Legislature:
Category:
Reset
Active:

Community Development Unit

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex ingħatat l-ordni biex dawk kollha li qed jaħdmu fil-Community Development Unit sa nofs Lulju, jagħlqu l-proġetti kollha li għandhom fil-komunitajiet tal-Kottonera, mal-kunsilli lokali, ma l-iskejjel u mal-knisja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħda ssir ristrutturazzjoni fil-Community Development Unit f'ċirkostanzi fejn n-numru ta' social workers hu limitat ħafna filwaqt li d-domanda għal dawn is-servizzi qed tiżdied. Għalhekk qiegħda tingħata prijorita' lill-każijiet l-aktar fi bżonn sakemm jiżdied il-kumplament ta' l-istaff. Arranġamenti qed isiru biex jinstabu professjonisti oħra biex ix-xogħol ta' l-Aġenzija Appoġġ fil-Kottonera jkompli jissaħħah. F'dan ix-xahar ser tibda social worker ġdida f'din it-taqsima iżda għad fadal postijiet vakanti għal żewġ social workers oħra.

Mtarfa Home

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li wħud mill-kmamar ta' anzjani fl-Mtarfa home huma bla arja kkodizzjonata? Jista' jara li l-ħsara tiġi rimedjata jekk tirriżulta ħalli f'dawn iż-żminijiet ta' sħana l-anzjani ma jbatux?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-problema li kien hemm fis-sistema tal-Arja kkundizzjonata ġiet indirizzata u fil-fatt illum fi 2 biss minn 60 kamra fid-Dar tal-Anzjani, Mtarfa, għadu u ġiex restawrat dan is-servizz.

Adult Training Centres

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reklutati bħala support workers għal adult training centres din is-sena? Kemm applikaw għal dawn il-postijiet? Xi kwalifiki kellhom dawk li applikaw? Jista' jqiegħed it-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li matul din is-sena ġew impjegati sitt (6) full-time u żewġ (2) part-time Support Workers fiċ-Ċentri għat-Taħriġ għall-Adulti. In-numru totali ta' dawk li applikaw kien ta' 72. Il-kandidati ried ikollhom ċertifikati f'livell ordinarju fil-lingwa Ngliża u Maltija jew mill-anqas sentejn esperjenza full-time jew l-ekwivalenti tagħhom f'xogħol fil-qasam tad-diżabilita'.

Sussidji — Rabat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33086, peress li l-persuna residenti fi Triq il-Mitħna, Rabat, Malta li dettajli tagħha qed jintbagħtu separatament qed tħallas Lm 75 lira fix-xahar kera għall-appartament tagħha, jista' jara jekk din il-persuna hix intitolata għal xi għajnuna u tistax tapplika għall-iskemi attwali tas-sussidju fuq il-kera sabiex ittaffi ftit mill-problema finanzjarji tagħha? Jekk fl-affermattiv meta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant li t-Tweġiba għall-Mistoqsija Numru 33086 jien tajta f'Seduta Numru 764 fit-2 ta' Lulju 2002, nitolbu jagħti parir lill-persuna ndikata biex tavviċina lill-Customer Care Unit ta' l-Awtorita' tad-Djar biex tivverifika jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa taħt l-Iskemi eżistenti ta' l-Awtorita'.

EU — Tabakk/Alkoħol

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija 19834, jista' l-Ministru jgħid jekk il-liġi msemmija ġietx emendata jew le? Jekk iva, dan sar b'liema avviż legali? Jekk le, meta hu maħsub li dan isir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Tarzna — Joint Ventures

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li meta il-Prim Ministru qal li r-ristrutturar tat-Tarznari qed iżid fil-momentum tiegħu u li qed jiġu ikkunsdrati joint ventures ġodda għall-istess tarznari ma jidhirx li kellu jitlaqqa it-task force f'dawn l-aħħar xhur minħabba fit-terms of reference speċifiċi tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Onor. Membru jaf li l-iskemi ta' rtirar volontarju għalqu fil-31 ta' Mejju li għadda. Wara li għalaq dak il-proċess, kellu jsir eżerċizzju li janaliżża r-riżultat ta' l-iskemi u jidentifika l-opportunitajiet li jistgħu jkunu miftuha għat-tarznari fid-dawl tal-pjan ta' ristrutturazzjoni. Din l-analiżi tinkludi wkoll studju dwar il-qagħda finanzjarja tat-tarznari, inkluż id-dejn akkumulat tul is-snin, kif ukoll studju dwar it-titolu fuq l-art li għandhom f'idejhom ż-żewġ tarznari. Sadanittant il-Gvern kompla bil-kuntatti li kellu ħalli jidentifika dawk l-inizjattivi ġodda li huma fattibbli, anke permezz ta' joint ventures. It-Task Force titlaqqa' malli dan kollu jkun ġie stabbilit.

Benefiċċju Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament ma irċevietx iċ-cheque għall-għajnuna tal-qagħad bjen l-20 ta' Mejju 2002 u 12 ta' Ġunju 2002? Jista' jara li dan jirċivieh?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ma kienetx intitolata għal xi xorta ta' benefiċċju jew assistenza skond il-provvedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali fiż-żmien indikat.

Relief

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34522, jista' jgħid għal liema raġuni l-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament qed tirċievi relief imnaqqas għax qed jingħad li rċeviet xi ħlas żejjed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu qed tirċievi l-għajnuna u l-benefiċċju kollu dovut lilha skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali mingħajr ebda tnaqqis ta' xejn.

Housing

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu under separate cover għadha ma ġietx mitluba tgħid jekk tridx taqleb iċ-ċens tad-dar tagħha fil-HE ta' San Gwann għal wieħed perpetwu kif ġew mistoqsija residenti oħrajn fl-istess parti ta' l-Estate?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għal din il-Mistoqsija l-aħjar tingħata mid-Dipartiment tal-Artijiet.

Mosta — Ċentru għall-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid tistax tiġi stabbilita l-proċedura li tiġi segwita wara li f'nofs in-nhar u fl-għaxija jitqassam l-ikel għall-anzjani fiċ-ċentru għall-anzjani fil-Mosta, u x'inhu jsir minnu l-ikel żejjed? Jafx jekk hux qed jiġu offrut mill-ġdid l-ikel li jibqa żejjed lill-anzjani residenti jew inkella hux qed jintuża għall-skop ieħor? Hemm xi ħadd fid-dar ta' l-anzjani li jara li jiġu osservati l-proċeduri kif dejjem kienu magħrufa fit-tqassm ta' l-ikel u jista' jgħid kemm fil-fatt jibqa' ikel żejjed u x'isir minnu jew x'sar minnu matul dawn l-aħħar sentejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ikel fid-Dar ta' l-Anzjani tal-Mosta jiġi pprovdut mill-kuntrattur privat u l-ordni ssir skond kif ikunu għażlu r-residenti stess. Allura, ma tantx jidher li jkun jagħmel sens li l-kuntrattur jibgħat ikel żejjed.

Housing

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma illi l-awtorita' qed tgħaddi arbitrarjament xogħol ta' kuntratti ta' individwi benefiċċjarji ta' l-awtorita' lill-nutar magħżul minnha? Mill-awtorita' ġie ikkonsultat il-kunisll notarili qabel ittieħdet din l-inizjattiva mill-awtorita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar ħasset il-bżonn li tippovdi hi għall-servizz ta' nutar limitat biss għall-pubblikazzjoni ta' kuntratti ta' bejgħ ta' appartamenti ġodda allokati minnha. Dan il-bżonn inħass biex jonqos id-dewmien fl-allokazzjonijiet u jiġi evitat is-serq u l-vandaliżmu mill-appartamenti li jkunu tlestew. In-nutar ġie magħżul wara sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet u proċess ta' selezzjoni. Il-kuntratti l-oħra ta' enfitewsi, fidi ta' ċnus, bejgħ ta' appartamenti lill-inkwilini, eċċ, għadhom qed jiġu ppubblikati minn nutara magħżula mill-klijient. Ninsab infurmat li l-kunsill notarili ġie kkonsultat dwar dan l-arranġament.

Customer Care — Policy

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi policy, jew jekk riċentement saritx policy ġdida biex il-customer care fil-housing department ma jaċċettawx ittri miktuba mid-deputati bil-water mark (karti tal-gvern) għan-nom tal-kostitwenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali la qatt kellu u lanqas għandu preżentement policy li ma jaċċettax ittri miktuba minn Deputati Parlamentari sew jekk dawn l-ittri jkunu miktuba fuq karti bil-watermark tal-Gvern u sew jekk le.

ETC — Bormla

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi l-possibilita' li jinstab impjieg lill-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament li ilha tirreġistra għal dawn l-aħħar erba' snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija ma' toqgħodx fl-indirizz imsemmi. Nitlob għalhekk lill-Onor. Agius biex jipprovdilna n-numru tal-karta ta' l-identita' tal-individwu.