmata mid-dipartiment? F'kull każ min kien il-perit li għamel l-istima ta' l-art li oriġinarjament ittieħdet u l-art li ngħatat bi tpartit?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant dwar l-exchanges li saru bejn l-1 ta' Jannar 2003 u t-28 ta' Lulju 2006 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Applikazzjoni għal Ċittadinanza Maltija

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm li applikazzjoni għan-nazzjonalita' Maltija ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li saret fit-8 ta' Ottubru, 1999 u li reġgħet saret mill-ġdid sentejn ilu, tiġi pproċessata? Ma jaħsibx li dan huwa każ li għandu jiġi deċiż malajr u li ċ-ċittadinanza tingħata kif mistħoqq?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18671, ninfurmah li l-persuna kkonċernata għadha ma kkuntattjatx id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza.

Pulizija — Każi ta' Hit and Run

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każi ta' hit and run is-sena l-oħra? Kemm ġew solvuti każi u kemm weġġgħu nies fihom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005, ġew irrapurtati lill-Pulizija erba' każi fejn persuni ntlaqtu minn vettura li baqgħet sejra, li minnhom tlieta ġew solvuti. F'dawn l-inċidenti sfaw midruba erba' persuni.

Persuni jaħdmu mingħajr permess

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni tressqu l-qorti talli ħaddmu magħhom nies bla permess u x'weħlu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awissu ta' l-2006, il-Pulizija ressqet żewġ persuni quddiem il-Qorti fuq akkużi li ħadmu persuni bla permess, liema każi għadhom pendenti quddiem il-Qorti.

Qrati — Kaċċaturi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kaċċaturi nqabdu allegatament jiksru l-liġi din is-sena? X'kien ir-reat u x'kienet il-piena f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena tressqu 150 persuna l-Qorti bi ksur tar-Regolamenti ta' l-1993 dwar il-Ħarsien ta' l-Għasafar u tal-Fenek Servaġġ, kif emendat; Regolamenti ta' l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta' Speċi Protetti u Riservi Naturali; u l-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66). Minn dawn 96 instabu ħatja u ngħataw pieni skond il-liġi, 15 instabu mhux ħatja u kienu liberati, filwaqt l-proċeduri kontra l-bqija għadhom mhux konklużi.

San Ġwann — Disco

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi dwar l-ilmenti ripetuti tar-residenti ta' San Ġwann fl-inħawi ta' Tal-Balal, li ilhom żmien jilmentaw bil-ħsejjes qawwija ta' mużika kull tmiem il-ġimgħa kkawżati minn disco fil-viċin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ilmenti msemmija mill-Onorevoli Interpellant qed ikunu mistħarrġa mill-Pulizija skond il-liġi.

Depot tal-Pulizija — Dipartiment tal-Kondotta

Question

Jista' il-Viċi Prim Miinistru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi komputerizzata s-sistema sħiħa tad-dipartiment tal-kondotta fid-depot tal-pulizija? Meta huwa maħsub li r-records li jinżammu fit-taqsima tal-kondotta fid-depot tal-pulizija jkollhom indirizzi aġġornati ta' l-applikanti li jkunu jaqblu ma' dawk ta' l-ID cards tagħhom, billi r-records tal-pulizija għadhom juru indirizzi antiki?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent il-Korp tal-Pulizija għaddej b'ħidma sabiex jiġu implimentati jew imsaħħa diversi sistemi kompjuterizzati. Is-sistema tal-kondotti tagħmel parti minn din il-proġett li l-ewwel fażi tiegħu huwa mistenni li jibda fil-ġimgħat li ġejjin. Din is-sistema ġdida ser ikollha link dirett ma' sistemi oħrajn sabiex it-tagħrif ikun aġġornat.

Ta' Xbiex — Kunsill Lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformana f'liema stadju qiegħda l-proposta ta' bye-law maħruġa mill-kunsill lokali ta' Ta' Xbiex fuq it-tlajjar? Meta se tkun eżekutiva, ġaladarba kunsilli oħra għandhom din it-tip ta' bye-law?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Bye-Laws mill-Kunsill Lokali ta' Ta' Xbiex fuq it-tlajjar preżentement ma hemmx.

Ta' Xbiex — Playing fields

Question

Galadarba fil-lokalita' ta' Ta' Xbiex hemm speċi ta' playing field fi stat dilapitat ħafna u m'hemm xejn għat-tfal, jaħseb il-gvern li jista' jgħaddi din il-playing field jew biċċa art oħra lill-kunsill lokali biex dawn jagħmlu playing field kif jixraq għaż-żmenijiet tal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-playing field li hemm fix-Xatt ta' Ta' Xbiex hija mogħtija b'ċens temporanju lil Malta Playing Fields Association. Taħt l-Att Dwar l-iSports din l-istess art taqa' taħt ir-responsabbilita' amministrattiva tal-Kunsill Malti għall-iSports. Dwar il-possibilita' ta' xi biċċa art oħra biex issir playing field, it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern tkun lesta li tikkonsidra kwalunkwe talba għall-art tal-Gvern sakemm ikun hemm il-permessi neċessarji mill-MEPA.

Qrati — Każi dwar abbuż fuq tfal

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu rappurtati f'Malta u Għawdex lill-pulizija, każi ta' abbuż fuq it-tfal kull sena mill-2001 sa l-aħħar ta' Ġunju 2006? Kemm minn dawn kienu mtella' l-Qorti? Kemm instabu ħatja? Dwar xiex kienu l-każi rappurtati u mtella' l-Qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej: 2001 2002 2003 2004 2005 2006 Numru ta’ każi rrapurtati lill-Pulizija 12 19 26 23 38 22 Numru ta’ każi li mressqa quddiem il-Qorti 10 15 24 23 32 19 Numru ta’ każi li nstabu ħatja mill-Qorti 4 4 12 6 10 5 Numru ta’ każi li għadhom pendenti quddiem il-Qorti 3 10 10 17 20 14

Reġistru Pubbliku — Twelid ta' trabi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew reġistrati f'Malta u Għawdex trabi lil ommijiet xebbiet? Kemm minn dawn l-ommijiet kienu taħt l-eta' ta' l-iskola? Jista' jagħti rendikont għal kull sena mill-2001 sa l-aħħar ta' Ġunju 2006?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li r-Reġistru Pubbliku ma jżommx statistika kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant, għalhekk nissuġġerilu li jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Ċens

Question

Jista' isir xi ħaġa bil-liġi li ġġiegħel lill-inkwilin iħallas iċ-ċens meta suppost, billi l-każ bil-kontra huwa maħsub bil-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Diġa' hemm provdut fil-liġi tal-kera, li l-inkwilin li ma jħallasx żewġ skadenzi wara li jiġi interpellat li jagħmel dana, jista' jiġi żgumbrat mill-post lilu mikri.

Żweġijiet ċivili

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu reġistrati żweġijiet ċivili f'Malta u Għawdex sena b'sena, mill-2001 sa l-aħħar ta' Ġunju 2006? Kemm minn dawn iż-żweġijiet kienu bejn Maltin u bejn Maltin u barranin? Fil-każ tal-barranin, jista' jgħid in-nazzjonalita' tal-barranin u kemm kienu minn kull pajjiż?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra listi li juru t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.

Separazzjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu reġistrati każi ta' separazzjonijiet ta' żweġijiet f"Malta u Għawdex, sena b'sena, mis-sena 2001 sa l-aħħar ta' Ġunju 2006? Fl-istess snin, kemm kienu deċiżi kawżi ta' separazzjonijiet u fiż-żewġ każi kienux kollha każi ta' separazzjonijiet bejn Maltin u kemm kienu ma' Maltin u barranin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' każi ta' separazzjonijiet ta' żwiġijiet f'Malta u Għawdex u li kienu reġistrati mis-sena 2001 sa l-aħħar ta' Ġunju 2006 kien kif indikat fit-tabelli immarkati Dok A u Dok B li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dok A jirreferi għal kawżi reġistrati b'ċitazzjoni filwaqt li Dok B jirreferi għal każijiet quddiem il-medjaturi. Ma tinżammx statistika kemm minn dawn is-separazzjonijiet kemm bejn Maltin u kemm kienu bejn Maltin u barranin.