Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ ta’ vettura għolja li qed tkun dejjem ipparkjata quddiem ir-residenza tagħha?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Pulizija tad-Distrett ħadu azzjoni fuq ir-rapport relatat ma din il-mistoqsija. Fil-fatt il-vettura in-kwistjoni ġiet imneħħija mil-lok fejn kienet tiġi pparkjata, nhar it 28 ta Lulju, 2015.
Jista' l-Ministru jgħid x’jiġri mid-deheb u oġġetti oħra li jinstabu fuq persuna mejta? Jista’ jgħid kif dawn jistgħu jiġu rritornati lura għand il-werrieta? Jista’ jgħid ukoll jekk hemm xi żmien stipulat sa meta dan irrid jiġri?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li jekk qed jirreferi għal każi fejn xi persuna tkun instabet mejta u allura il-Pulizija tkun infurmat lill- Maġistat biex issir inkjesta, irid mill-ewwel jingħad li kull oġġett ta’ valur li jinstab waqt l-inkjesta jittieħed taħt il-kustodju tal-Qorti, jew min expert nominat jew mill-Maġistrat Inkwirenti direttament.
Biex jittieħdu lura dawn l-oġġetti, wieħed ikun meħtieġ li jagħmel rikors (talba bil-miktub) lil Maġistrat Inkwirenti u jkun meħtieġ li tinġieb prova li huwa jkollu dritt li jieħu dawn l’oġġetti. Jekk ikun hemm wirt, trid tiġi preżentat prova, bħal xi testament, li turi li oġġetti ġew mhollija lil persuna li qed tagħmel it-talba. Ma hemm l-ebda żmien stipulat meta tista ssir din it-talba.
Pulizija — proċeduri kontra persuni b’wiċċhom mgħammad
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’dawn fl-aħħar sentejn, il-pulizija qattx wissiet, waqqfet jew arrestat persuni minħabba li kellhom wiċċhom mgħammad fil-pubbliku?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mis-sena 2013 sal-lum, kien hemm okkażżjoni waħda fejn żewġ persuni kienu lebsin maskra. Dawn il-persuni kienu ġew proċessati l-Qorti pero ma nstabux ħatja tar-reat dedotti kontra tagħhom.
Pulizija — passi kontra persuni b'wiċċhom mgħammad
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'passi jittieħdu mill-pulizija jekk persuna tkun f’post pubbliku b’wiċċha mgħammad? Liema huma l-eċċezzjonijiet fejn il-pulizija ma’ tieħux passi kontra persuni b’wiċċhom mgħammad?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Pulizija tieħu il-passi neċessarji kontra kull persuna li tkun l-iebsa xi maskra jew tibdel is-sura tagħha bi ksur tal-Artiklu 338(n) tal-Kodici Kriminali. Passi ma jittieħdux kontra persuni li jilbsu velu li jkopri ir-ras u l-wiċċ minħabba twemmin reliġjuż, peress li dan ma jammontax għal ksur tal-istess kontravenzjoni. Iżda il-Pulizija jistgħu jordnaw il-kxif jew tneħħija ta’ dan il-velu meta jkollhom suspett raġjonevoli li dik il-persuni tkun ser tagħmel reat.
Jista' l-Ministru jgħid x’passi suppost jittieħdu mill-pulizija meta persuna tkun qed issuq karozza li jkollha l-ħġieġ tinted? Kemm-il darba ttieħdu passi f’dawn l-aħħar sentejn?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li meta persuna tinqabad issuq karozza bil-ħġieġ tinted, u allura bi ksur tal-Artiklu tal-Legislazzjoni Sussudjarja 65.11, dan jiġi proċessat fil-Qorti minħabba din il-kontravenzjoni. Dan sintendi jekk il-hġieġ tinted ma jkunx skond il-persentaġġ kif deskritt fl-Artiklu 110(a) tal-istess Legislazzjoni Sussidjarja. Fil-fatt bejn is-sena 2013 u Awissu tal-2015 l-ammont ta’ dawn il-każi kien kif jidher fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Peress li fil-Kappara, ħdejn l-Ambaxxata Russa, hemm pulizija li huwa fuq fixed point duty , jista’ l-Ministru jara li l-pulizija jissorvelja wkoll ġnien pubbliku li qiegħed xi 10 metri ‘l bogħod - fir-rigward ta’ droga, għajat estrem, użu tal-ġnien bħala toilet, xorb esaġerat u affarijiet oħra li qed jikkawża inkonvenjent lir-residenti?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Pulizija li hemm fixed point mal-Ambaxxata Russa għandu d-dover li jissorvelja dan il-post biex jassigura is-sigurta tal-Ambaxxata. Ma hux permess u lanqas possibli li dan jabbanduna dan il-lok biex imur fil-ġnien għar-raġunijiet ovvji. Madanakollu jekk jinnota xi ksur ta’ liġi, dan jista jsejjaħ Pulizija oħra għal assistenza u tittiehed l-azzjoni necessarja. Barra min dan it-Taqsima ta’ Kontra Drogi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija regularment tagħmel sorveljanza fil-post imsemmi.
Is-Siġġiewi – Għassa tal-Pulizija magħluqa waqt l-attività Festa Għeneb
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-Għassa tal-Pulizija tas-Siġġiewi kienet magħluqa waqt l-attività tal-massa magħrufa bħala Festa Għeneb li saret il-Ħadd 30 ta' Awwissu fil-pjazza tas-Siġġiewi?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li waqt l'attività tal-massa magħrufa bħala l-Festa Għeneb li saret il-Ħadd 30 ta' Awwissu fil-pjazza tas-Siġġiewi, l-Għassa tal-Pulizija tas-Siġġiewi kienet magħluqa minħabba l-fatt li l-uffiċċjal inkarigat kien fuq xogħol ieħor, minħabba attivitajiet tal-massa fi bnadi oħra. Dan ġara minħabba il-fatt li għal-kuntrarju tal-proċeduri għal każi ta' din ix-xorta, il-Pulizija tad-Distrett ma ġietx infurmata. Fid-dawl ta' dan kollu saru laqgħat bejn il-Pulizija u l-Kunsill Lokali dwar koperazzjoni aħjar meta jkun hemm attivitajiet bħal dawn.
Qrati — esperti ballistiċi - eżamijiet u analiżi fil-Laboratorju Forensiku Nazzjonali
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux infurmat li esperti ballistiċi li jkunu ġew nominati mill-Qrati tagħna mhux qed jitħallew jagħmlu l-eżamijiet u analiżi neċessarji fil-Laboratorju Forensiku Nazzjonali
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – użu ta’ credit cards pubbliċi
Question
Jista’ l-Ministru jinforma jekk hu jew xi membri fis-Segretarjat tiegħu jagħmlux użu minn credit cards pubbliċi li nħarġu f’ismu jew f’isem xi ħadd fis-Segretarjat tiegħu? Jekk fl-affermattiv min huma dawk awtorizzati li jużaw dawn il-credit cards? Għal liema skop jintużaw dawn il-credit cards? Kemm kienet in-nefqa minn dawn il-credit cards għal kull credit card minn Marzu 2013 u jelenka separatament l-iskop wara kull nefqa? Jista’ jgħid ukoll minn min saru dawn il-pagamenti?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li la jien u lanqas membri fis-segretarjat tiegħi ma nagħmlu uzu minn credit cards.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu mill-Pulizija sabiex jaraw il-liġi tat-Trade Licensing tkun rispettatta fil-konfront ta’ permessi ta’ żewġ hawkers li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri fl-Armata ta’ pajjiżna li huma gradwati fil-liġi u jista’ jgħid x’inhuwa r-rank li jokkupaw?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm tliet membri fil-Forzi Armati ta’ Malta li huma gradwati fil-liġi. Ir-rankijiet huma Logutenent Kurunell, Logutenet u Surġent.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija tal-Qawra kellhiex raporti ta' preżenza ta' sustanzi bħad-drogi f'xi inħawi ta' San Pawl il-Baħar? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar jekk irriżultax xi każ pożittiv minn dawk li rċeviet il-pulizija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li waqt il-qadi ta’ dmirijithom jew waqt investgazzjonijiet il-Pulizija tal-Qawra u sezzjonijiet oħra speċjalment, l-Iskwadra ta’ Kontra Drogi, ikollhom diversi ħjiel jew informazzjoni dwar presenza ta’ sustanza ta’ drogi, f’dan il-każ anke fl-inħawi ta’ San Pawl. Konsegwenza ta’ dawn l-investigazzjonijiet li joriġinaw minn diversi sorsi jew rapporti u anke waqt il-qadi normali tax-xogħol tagħhom, fil-perjodu ta’ bejn Jannar u Gunju ta din is-sena, il-Pulizija irriżultawlhom erbatax (14) il-każ, fl-inhawi ta’ San Pawl il Baħar.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17824, jista’ l-Ministru jgħid x’qed tagħmel il-Pulizija sabiex tassigura li r-residenti tal-madwar ikunu protetti u l-ambjent jibqa’ wieħed sikur?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li sabiex tassigura li r-residenti ta’ madwar Thouret House ikunu protetti u l-ambjent jibqa’ wieħed sikur il-Pulizija distrettwali qiegħda tagħmel ronda frekwenti ħdejn id-dar sabiex jiġi assigurat li jinżamm l-ordni pubbliku u ma jkun hemm ebda ksur ta' liġi.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17824, jista’ l-Ministru jgħid għaliex fil-każ ta’ PIRS No. 7/P/2125/2015 ma ttieħdet ebda azzjoni kriminali filwaqt li fil-każ ta’ PIRS No.7/P/2124/2015 ittieħdu passi kriminali?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li dwar il-każ li jġib ir-referenza 7/P/2515/2015 (mhux 7/P/2125/2015) il-Pulizija kienet għadha m’għamlitx arranġamenti biex tipproċedi fil-Qorti minħabba li kienet għadha qed tistenna il-veduti tal-kwerelanti fuq dan il-każ. Fil-fatt wara li l-kwerelanti ma kkomunikawx iktar fuq dan il-każ, il-Pulizija ser tipproċedi għal-Qorti ukoll f’dan il-każ u f’każijiet oħra fil-futur fejn ikun hemm xi ksur tal-ligi.
San Pawl il-Baħar, Mellieħa u Naxxar – vetturi mneħħija mit-toroq
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm vetturi li tneħħew mit-toroq matul din is-sena, minn San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar? X’kienet ir-raġuni li tneħħew dawn l-istess vetturi? Jista’ jgħid il-Pulizija x’informazzjoni għandha dwar karozzi li għandhom pjanċa barranija u li jkunu f’Malta? Kemm ilha għandha din l-informazzjoni?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li matul din is-sena kien hemm sitta u erbgħin każ ta karozzi li tneħħew mit-toroq minn San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar. Ħdax tneħħew minn Naxxar, tlieta u tletin minn San Pawl il-Baħar u tnejn mil-Mellieħa. Ir-raġunijiet huma kif indikat fit tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Dwar l-informazzjoni fuq il-vetturi bi pjanċi ta’ registrazzjoni barranin, il-Pulizija ġeneralment tiriċievi rapporti mil-pubbliku jew tosservahom waqt ir-ronda. Kien hemm li kienu b’insurance skaduta jew ma jkunux ġew reġistrati ma’ Transport Malta fiż-żmien stipulat mil-liġi, għalkemm bosta minnhom ikunu ta’ ostaklu u għalhekk ġew irmonkati, kif ukoll raġunijiet oħra, kif jidher fit-tabella.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fl-għasses tal-Qawra u ta' San Pawl il-Baħar, almenu fix-xhur tas-sajf ikun hemm żieda sostanzjali f'dak li jikkonċerna n-numru ta' pulizija preżenti u dan fid-dawl li matul dawn ix-xhur, f'dawn l-inħawi jkun hemm żieda ta' eluf ta' persuni li fil-fatt jiġu joqogħdu f'dawn l-inħawi?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li kull meta jkun hemm il-ħtieġa li jiżdiedu l-uffiċjali tal-Pulizija fid-diversi lokalitajiet u mhux neċessarjament l’għases biss, u l-esigenzi tas-servizz ikunu jitolbu żieda ta’ uffiċjali, dan isir. Kif intqal f’Mistoqija Parlamentari oħra, matul ix-xhur tas-sajf il-Pulizija isaħħu il-preżenza tagħhom f’lokalitajiet turistiċi u ta’ villeġġatura, u dawn jinkludi iż-żoni tal-Qawra u ta’ San Pawl il-Baħar. Dan isir billi il-Pulizija torganizza ronda kemm permezz ta’ vetturi u muturi tat-traffiku, kif ukoll permezz ta’ pulizija fuq il-bicycle flimkien ma dawk tal-klieb u kavallerija, u dan dejjem kif jinħass li hu l-aħjar mezz.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – nefqa f’petrol u diesel
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefaq f'petrol u diesel mill-Ministeru tiegħu, inkluż id-dipartimenti, awtoritajiet u entitajiet illi jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, bejn id-9 ta' Marzu 2013 u l-aħħar ta' Ġunju 2015? Jista' jgħid mil-liema pompi tal-petrol inxtara l-fuel u jagħti break down skont il-pompi?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid min kien il-Perit wara l-bini l-ġdid tal-Maritime Squadron tal-AFM u kemm tħallas għal dan ix-xogħol?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Perit wara l-bini l-ġdid tal-Maritime Squadron tal-AFM huwa il-Kurunell Robert Vella FAM assistit minn Periti mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura. Ninformah ukoll li ma rċeviex ħlas addizjonali b’konnessjoni ma dan il-proġett.