Ħal Qormi — Triq l-Imdina - rampa ħdejn it-traffic lights
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21568 datata 4 ta' Diċembru 2015, fejn ġejt infurmat li l-każ qiegħed jiġi studjat biex jiġi determinat il-possibilità ta' xi forma ta' interventi, jista' l-Ministru jindika xi żviluppi kien hemm peress li r-rampa għadha fl-istess stat u tinsab perikoluża għal kull min jużaha?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol f’din l-akwata huwa ordnat, u se jinkludi t-tkissir tal-bankina/rampa u se ssir mill-ġdid bil-konkos u b’wiċċ li ma jiżloqx.
Ex — Ħaddiema tax-Xatt – proċess tal-ħlas tas-somom tal-assigurazzjoni
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23678, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-ħlas tas-somom tal-assigurazzjoni li ġew imwegħda lill-ex ħaddiema tax-xatt?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-ex-ħaddiema tax-xatt għadhom għaddejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq residenzjali li Transport Malta se tkun qed taħdem fuqhom fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar matul is-sena 2016?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22856.
Jista' l-Ministru jgħid preżentement kemm hu n-numru ta' karozzi tal-linja li qed jagħtu s-servizz tagħhom f'Malta u f'Għawdex rispettivament? Kemm kien in-numru ta' karozzi tal-linja li kienu qed jagħtu servizz meta t-trasport kien direttament ikkontrollat mill-Gvern, bejn it-tluq tal-Arriva u l-bidu tax-xogħol mill-operatur il-ġdid?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-operatur tat-trasport publiku, fil-preżent, għandu 374 karozzi tal-linja għad-dispożizzjoni tiegħu li bihom jiprovdi is-servizz tat-trasport pubbliku.
Infurmat ukoll li n-numru ta’ karozzi tal-linja li kienu ġew trasferiti lill-operatur tat-trasport publikku il-ġdid meta dan ħa s-servizz f’idejh fil-bidu ta’ Jannar 2015 mingħand il-Gvern kien ta’ 274. Ma’ dan in-numru wieħed irid iżid bejn 30 u 60 vettura oħra sub-contracted li kienu jintużaw fuq is-servizz f’dan il-perjodu.
Transport Malta – sistema dwar records ta’ number plates
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta poġġietx fis-seħħ is-sistema li permezz tagħha, vetturi li jinġiebu minn barra, b'number plates mhux Maltin, ikollha wkoll ir-records tagħhom, kemm jekk dawn ikunu vetturi li se jinbiegħu hawn Malta, kif ukoll jekk ikunu se jibqgħu jiġu wżati minn sidhom li mhux Malti, fil-perjodu taż-żmien, meta jkun qed jgħix fil-gżejjer Maltin? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm hemm vetturi mhux bin-numru Malti kemm ta' sidien Maltin, kif ukoll ta' sidien mhux Maltin li huma reġistrati ma' Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Artiklu 18 tal-Att dwar ir-reġistrazzjoni u l-liċenzjar ta' vetturi bil-mutur, jistipula li kull vettura rreġistrata f’pajjiz ieħor tista' tiddaħħal u tinstaq f’Malta temporanjament għal perjodu konsekuttiv li ma jkunx jaqbeż seba’ xhur f’perjodu ta' tnax il-xahar iżda, l-Ufficjali tal-Pulizija kif ukoll l-Uffiċjali tal-Awtorita' jwaqqfu vetturi reġistrati barra minn Malta u fejn l-vettura tinstab li mhux qiegħda skont ir-regolamenti stipulati, allura dik il-vettura tiġi rmunkata.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq is-Sgħajtar il-Mosta taqax taħt ir-responsabiltà tal-gvern ċentrali jew tal-Kunsill Lokali rigward manutenzjoni tal-istess triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq ma taqax taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – pagi tal-ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’kienet ir-rata tal-paga kull siegħa tal-ħaddiema li għandhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom ma’ operaturi u/jew kuntratturi privati li jagħtu servizz f’xi parti mid-dekasteru li taqa’ taħtu u dan wara sejħiet għall-offerti li saru wara l-1 ta’ Jannar 2012, l-1 ta’ Jannar 2013, l-1 ta’ Jannar 2014, l-1 ta’ Jannar 2015 u l-1 ta’ Jannar 2016? X’kient ir-rata tal-ħlas għal kull siegħa għall-dawn l-istess gradi f’każ ta’ sahra matul il-ġimgħa, sahra l-Ħadd u sahra fil-festi pubbliċi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li waħda mill-kriterji li tintuża rigward għoti ta’ kuntratti li jinvolvu servizz mogħti minn ħaddiema tramite kuntrattur, hija li r-rata tal-ħlas lill-ħaddiema ma tkunx inqas mir-rata ta’ paga minima hekk kif stabbilita mill-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru approvax il-policy li għandha tiġi implimentata għal dak li jirrigwarda r-Residential Parking Schemes, madwar Malta u Għawdex? Liema nħawi ġew inklużi biex jagħmlu parti minn postijiet li fihom jistgħu jipparkjaw ir-residenti tal-lokalitajiet? X'tip ta' restrizzjonijiet huma mposti b'riżultat ta' din il-policy?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li, kif ntqal fit-tweġibiet għall-Mistoqsijiet preċedenti, din il-policy għadha qed tiġi riveduta.
Billi sidien li jiskrappjaw xi vettura qed isibu ma' wiċċhom ċirkostanzi fejn jekk il-vettura jkollha xi partijiet, imqar jekk żgħar, nieqsa, ikollhom iħallsu biex jiskrappjaw l-istess vettura, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi kundizzjonijiet partikulari li jridu jiġu osservati minn min ikun se jiskrappja l-vettura, biex il-vettura tkun tista' tiġi scrapped?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proċess dwar l-immaniġġjar tal-iskart għall-vetturi fi tmiem żmienhom huwa rregolat bir-regolament (Leġislazzjoni Sussidjara) 504.62. Apparti minn hekk, il-faċilitajiet awtorizzati jew operaturi ekonomiċi ġewwa Malta huma ukoll regolati bl-istess regolamenti u l-awtorita’ kompetenti li tirregola lill-operaturi ekonomiċi hija l-Awtorita' ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta fasslitx il-policy tagħha dwar l-ispeed cameras, u dan billi jidher illi se jitwaħħlu xi speed cameras ġodda? Jista' jagħti tagħrif dwar meta u fejn se jitwaħħlu dawn l-ispeed cameras?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-polza li tistipula l-kriterji ta' eliġibilita’ ta' speed cameras tnediet f'April tal-2012. Transport Malta qed tevalwa sistemi oħra għall-infurzar tas-sewqan eċċessiv.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21479, jista’ l-Ministru jgħid meta hu biħsiebu li jibda x-xogħol fuq il-bini ta’ Triq Ġużeppi Cali, f’Ħal Lija (ħdejn l-iskola) li għalkemm mhux imniżżla fit-tweġiba fil-fatt hija responsabilità tal-Ministeru tiegħu għaliex hija triq ġdida u għad trid tinbena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fit-triq inkwistjoni se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. Fil-fatt diġa inħarġet Order to Start Works lill-kuntrattur.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21479, jista’ l-Ministru jgħid meta hu biħsiebu li jibda x-xogħol fuq Triq Ferdinand Grech, f’Ħal Lija li għalkemm mhux imniżżla fit-tweġiba fil-fatt hija responsabilità tal-Ministeru tiegħu għaliex din it-triq qed iċċedi u trid tinbena mill-ġdid?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija. Fil-fatt, abbażi tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 499.57, Regolamenti Dwar Toroq Ġodda u Xogħlijiet f’Toroq, Tranpsort Malta hija responsabbli tal-kostruzzjoni u manutenzjoni ta’ toroq arterjali u distributorji u l-kostruzzjoni ta’ toroq residenzjali li qatt ma ġew mibnija mill-Gvern Ċentrali. Toroq li ma jaqgħux taħt dawn il-kategoriji jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali rispettiv. Ir-Regolament jispeċifikaw:
TAQSIMA II
KOSTRUZZJONI U MANUTENZJONI TA’ TOROQ
Kostruzzjoni u Manutenzjoni ta’ Toroq.
3. (1) L-Awtorità għandha tipprovdi, jew hi stess jew
permezz ta’ impriża, u fejn ikun adatt b’konsultazzjoni mal-
Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, għall-kostruzzjoni,
kostruzzjoni mill-ġdid, twessiegħ, tiġdid, manteniment, titjib,
immaniġġar, manutenzjoni u klassifikazzjoni ta’ toroq:
Kap. 363.
Iżda fejn triq la tkun triq arterjali lanqas triq distributorja,
il-manteniment, it-titjib u l-manutenzjoni tagħha għandu jipprovdi
għalihom il-Kunsill Lokali adatt skont l-artikolu 33 tal-Att dwar il-
Kunsilli Lokali.
Definizjonijiet
"titjib" tinkludi t-twessiegħ, allinjament mill-ġdid u l-ifformar mill-ġdid ta’ toroq;
"manutenzjoni" fir-rigward ta’ toroq pubbliċi tinkludi t-titjib u l-immaniġġar;
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21478, jista’ l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Ministeru biex itaffi l-probema serja ta’ konġestjoni ta’ traffiku fit-toroq imsemmija li jaqgħu taħt il-lokalità tal-Iklin imma huma responsabilità tal-Gvern Ċentrali, jiġifieri Triq Dun Karm, Triq tal-Balal u Triq in-Naxxar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda tistudja s-sitwazzjoni ta’ traffiku f’din l-akkwata li hi waħda dinamika ħafna, anki minħabba l-impatt li jista’ jkun hemm b’konsegwenza tax-xogħlijiet fuq il-proġett tal-Kappara.
Il-proġett tal-Kappara Junction, li huwa meqjus bħala proġett infrastrutturali maġġuri, ser ikun qed itaffi l-konġestjoni ta’ traffiku fil-partijiet ċentrali ta’ Malta u se jgħin sabiex jitnaqqsu l-queues twal li bħalissa jakkummulaw mar-roundabout eżistenti permezz ta’ bini ta’ junction iktar effiċjenti.
Fl-isfond ta’ dan kollu, mhux mistenni li jsiru interventi speċifiċi fil-lokalita’ ndikata mill-Onor. Interpellant, matul l-andament tax-xogħlijiet relatati mal-proġett tal-Kappara. Madanakollu, Transport Malta se tiżgura li jkun hemm pjan t’immaniġġjar tat-traffiku ħolistiku tul il-proġett sabiex iż-żoni kollha tal-madwar jiġu mpattati bl-inqas mod possibli.
San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa – xogħlijiet mit-taqsima marittima ta’ Transport Malta
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’xogħol hu mistenni li jsir mit-Taqsima Marittima ta’ Transport Malta fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll jekk Transport Malta hux diġà ssottomettiet applikazzjonijiet relevanti mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)? Jekk iva, liema applikazzjonijiet saru? Jekk għadhom ma sarux applikazzjonijiet, meta hu mistenni li jsiru?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed tippjana li tagħmel xogħol ta’ tiswija u manutenzjoni tal-breakwater ta' Buġibba, il-moll tal-Fekruna, il-moll tal-Marfa u l-moll tan-nofsinahr taċ-Ċirkewwa (South Quay).
L-applikazzjonijiet lill-MEPA mistennija li jiġu sottomessi aktar tard din is-sena wara li jkunu saru s-
surveys
u d-disinji relevanti.
Transport Malta – surveys tal-breakwater ta’ Buġibba
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hux qed tagħmel xi surveys tal-breakwater ta’ Buġibba? Jekk iva, min qed jagħmel dan is-survey f’isem Transport Malta u x’inhi r-raġuni għal dan is-survey li qed isir?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta diġa għamlet survey tal-breakwater ta’ Buġibba u dan biex ikollha stampa attwali tal-kundizzjoni tal-breakwater taħt il-baħar biex tkun tista’ tippjana u tispeċifika x-xogħlijiet neċessarji għat-tiswija tal-istruttura tal-istess breakwater.
Dan is-survey sar mill-Perit Joseph Cassar flimkien mal-kumpanija Alldive Ltd.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-ħlas tas-somom tal-assigurazzjoni li ġew imwegħda lill-ħaddiema tax-xatt?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun iktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu, u cioe’ jekk hux qed jirreferi għall-ex ħaddiema tax-xatt jew dawk eżistenti.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – xogħol mogħti lill-kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u kull entità li taqa’ taħtu minn April 2013 sa Novembru 2015?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn bus depots u fejn qegħdin?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b'kollox, l-operatur tat-trasport pubbliku jagħmel użu minn tliet faċilitajiet ġewwa Malta u faċilitaà oħra ġewwa Għawdex bħala depots. Dawn il-faċilitajiet jinsabu ġewwa l-Floriana Park and Ride, il-Marsa Park and Ride, iċ-Ċirkewwa u ir-Rabat Għawdex.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – xogħlijiet ta’ konsulenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-1999 sa’ Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija msemmija ngħatat xogħol għal servizz ta’ konsulenzi legali mill-Awtorità Marittima ta’ Malta hekk kif ġej:
Sena 2009 - €6,000
Sena 2007 - €3,158
Sena 2005 - €6,187
Sena 2004 - €4,557
Sena 2002 - € 396
Sena 2001 - €3,979
Sena 1999 - € 745
Ma nstabux records li jindikaw li dawn ix-xogħlijiet ngħataw wara sejħa pubblika.