Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għalliema Barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn għalliema barranin jaħdmu mal-gvern illum u x'suġġetti jgħallmu? Minn liema pajjiż ġejjin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li m'hawn l-ebda għalliema barranin jaħdmu mal-gvern fis-settur pimarju u sekondarju ta' l-iskejjel ta' l-Istat.

Universita' ta' Malta — B.Tech

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed iwassal lill-Universita' ta' Malta biex ma taċċettax kwalifikazzjonijiet ta' l-MCAST, jiġifieri l-B.Tech u n-National Diploma, bħala entry requirement għall-kors li jwassal għal diploma/degree fl-Universita' ta' Malta? Dan meta dawn id-diplomi ta' l-MCAST jiġu aċċettati fl-Universita' ta' Londra.

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kull Universita' għandha r-rekwiżiti tad-dħul tagħha. Id-dħul fl-Universita' ta' Malta hu regolat mir-Regolamenti għad-Dħul li jistabilixxu ċ-Ċertifikat tal-Matrikola flimkien ma' ċertifikat f'livell SEC fl-Ingliż, il-Malti u l-Matematika bħala l-kwalifiki meħtieġa għad-dħul. L-Universita' taċċetta kwalifiki oħra biss jekk tqishom ekwivalenti kemm fil-livell u kemm fil-firxa tas-suġġetti. Fost il-kwalifiki aċċettati hemm ukoll kwalifiki li studenti jġibu wara kors fl-MCAST, inkluż każi fejn studenti jiddaħħlu fit-tieni sena tal kors Universitarju. Għajdut ta' x'jaċċettaw Universitajiet Ingliżi għal korsijiet li jsiru fl-Ingilterra stess mhux dejjem huma korretti.

MCAST — Qasam tal-Ħiliet Bażiċi

Question

B'riferenza għall-avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tat-8 ta' Awissu 2006, jista' il-Ministru jgħid jekk din kenitx l-ewwel darba li kien hemm sejħa mill-MCAST għal-lecturing staff full-time għall-qasam tal-Ħiliet Bażiċi? Jista' jgħid ukoll fil-preżent kemm hu l-complement ta' l-istaff, kemm full-time kif ukoll part-time, li qed igħallmu l-Ħiliet Bażiċi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-MCAST mhux l-ewwel darba li għamel sejħa għall-full-time lecturing staff għall-qasam tal-Ħiliet Bażiċi. Sejħiet oħra kienu saru f'Lulju 2001, April 2002, Diċembru 2002, Lulju 2003, Ottubru 2003 u Ġunju 2004. Informat ukoll li l-complement ta' full-timers bħalissa huwa ta' 9. Ma hemm l-ebda part-timer.

Malta Racing Club Committee

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' il-Kumitat tal-Malta Racing Club mill-2003 sal-lum separatament għal kull sena? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-accounts awditjati għall-istess snin imsemmija? Kemm kienet l-allokazzjoni jew l-għotja tal-gvern għal kull sena mis-sena 2003 sas-sena 2006 separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kumitat tat-Tmexxija tal-Malta Racing Club iltaqa' bħala Bord kostitwit kif ġej: Sena 2003: 3 Sena 2004: 2 Sena 2005: 2 Sena 2006: 3 Madankollu, il-Kumitat Ezekuttiv, appuntat mill-Kumitat tat-Tmexxija fl-ewwel laqgħa li saret fid-19 ta' Settembru 2000, iltaqa' madwar 25 u 30 darba kull sena fil-perjodu msemmi. Ser ngħaddi kopja lill-Onor. Membru ta' l-Audited Accounts għas-snin 2002/3, 2003/4 u 2004/5 (is-sena finanzjarja tal-Malta Racing Club tagħlaq fit-30 ta' Ġunju). Il-kontijiet tas-sena 2005/6 qegħdin fil-proċess li jkunu verifikati. Informat ukoll li l-Malta Racing Club ġew mogħtija l-ammont ta' Lm30,000 għal ħsarat li soffrew fil-maltempata ta' l-2003.

Servizzi ta' tindif

Question

B'riferenza għall-avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tal-11 ta' Awissu 2006 għal servizzi ta' tindif, jista' il-Ministru jispjega għal fejn huwa ntenzjonat li jsir dan it-tindif u għalkemm perijodu se jkun validu dan l-arranġament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tindif imsemmi ser isir fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet u postijiet oħra kif indikati fil-formoli preskritti ta' l-offerta imsemmija. Huwa intenzjonat li l-kuntratt ikun għal sena bil-possibilta' li jiġi estiż b'sitt xhur.

Supply Learning Support Assistants

Question

B'riferenza għall-avviż li kien hemm fil-Gazzetta tal-Gvern li deher fit-12 ta' Mejju 2006, jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw persuni għall-impjieg ta' Supply Learning Support Assistants? Jista' jgħid ukoll kemm ġew magħżula u kemm ġew jew se jiġu mpjegati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' applikanti kien ta' 631. Minn dawn 344 ineliġibbli, 56 m'għaddewx għall-interview, 11 assenti u 5 irtiraw l-applikazzjoni. Informat ukoll li n-numru ta' applikanti li għaddew kienu ta' 215. Bħalissa għadu kmieni biex jingħad kemm minn dawk li ġew magħżula ser jiġu mpjegati mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Dan għaliex l-eżerċizzju tat-trasferimenti u klassifikazzjoni għadu għaddej.

Kotba għall-istudju tal-kompjuter

Question

B'riferenza għall-avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tat-2 ta' Ġunju 2006, jista' il-Ministru jgħid kemm ġew sottomessi kotba għall-istudju tal-kompjuter? Jista' jgħid ukoll jekk dan il-ktieb ġiex magħżul, min kienu dawk li ssottomettew il-kotba u min intgħażel? X'inhi l-ispiża tal-kuntratt għal dan il-ktieb? F'liema snin huwa maħsub li jiddaħħlu u minn meta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ġew sottomessi seba' skemi ta' kotba għall-istudju tal-kompjuter. Il-ktieb ġie magħżul u huwa ppjanat li toħroġ tender skond proċeduri finanzjarji stabbiliti. Informat ukoll li minħabba n-natura delikata tal-proċess ta' tender, l-informazzjoni dettaljata mitluba ma tistax tingħata f'dan l-istadju. Hu maħsub li l-ktieb jidħol f'fażijiet differenti mis-sena d-dieħla.

MCAST — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw studenti għall-istituti kollha ta' l-MCAST mis-sena 2002 sa l-aħħar sena skolastika separatament għal kull sena u għal kull istitut? Jista' bl-istess mod jgħid kemm ġew aċċettati minnhom?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub jeħtieġ li jiġi kompilat. Ix-xogħol fuqu jsir hekk kif jitlesta xogħol ieħor ta' aktar priorita'.

ETC

Question

B'riferenza għall-applikazzjoni għax-xogħol li qed tintbagħat separatament, jista' il-Ministru jara li l-applikazzjoni terġa' tiġi kkonsidrata minħabba l-bżonn li din il-persuna jkollha dan il-permess? Tista' din is-sinjorina tiġi informata bl-aħħar żviluppi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ diġa rrikunsidrat għat-tieni darba l-applikazzjoni msemmija. Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ tibqa’ ssostni d-deċizjoni li ħadet li ma jinħariġx l-permess tax-xogħol. Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ma għandiex indikazzjoni li f’Malta hawn nuqqas ta’ hairdressers għax hawn numru kbir ta’ Maltin li huma kkwalifikati f’din is sengħa. Fil-fatt minn Awwissu 2005 il’hawn minn meta l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ħadet f’idejha r-responsabbilta’ tal-permessi tax-xogħol, ma nħareg ebda permess sabiex ċittadini mhux ta’ pajjizi membri fl-Unjoni Ewropea jaħdmu bħala hairdressers f’Malta.

Kordinaturi tal-Kulleġġi

Question

Wara s-sejħa li kien hemm għal aktar kordinaturi tal-kulleġġi, jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw u min intgħażel? Jista' jgħid ukoll x'se jiġri mill-erba' kordinaturi li ġew magħżul s-sena li għaddiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kien hemm 17-il applikant li tnejn minnhom irtiraw l-applikazzjoni tagħhom. L-erbgħa ko-ordinaturi li ntagħzlu s-sena l-oħra ser ikomplu bix-xogħol tagħhom fil-kulleġġi. L-erba' ko-ordinaturi ġodda huma: Paul Attard, Bernardette Azzopardi, Joseph Buttigieg u Raymond Facciol.

Edukazzjoni — Rapporti

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19533 u jgħid kemm saru rapporti mill-ministeru jew mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni mis-sena 2000 sal-lum li huma marbuta mal-qasam edukattiv? X'kienu dawn ir-rapporti u kemm ġie jqum kull rapport?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skola San Franġisk t'Assisi — Student li tilef ħajtu

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk dwar il-każ ta' l-istudent li ismu qed jintbagħat separatament, li kien miet fl-iskola San Franġisk t'Assisi, hux qed isiru tentattivi sabiex il-kwestjoni tiġi solvuta barra mill-Qorti, kif fl-aħħar mill-aħħar ġara f'każi oħra mhux marbuta mas-settur edukattiv? F'każ li r-risposta hi fin-negattiv, jikkonsidra li jagħmel dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-risposta hija fl-affermattiv.

Servizz ta' facilitator

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-talba tal-ġenituri ta' studenta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex ikollha l-għajnuna ta' facilitator sal-lum għadha ma ġietx milqugħa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-applikazzjoni tal-ġenituri biex it-tifla tidher quddiem il-Bord Moderatur għall-Istatementing (Statementing Moderating Panel) ser tiġi proċessata skond ir-reġistrazzjoni ta' l-applikazzjoni tagħha.

Tarxien Primary School — Facilitator

Question

Jista' il-Ministru jara li jingħata facilitator lill-istudent li qiegħed year 6, Tarxien Primary school li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jinħass fi bżonn ta' dan is-servizz?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-applikazzjoni tal-ġenituri biex it-tifel jidher quddiem il-Bord Moderatur għall-Istatementing (Statementing Moderating Panel) ser tiġi proċessata.

Facilitators

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li 50 facilitator ġie tterminat l-impjieg tagħhom mid-dipartiment ta' l-edukazzjoni? Dawk il-persuni li għamlu l-interviews għall-job ta' facilitator x'se jsir minnhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ingaġġ ta' Casual Supply Kindergarten Assistants isir skond il-bzonn u n-numru ta' studenti li jkollhom bzonn appoġġ speċjali. In-numru ta' studenti li kellhom dan is-servizz naqas anke' għaliex numru ta' studenti spiċċaw il-Form 5 tal-livell sekondarju. Informat ukoll li s'issa diġa ġew impjegati 20 minn dawn il-Casual Supply Kindergarten Assistants. Oħrajn jiġu ingaġġati skond il-ħtieġa.

Xewkija — Skola

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li x-xogħol ta' manutenzjoni fuq l-iskola tax-Xewkija, Għawdex beda f'Awissu ta' din is-sena? Jista' jispjega għaliex dan ix-xogħol beda daqstant tard bil-konsegwenza li deħlin l-istudenti u x-xogħol għadu għaddej, tant li s-sular ta' fuq ta' l-istess skola għadu ma sar l-ebda xogħol fih filwaqt li l-ħaddiema għadhom għaddejjin bix-xogħol fis-sular ta' isfel?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Mistoqsija għandha ssir lill-Ministru għal Għawdex.

MFA — Players Barranin

Question

F'Lulju l-president tal-Malta football association kkonferma li l-gvern permezz tal-ministru responsabbli milll-isports irrisponda lill-Unjoni Ewropea fuq il-kwestjoni tal-players barranin. Irrisponda kelma b'kelma dak li l-MFA bagħtet lill-Ministru. Jista' il-Ministru jikkonferma li verament ir-risposta tal-gvern kienet kelma b'kelma kkopjata minn dokument ta' l-MFA? Jista' ipoġġi din ir-risposta għad-dispożizzjoni tal-Membri?

Response (GALEA, LOUIS)

Nassigura l-Onor. Ħabib tiegħi li l-kommunikazzjoni tal-Gvern hi oriġinali. Ma nsibx diffikulta` li nitlob il-permess ta’ l-awtorita` kompetenti biex meta jkun il-waqt titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-ittra msemmija.

B'Kara — Studenti ta' l-iskola primarja

Question

Billi llum xi 750 tifel u tifla fl-iskola "A" u "B" ta' B'Kara baqgħu fix-xita sakemm daħlu l-iskola filgħodu, jista' isir xi forma ta' staggering b'bibien differenti għad-dħul ħalli dan ma jerġax jiġri?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li billi kienet ix-xita nhar it-Tlieta li għaddew, it-tfal ta' l-Iskola Primarja 'C', B'Kara, ddaħħlu l-iskola fit-8.10 flok fit-8.20. It-tfal jidħlu minn bieb wieħed biex ikun hemm sorveljanza u attenzjoni mill-Kap u l-Assistenti Kapijiet f'diversi postijiet ħalli d-dħul ġo l-iskola kjun bl-ordni. Il-Kap ta' l-iskola ssostni li dan ma jkunx jista'jsir jekk jinfetħu aktar bibien.