Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-korp tal-pulizija li għandhom tul anqas minn 5 piedi u sitt pulzieri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kejl tal-membri tal-Korp tal-Pulizija huwa rekwiżit u jsir ma` l-ingaġġ. Infurmat ukoll illi statistika tat-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli. Ir-rekwiżit tat-tul ma għadux japplika fil-każ ta` ingaġġ ta` spetturi.
Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni kollha dwar is-sistema adottata mill-PA fl-assessment li jsir tal-performance tal-case officers u uffiċjali oħra tal-PA?
Jekk hemm xi ċirkulari dwar dan l-assessment jew metodu ta' assessment adottat, jistgħu jitqigħdu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-sistema adottata mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar fil-'performance assessment' tal-uffiċjali tagħha hija deskritta fil-Ftehim Kollettiv li għandha kemm mal-UHM li jirrapreżentaw il-gradi Klerikali u Tekniċi, kif ukoll mal-'Union Professionisti Awtorita` ta` l-Ippjanar' li jirrapreżentaw il-gradi Professjonali.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-aspetti relevanti ta` dawn l-agreements fil-kuntest ta` performance assessment.
Jista' l-Ministru jgħid meta se joħorġu l-permessi għal hawkers ġodda ta' fuq il-Monti?
Jista' jgħid ukoll jekk il-permess tal-hawkers tat-triq hux tajjeb biżżejjed biex dawn jarmaw fuq il-monti, sakemm joħorġu l-permessi ġodda tal-monti?
Jaf il-Ministru li hemm min għandu tliet persuni jarmaw fi tlett postijiet differenti b'permess wieħed u hemm oħrajn li ilhom jistennew il-permess tal-monti għal dawn l-aħħar tlett snin?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22871. Infurmat ukoll illi permess ta` bejjiegħ fit-triq huwa distint minn dak ta` bejjiegħ fis-swieq. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi permess ta` bejjiegħ fis-suq huwa wieħed ġenerali u japplika għas-swieq kollha mingħajr ma jindika f`liema suq.
Peress li r-residenti qrib l-appartament li qed jinbnew mill-ħaddiema barranin fil-lukanda Verdala, fir-Rabat, qatt ma raw il-permess tal-Planning Authority imdendel mal-ħajt, la qabel ma saret it-talba mis-sidien u lanqas issa li nħareġ il-permess, dejjem fir-rigward tal-block tal-flats, jista' l-Ministru jinfurmana bid-dettalji tal-permess kif maħruġ mill-Planning Authority u cioe kemm sulari huma permessi fuq il-livelli tat-triq jekk il-bini li ser jsir hemm, fit-tul 'il ġewwa, kif wkoll mat-triq, hux se jkun iżjed mill-flats li kien hemm? Jekk fl-affermattiv, kemm iżjed?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-permess qiegħed imwaħħal mal-lukanda u l-perit tal-proġett ingħata struzzjoni biex jitwaħħal ieħor mal-gate.
Ninsab infurmat ukoll illi l-bini ser ikun semi-basement, erba` sulari u livell ta`penthouses għoli mill-livell tat-triq. Qabel kien hemm erba` sulari u livell ta` washrooms. Il-bini ser jitla` fuq il-linja tat-triq eżistenti u huwa 58 metru fond fuq in-naħa tal-bini eżistenti u 60 metru fond minn naħa l-oħra. B`kollox ser ikun hemm 32 flat u 4 penthouses.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'se jsir mix-xogħlijiet li saru kontra l-permessi ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fil-by pass ta' l-Imtarfa meta nbena mostru ta' ħajt tal-konkos li kerraħ l-ambjent ta' l-inħawi kompletament barra li kkawża dannu ekoloġiku?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għal tweġibiet preċedenti li jien tajt dwar dan il-każ, ninsab infurmat illi fit-2 ta` Jannar 2001, ġiet approvata l-applikazzjoni PA 3110/00 għal titjib ġenerali tal-Bypass ta` l-Imtarfa. Fil-proċess ta` din l-applikazzjoni ġie kommess min-naħa tad-Dipartiment tat-Toroq, li dan il-ħajt jitneħħa u l-istess materjal jintuża għal ħitan ta` lqugħ oħra li jiffurmaw parti mix-xogħlijiet approvati fil-permess imsemmi. Dawn il-ħitan tal-konkrit imbagħad għandhom jiġu miksija bil-ġebel tas-sejjieħ kif indikat fil-pjanti approvati.
Meta l-ħajt temporanju tal-konkrit jitneħħa, fil-post għandu jiġi ntrodott soft landscaping.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'passi ħadet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar kontra l-persuni li jgħamlu x-xogħol mhux awtorizzat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar fuq villa li tinsab f'Wied Qannota, l-Wardija matul is-sena li għaddiet?
Meta saret l-aħħar spezjoni sabiex ikun assigurat li s-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Minn huma l-inspectors tal-PA responsabbli mis-supervisjoni ta' dan il-każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħadet il-passi neċessarji skond il-liġi fuq xogħol mhux awtorizzat fil-madwar u maġenb razzett eżistenti fil-Wied tal-Wardija. Fil-fatt fl-24 ta` Lulju 1999 kien inħareġ Avviż biex Tieqaf u ta` Twettieq bir-referenza ECF 630/99.
L-ispezzjonijiet fuq dan is-sit ilhom isiru minn Lulju ta` l-1999 u l-aħħar spezzjoni saret nhar is-Sibt 20 ta` Jannar 2001 iżda ma kienux għaddejjin xogħlijiet.
L-ispezzjonijiet imsemmija saru minn diversi uffiċjali ta` l-Awtorita`.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex jiġu eliminati l-problemi għall-istudenti li jkollhom ibiddlu l-ID Cards waqt li jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet tas-Sec, billi t-tiġdid ta' l-ID Cards f'dan il-każ jiġi pospost għall-wara l-eżamijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalissa mhux qed isir tiġdid tal-karta ta` identita`. Dan minħabba illi b`Avviż Legali 67/2000, kull karta ta` identita` maħurġa qabel l-1 ta` Jannar 2000, li tiskadi wara dik id-data, għandha tibqa` valida sakemm jinħareġ avviż mill-Prim Ministru fil-Gazzetta tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' diskriminazzjoni razzjali lill-pulizija matul is-sena li għaddiet
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000 l-uniku rapport lill-Pulizija ta` diskriminazzjoni razzjali kien dak li tagħrif dwaru ngħata fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21965.
Dan ir-rapport kien ġie investigat u rriżulta li ma kien hemm ebda diskriminazzjoni razzjali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux legali li taħdem bħala bouncer ġo postijiet ta' divertiment? F'għajnejn il-liġi x'poteri għandhom? Għandhom liċenzja tal-pulizija biex jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sakemm il-persuna li taħdem bħala bouncer tkun impjegata full- time, part-time jew każwali mal-persuna fejn tkun qed toffri dan is-servizz, ma tenħtieġx liċenzja sabiex tagħmel dan ix-xogħol. Pero` jekk dan is-servizz ikun qiegħed jiġi provdut minn xi persuna mhux hekk impjegata, din il-persuna jrid ikollha liċenzja ta` gwardjan privat.
Jista' l-Ministru jaġġornana dwar il-pożizzjoni ta' l-Għaqda Kaċċaturi Nassaba Konservazjonisti tal-Mellieħa li applikaw sabiex jiżviluppaw range tal-plattini fil-Mellieħa għall-membri tagħhom?
Peress li minkejja li qed jingħad li l-art tinvolvi terżi persuni, jirriżulta mid-dokumenti li pprovda d-Dipartiment ta' l-Artijiet li dan mhux minnu, jista' l-Ministru jinvestiga u jgħarrafni bis-sitwazzjoni
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi l-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp iddiferiet l-applikazzjoni PA 4430/98 sabiex issir spezzjoni fuq is-sit in kwistjoni. L-ispezzjoni għandha ssir jew fit-2 ta` Frar, jew fit-2 ta` Marzu 2001, skond l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern ma tikkunsidra l-ebda talba għal żvilupp fuq proprjeta` tal-Gvern jekk qabel ma jinġabx permess tal-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Rigward l-involviment ta` terzi persuni, id-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta` għamel aktar investigazzjoni u rriżulta illi fil-fatt l-art in kwistjoni mhux soġġett għall-kirja imma għal ċens temporanju li għalaq.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 22517, dan ifisser li fuq (1) u (3) ma kienx hemm nies mressqa il-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-perijodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant ma tressqux nies quddiem il-Qorti fuq akkużi li jinkwadraw taħt paragrafi (1) u (3) ta` Mistoqsija Parlamentari Nru. 22517.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ma tħallewx jidħlu Malta mill-personnel ta' l-immigrazzjoni matul is-sena l-oħra? Mil-liema pajjiż kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000 kien hemm 3,335 persuna li ma tħallietx tidħol wara li waslet Malta. Dawn kienu minn dawn il-pajjiżi:
Algeria
China
India
Lebanon
Portugal
Switzerland
Armenia
Congo
Indonesia
Libya
Romania
Syria
Austria
Egypt
Iran
Mali
Russia
Tanzania
Bangladesh
Etiopia
Iraq
Morocco
Senegal
Tunisia
Belarus
France
Italy
Moldovia
Sierra Leone
Turkey
Bosnia
Gambia
Jamaica
Nauru
Singapore
Ukrania
Botswana
Germany
Jordan
Nigeria
Slovakia
Uganda
Brazil
Ghana
Kenya
Pakistan
South Africa
Venezuela
Great Britian
Holland
Kyrgistan
Peru
Sudan
Yugoslavia
Bulgaria
Hungary
Latvia
Philippines
Swaziland
Zambia
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22846 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lileku ċioe': jista' jgħid kemm hawn persuni ta' nazzjonalita' Ċiniża li għandhom il-permess biex jaħdmu f'Malta?
Jista' jgħid fejn qed jaħdem dawn iċ-Ċiniżi u kemm ilhom hawn Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` persuni ta` nazzjonalita` Ċiniża li bħalissa għandhom permess biex jaħdmu f`Malta huwa ta` 139.
Tagħrif dwar fejn qed jaħdmu dawn il-persuni jinsab f`lista ta` persuni barranin li għandhom permess biex jaħdmu Malta, li tiġi ppublikata mid-Dipartiment ta` l-Informazzjoni kull l-ewwel Tnejn ta` kull xahar.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li ma tinżammx statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija hux qed tieħu xi prekawzjonijiet speċjali issa li beda x-xogħol fuq il-kumpless sportiv f'Bormla biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm periklu għat-tfal ta' l-iskejjel fil-viċin?
Peress li trakkijiet kbar mimlija bit-terrapien qed jgħaddu regolarment mit-triqat viċin l-iskejjel De La Salle, St Edwards u Ġużeppi Despott u meta jibda x-xogħol fuq il-proġett tal-Kottonera dan il-periklu jikber, jista' l-Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn meta beda l-proġett imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija ħadet ħsieb li jsiru l-arranġamenti meħtieġa sabiex kemm jista` jkun ma jkunx hemm periklu.
Jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni part tal-mistoqsija parlamentari nru. 22841 li oriġinarjament saret lill-Ministru tat-Turiżmu u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' l-Ministru jagħti lista ta' restaurants Ċiniżi li huma liċenzjati f'Malta, fejn qegħdin, kemm iħaddmu nies u kemm iħaddmu Ċiniżi li għandhom il-permessi tax-xogħol? Jista' jagħti tagħrif tal-ħaddiema Ċiniżi li għandhom il-permess jaħdmu f'dawn ir-restaurants Ċiniżi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm 53 persuna ta` nazzjonalita` Ċiniża li għandhom permess biex jaħdmu f`Ristoranti fejn ikun servut ikel Ċiniż.
Tagħrif dettaljat - isem tal-persuna, il-post fejn taħdem, ix-xogħol li tagħmel u l-validita` tal-permess tax-xogħol (work permit) - jidher f`lista li tiġi ppublikata mid-Dipartiment ta` l-Informazzjoni kull l-ewwel Tnejn ta` kull xahar.
Dwar Maltin li jaħdmu f`dawn ir-Ristoranti nitlob lill-Onor. Membru jagħmel id-domanda lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jistgħux jittieħdu passi biex jitneħħa vann isfar li ilu mitluq f'Alley 3, Triq Marina, Pieta' għal bosta xhur?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-vettura li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant hija pparkjata skond ir-regolamenti tat-traffiku u hija wkoll liċenzjata sabiex tkun fit-triq.
Jista' l-Ministru jgħid mill-bidu tal-football premier tal-MFA kemm ġew mħarka u arrestati persuni mill-ground nazzjonali ta' Ta' Qali?
Jista' f'kull każ jgħid meta sar dan it-taħrik/arrest, għal-liema raġuni sar, waqt liema partiti u f'liema dati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ttieħdu proċeduri kriminali kontra 22 persuna minħabba l-imġieba tagħhom fl-Istadium Nazzjonali ġewwa Ta` Qali matul dan l-istaġun tal-Premier League. Dawn kienu kif jidher fit-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' koppja anzjana li applikaw għal bdil ta' gallerija, u li n-numru relattiv qiegħed jintbagħat separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant (PA 2664/99) kien ġie rrifjutat fit-8 ta` Novembru 1999, minħabba li l-istat tal-gallerija oriġinali mhux daqshekk fi stat ħażin u għaldaqstant hu aktar opportun li din tiġi restawrata aktar milli mibdula kompletament. Barra minn hekk, il-materjal li kienu qed jipproponu għall-gallerija l-ġdida mhux adattat għall-Area ta` Konservazzjoni Urbana fejn tinsab.
Forsi jkun opportun li l-applikanti jaraw jikwalifikawx għal sussidji għal xogħlijiet bħal dawn mingħand l-Awtorita` tad-Djar.
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jinnota wkoll li l-ewwel numru ta` referenza li ġie ppreżentat, jiġifieri PA 349/99, mhux relatat mal-bqija tad-dettalji mogħtija.