Jista' l-Ministru jara li jsir railing tal-ħadid fit-taraġ ta' Sqaq il-Mitħna, Bormla biex ikun ta' għajnuna għal nies anzjani u persuni b'diżabilita li hemm jgħixu f'din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li xi żmien ilu l-Kunsill Lokali nstalla hand railing, iżda dan kellu jerġa jinqala peress li kien beda xi xogħol ta' kostruzzjoni u dan seta isirlu ħsara. Ir-railing ser jerġa jiġi nstallat hekk kif titlesta' l-kostruzzjoni.
Għal aktar informazzjoni l-Onor. Interpellanta hi mitluba tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-konsulenti mhux legali mal-Ministeru tiegħek?
Kemm qed jitħallsu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jekk b'konsulenti mhux legali l-Onor. Interpellant jifhem li dawn huma konsulenti mhux avukati, jien infurmat li l-Konsulenti mal-Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni huma:-
Dr Stephen Calleya li qed jitħallas Lm2000 fis-sena
Is-Sur David Sutton li qed jitħallas Lm6720 fis-sena
Is-Sur Paul Micallef li qed jitħallas Lm3756 fis-sena
Jista' l-Ministru issa li bdiet sena ġdida cioe l-2002 u l-fatt li dawn l-aħħar 10 snin ma ġiex estiż t-transport pubbliku għal Għar Barka, r-Rabat, jista' l-Ministru jara li dan il-bżonn tar-residenti jiġi rimedjat mmedjatament jew almenu matul l-ewwel tlett xhur tas-sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar dan is-suġġett m'għandix xi nżid mat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 28915.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari nri. 24951, 24962 u 24617 dwar il-problema ta' l-għargħar fi Triq l-10 ta' Settembru 1546, jista' l-Ministru jgħid jekk tlestiex l-isħarriġ li kellu jsir kif indika l-istess Ministru fit-tweġibiet tiegħu? Meta se jsir xi ħaġa fil-konkret biex din il-problema tingħeleb għal ġid tar-residenti u kull min jgħaddi minn din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-survey tal-lokalita' tlesta' mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u qed jirriżulta li l-livelli ta' bosta postijiet tagħhom qiegħed prattikament mal-livell tal-wied.
Din is-sitwazzjoni qiegħda tfixkel l-ippjanar għat-titjieb ta' toroq f'din il-lokalita' għaliex kieku kellu jitwaqqa l-bini ikun hemm kwantita kbira ta' residenti effetwati.
B'referenza għall-mistoqsijiet u għat-tweġibiet parlamentari nru. 23719 u 24951 dwar il-problema ta' l-għargħar fiz-zona tal-wied u Triq il-Għargħar f'Ħal Qormi, jista' l-Onor Ministru jgħid x'kien ir-riżultat tas-survey li ġie kkummissjonat mid-Dipartiment tat-Toroq lill-Uffiċċju tas-Survey ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar din il-problema?
Jista' l-Onor. Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati r-riżultat tas-survey?
Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni se tittieħed?
Meta?
B'referenza għall-mistoqsijiet u għat-tweġibiet parlamentari nru. 20841 dwar l-akkumulazzjoni ta' l-ilma fi Triq il-Correa f'Ħal Qormi, jista' l-Onor Ministru jgħid x'riżultat hemm mir-rapport li kellu jsir dwar is-sitwazzjoni preżenti u min ġie stabbilit li huwa nkarigat u xi pjan hemm għat-twettiq tax-xogħol fl-inħawi?
Jista' l-Onor. Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati kopji tar-rapporti msemmija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li xogħol ta' bini ta' ħitan bħala lqugħ għall-wied sar fl-antik mid-Diviżjoni tax-Xogħolijiet tal-Ministeru ta' l-Ambjent.
Kif ġie spjegat fir-risposta parlamentari Nru. 23719 u kif irriżulta mis-surveys li saru għad-Dipartiment tat-Toroq, hemm djar li l-livell tagħhom qiegħed prattikament mal-livell tal-wied u kwalunkwe kostruzzjoni issa tikkaġuna aktar għargħar.
B'riferenza għall-mistoqsija u għat-tweġiba nru. 24905 dwar l-installazzjoni ta' traffic lights fi Triq Ħal Qormi, fl-area ta' Ħal Farruġ, Ħal Luqa. Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartment tat-Toroq lestiex is-survey, lestiex il-pjanti neċessarji għall-approvazzjoni tat-Traffic Control Board u jekk it-Traffic Control Board approvax dawn il-pjani, kif ġie indikat mill-istess Ministru fit-tweġiba tiegħu bid-data ta' l-4 ta' April 2001?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-survey tal-lokalita' tlesta' u peress li fiż-żona hemm diversi bżonnijiet ta' pelican crossings, ġie deċiż li aħjar isir pjan għat-triq kollha minn ħdejn l-airport il-qadim ta' wied il-kbir, Ħal Qormi.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara wara diversi laqgħat mal-kunsill lokali tal-Fgura u żewġ site inspections mill-periti tad-dipartiment tat-toroq, b'referenza għall-meta partijiet mhux iffurmati ta' Triq Merħba u Triq is-Sunnara Fgura, li issa humma żviluppati totalment?
Meta sejrin jingħataw it-tarmac?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'hemm xejn xi nżid mal-Mistoqsija Parlamentari Numru 26012.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-parti minn Triq il-Misk, bejn Triq tal-Gallu u Triq San Gwann, Fgura, sejra tinfetaħ wara li ilu ħafna snin li l-art ġiet esproprjata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq sabiex jekk din it-triq tista' tinfetaħ jittieħdu passi neċessarji biex ix-xogħol meħtieġ isir.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar wara d-diversi laqgħat li saru mal-kunsill lokali Fgura fejn anke saru żewġ site inspections fl-aħħar sena mill-periti tad-dipartiment tat-toroq fuq Triq il-Gardjola u parti minn Triq William Lasall Fgura, li għandhom is-servizzi kollha mgħoddija biex jinagħaw it-tarmac?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li biex dawn it-toroq ikunu jistgħu jiġu asfaltati, għad trid tittieħed art mhix żviluppata fil-kantuniera bejn Triq William Russell u Triq il-Gardjola u d-Dipartiment tat-Toroq qed jieħu ħsieb biex il-parti mhix żviluppata tgħaddi għand il-Gvern biex ix-xogħol ikun jista' jsir.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gozo Channel toħroġ u tagħtix complimentary tickets għall-vapur ta' Għawdex? Jekk iva, kemm tqassmu fis-sena 2000 u fis-sena 2001 u lil min? X'kriterji jintużaw biex dawn jitqassmu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 29742, filwaqt li nirringrazzja lill-Ministru li xi passi ġew meħuda, jista' l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku jara jekk ċertu parking li qed isir fl-istess triq hux qed joħloq xi periklu għax xi residenti meta jkunu għaddejjin karozzi oħra minn quddiem id-dar tagħhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku flimkien mall-Kunsill Lokali taż-Żejtun qed jieħdu l-passi meħtieġa biex jekk hemm xi parking li qed joħloq periklu fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant, dan jiġi regolat.
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni għaliex residenti fl-area madwar Triq iż-Żewġ Mini Senglea, qed jilmentaw b'reception ħażin tal-TV, u qed jarbtu dan ma twaħħil ta' antenna tat-telekomunikazzjoni? Jista' jara li dan l-inkonvenjent jitneħħa mmedjatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li mill-investigazzjonijiet li saru mid-Dipartriment tat-Telegrafija mingħajr Fili fl-inħawi msemmija, jirriżulta li l-interferenza qed tiġi kkawżata minn overload fil-boosters li joperaw barra mill-frekwenzi tat-trasmissjoni tat-TV għal ġewwa l-frekwenzi tat-trasmissjoni tal-GSM. Minn testijiet li saru fuq l-istazzjon tal-GSM fil-viċinanza, jirriżulta li dan qed jopera skond ir-regolamenti.
Għaldaqstant id-Dipartiment tat-Telegrafija mingħajr Fili bagħat ittri lill-kumpanija li topera l-istazzjon tal-GSM fid-29 ta' Settembru u t-3 ta' Diċembru 2001 u għarrafha b'din il-problema. Minkejja li jirriżulta li l-istallazzjonijiet tal-GSM qed joperaw skond ir-regolamenti, bħala sinjal ta' rieda tajba din il-kumpanija qed toffri li tgħin biex dawn il-problemi jiġu rimedjati mingħajr ebda preġudizzju u fuq bażi ex-gratia.
Jista' l-Ministru permezz tar-Roads Dept jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir Triq l-Imriekeb, Wied il-Għajn billi din għadha imħarbta minkejja li llum inbniet kollha w hemm għadd ta' familji joqgħodu fiha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa hemm diversi tenders li ħarġu biex isir asfalt ta' toroq f'Wied il-Għajn u li qegħdin għall-aġġudikazzjoni.
It-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant ser tkun inkluża ma' toroq oħra li ser joħorġu tenders għalihom aktar 'il quddiem.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li f'tal-Balal ħdejn il-Mekkek Bar isiru xi forma ta' lights biex jirregolaw it-traffiku f'salib it-toroq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jipproponi bidliet fl-arranġamenti tat-traffiku f'din il-lokalita' u fil-fatt għadu kif ingħata kuntratt biex dan il-proġett ikun jista' jitwettaq.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħsarat li hemm taħt l-art fi Triq San Ġwann, St Elia kantuniera ma' Triq Louise Schickluna, Fgura hiex fil-pjan għall din is-sena 2002?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jispezjona l-lokalita' indikata mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-parti minn Triq San Xmun (kantuniera ma'
Triq id-Dejma) fil-Fgura ser titwessa' meta m'hemmx bżonn ta'
esproprjazzjoni u qed toffri periklu kbir kemm għas-sewwieqa kif ukoll
għall-pedestrians?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qiegħed jikkorispondi ma' l-Uffiċċju Konġunt biex l-art meħtieġa tgħaddi għand id-Dipartiment sabiex it-twessiegħ imsemmi jkun jista' jsir.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax jiġi rranġat b'xi mod il-qlib tal-ilma fuq pont reġjonali, Regional Road, li qed jifforma għadira sħiħa u fonda meta tagħmel ix-xita b'periklu għall-karozzi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jispezzjona l-post li qed isemmi l-Onor. Interpellant u jikkonsidra x'hemm bżonn isir.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex ma jkomplix jgħaddi wied ilma minn taħt il-mina tar-Regional Road meta tagħmel ix-xita b'periklu għal min juża l-mina?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-Onor. Interpellant hu mitlub jagħti aktar dettalji dwar il-mistoqsija tiegħu peress li sa fejn wieħed jista' jipperċeppixxi l-mina ta' Regional Road qiegħda 'l fuq mill-livell tal-wied, u għalhekk ma tieħux ilma.