Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dħul ta’ annimali – kontrolli ta’ dokumenti

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’kontrolli ta’ dokumenti, fiżiċi u ta’ identità hemm fuq id-dħul ta’ annimali f’Malta? Jeżistu sistemi ta’ prenotifika fuq id-dħul ta’ dawn l-ispeċi? Jekk fl-affermattiv, x’inhu l-perjodu ta’ din il-prenotifika?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-dħul kollu tal-annimali ħajjin u li iżda ma jaqawx taħt il-Pet Travel Scheme, huma soġġetti għal tliet tipi ta’ kontrolli kemm jekk dawn ikunu ġejjin minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jew minn pajjiżi terzi. Dawn jinkludu kontroll tad-dokumentazzjoni fejn id-dokumenti relattivi kollha li jakkumpanjaw il-konsenji jkunu spezzjonati sabiex ikun ivverifikat li ntużaw id-dokumentazzjoni u l-format it-tajjeb; kontroll ta’ identita` fejn il-konsenja tiġi ċċekjata mal-informazzjoni iddikjarata fid-dokumenti u kontroll fiżiku fejn l-annimal/i ikun/jkunu soġġett/i għal kontroll veterinarju sabiex ikun ivverifikat l-istatus tas-saħħa. Annimali li jaqgħu taħt il-Pet Travel Scheme (klieb, qtates u inmsa) huma soġġetti għall-kontrolli tad-dokumentazzjoni u ta’ identita` biss kif provdut fil-liġi rispettiva. Il-prenotifika ta’ annimali ħajjin għal skopijiet kummerċjali hija obbligatorja u konessa mas-sistema TRACES. In-Notifikazzjoni għandha tintbagħat 48 siegħa qabel ma tiġi sottomessa d-dikjarazzjoni tal-importazzjoni f’każ ta’ annimali ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea u 48 siegħa qabel mid-dħul tal-annimal f’Malta fejn dan ikun ġej minn xi pajjiż fl-Unjoni Ewropea.

Dħul ta’ annimali – kontrolli – awtoritajiet kompetenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-awtoritajiet kompetenti involuti fuq il-kontrolli fuq id-dħul ta’ annimali f’Malta? X’dokumentazzjoni tintalab u tinżamm mill-awtoritajiet ikkonċernati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-awtoritajiet kompetenti nvoluti fid-dħul f’Malta ta’ annimali ħajjin jinkludu: is-Servizzi Veterinarji, id-Dwana u l-uffiċċju fil-MEPA responsabbli mis-CITES. Fir-rigward tas-Servizzi Veterinarji d-dokumenti li jintalbu u jinzammu huma: · Ċertifikat ta’ Saħħa u/jew ċertifikat tal- Intratra de, jiddependi mill-ispeċi li jkunu ġejjin mill-Unjoni Ewropea u skond kif provdut mil-liġi; · CVED u Ċertifikat Uffiċjali Veterinarju tas-Saħħa għal speċi li ġejjin minn Pajjiżi Terzi; · Passaport tal-annimali domestiċi f’każ ta’ klieb, qtates u inmsa skond ir-Regolament (UE) 576/2013; · Kopja tal-fatturi/ bill of lading f’każ ta’ movimenti kummerċjali. Fir-rigward tad-dokumenti li jistgħu jintalbu mid-Dwana u mill-MEPA skont ir-regolamenti jew proċeduri applikabbli għalihom, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-parti relattiva tal-mistoqsija tiegħu lill-Ministeri kkonċernati.

Annimali – databases

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika jekk jeżistux databases ta’ movimenti tal-ispeċi ta’ annimali ħajjin, inkluż dawk eżotiċi u pets, li jiddaħħlu Malta mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u ta’ dawk li jiġu impurtati minn pajjiżi terzi? Liema huma dawn id-databases u min hu l-leġittimu detentur tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li jeżisitu żewġ databases għall-iskop li qed jirreferi għalih hu. Waħda minnhom hija tal-Kummissjoni Ewropea li tissejjaħ TRACES u li l-membri stati kollha għandhom aċċess għaliha. Permezz tagħha kull annimal li jkun dieħel fi kwalunkwe membru stat, ġej minn fejn ġej, ikun irid jiġi notifikat, apparti klieb u qtates li jkunu jridu jiġu nnotifikati biss jekk ser ikunu għal skop kummerċjali. Hemm ukoll id-database tad-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji imsejħa n-National Livestock Database li tintuża biex ikunu notifikati movimenti ta’ tiġieġ, bovini, ovini, kaprini u ekwini. Il-Klieb u l-qtates iridu jiddaħħlu f’din id-database sa disgħin (90) ġurnata wara li jidħlu fil-pajjiż.

Dħul ta’ annimali – Kontrolli

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-postijiet fejn qed isiru l-kontrolli fuq id-dħul ta’ annimali ħajjin f’Malta li jkunu ġejjin mill-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi terzi? X’inhi l-frekwenza ta’ dawn il-kontrolli? Jista’ jagħti garanzija li kull kunsinna u kull moviment tal-annimali qed tiġi spezzjonata?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li annimali ħajjin u li ġejjin minn pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea għal skop ta’ kummerċ, jistgħu jidħlu minn żewġ Postijiet ta' Spezzjoni fuq il-Fruntiera (Border Inspection Posts), wieħed fil-Port tal-Belt Valletta u l-ieħor fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta . Fil-każ ta’ annimali ħajjin u li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għal skop ta’ kummerċ, jistgħu jidħlu mill-Port tal-Belt Valletta u mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u peress li jkunu ġejjin mill-Unjoni Ewropea ma jintużawx proċeduri/strutturi tal-Post ta' Spezzjoni fuq il-Fruntiera. Dawn huma soġġetti għall-kontrolli ta’ dokumentazzjoni, kontrolli ta’ identita` u kontrolli fiżiċi. Fil-każ ta’ annimali domestiċi (pets), ġejjin minn fejn ġejjin, dawn jistgħu jidħlu minn 7 postijiet ta’ dħul għall-ivjaġġaturi u huma soġġetti biss għall-kontrolli ta’ dokumentazzjoni u kontrolli ta’ identita`. Dawn il-postijiet huma kif ġejjin: · L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Ħal Luqa · Il-Port il-Kbir, Belt Valletta · Il- Yacht Marina tal-Birgu, l-Birgu · Il-Port Ħieles ta’ Malta, Ħal Far · Il-Port ta’ Marsamxett – Dan jinkludi l- Yacht Marina tal-Imsida, il- Yacht Marina tal-Excelsior, il- Yacht Marina tal-Midi u l-Marina ta’ Manoel Island · Il-Marina ta’ Portomaso, San Ġiljan · Il-Marina tal-Imġarr, Għawdex Il-frekwenza tal-ispezzjoni hija waħda li tkun deċiża mir-regolatur veterinarju għab-bażi tar-riskju li jista’ jkun hemm u għalhekk ma ssirx spezzjoni kull darba. Din hija prattika normali f’pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

Fond għall-Ħarsien tal-Annimali – tnedija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitnieda l-Fond għall-Ħarsien tal-Annimali hekk kif imħabbar fid-diskors tal-Baġit 2015? Kemm huma l-flus allokati għal dan il-fond?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-fond ser jitwaqqaf fil-ġimgħat li ġejjin b’somma ta’ €40,000. Il-metodoloġija ta’ kif ser jitħaddem dan il-fond għadha qed tkun imfassla.

Ta' Qali — Pitkalija - xogħol strutturali

Question

Billi jidher li mhux mistenni li jsir xogħol strutturali fil-Pitkalija f'Ta' Qali matul din is-sena, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jsir xogħol strutturali f'dan l-istess post, u liema se jkunu x-xogħlijiet li se jsiru?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li x-xogħolijiet li jkunu meħtieġa jsiru meta jiġu ffinalizzati l-pjanijiet għall-Pitkalija.

Pitkalija — fergħa tal-bank

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-fergħa tal-APS Bank fil-Pitkalija se tagħlaq? Jekk iva, x'inhi r-raġuni għal dan?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandi mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-Bank APS għandu uffiċċju li permezz tiegħu jamministra d-debituri u l-kredituri tal-Pitkalija skont kuntratt li kien hemm bejn dan il-Bank u l-Gvern. Dan il-kuntratt skada f’Diċembru 2012. L-APS Bank kien ilu żmien li informa l-Gvern preċedenti li ma kienx bi ħsiebu jerġa jġedded il-kuntratt, iżda aċċetta li jġeddu għall-sena waħda biss sa Diċembru 2013. Wara din id-data l-amministrazzjoni preżenti flimkien ma l-APS qablu li jġeddu dan il-kuntratt sakemm id-Direttorat tal-Agrikoltura jsib soluzzjoni sabiex il-bdiewa jkunu assigurati li ser jitħallsu fil-ħin, l-ammont kollu dovut lilhom. Is-soluzzjoni ġiet identifikata, kif ukoll maqbula flimkien mal-APS, u ser tkun implimentata fil-futur qrib biex b’hekk ikun assigurat li l-bidwi jibqa’ jitħallas dak dovut lilu. Permezz ta’ din is-sistema l-ġdida ser jintuża jew s-servizz tal-internet banking jew, jekk mixtieq, depositu go xi fergħa tal-APS f’Malta u wara l-APS iħallas l-ammont dovut lill-bidwi.

Il-Pitkalija – proġett ta’ upgrading

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett biex tiġi upgraded il-Pitkalija u tidħol sistema ta' grading li hu ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt Miżura 123 - Investment and Processing?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 14581.

Il-Pitkalija — statut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jikkonsidra li jiġi ffurmat statut ta’ kif topera l-Pitkalija?

Response (BRINCAT, LEO)

Kif jaf l-Onor. Interpellant l-operat tal-Pitkalija huwa regolat mir-Regolamenti Dwar il-Bejgħ tal-Prodotti tal-Biedja. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi suggerimenti x’jagħmel mitlub jibgħathom lill-Ministeru u nwegħdu li jingħataw il-kunsiderazzjoni li jkun jixirqilhom.

Għelieqi fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta – tisqija b’ilma trattat

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu jew le li l-bdiewa tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta se jibdew jiġu mġiegħla jsaqqu l-għelieqi tagħhom bl-ilma trattat? Il-Ministru se jagħti garanzija kemm lil bdiewa kif ukoll lill-konsumaturi li prodotti msaqqija bl-ilma trattat se jibqgħu tal-istess kwalità u togħma bħall-prodotti msaqqija mill-perched aquifer? Il-Ministru għandu ħsieb li ssir kampanja pubbliċitarja f'dan is-sens biex il-prodott agrikolu tan-naħa ta' fuq ta' Malta jiġi salvagwardjat?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ilma trattat

Question

Jista’ l-Ministru jagħti garanzija li l-ilma trattat ma jkollux melħ miegħu peress li jekk ikollu l-melħ, dan jinżel fil-ħamrija u l-ħamrija mielħa titlef nofs il-produzzjoni tal-prodott li tagħti? Barra minn hekk, il-Ministru ħa in konsiderazzjoni li jekk l-ilma trattat ma jkunx 100% ħieles mill-melħ, il-melħ se jipperkola mill-ħamrija u għalhekk se jikkontamina il-perched aquifer?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Treatment plant

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux fil-pjanijiet tal-Gvern li jsir treatment plant tal-awrina tal-baqar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-awrina tal-baqar hija meqjusa bħala parti integra mal-ħmieġ tal-baqar u għalhekk ma hemmx pjanijiet li din tiġi trattata separatament.

Organizzazzjoni ta’ produtturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il organizzazzjoni ta’ produtturi qegħdin jiffunzjonaw sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Ta’ xiex inhuma dawn l-organizazzjonijiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, fil-preżent hemm erba` organizzazzjonijiet ta’ produtturi li qegħdin jiffunzjonaw. Dawn kollha joperaw fis-settur tal-ipproċessar tat-tadam.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – xogħol mogħti lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ingħatatx xogħol mill-Ministeru, inkluż minn kull entità jew dipartiment li jaqgħu taħtu, minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? Jekk iva, meta u kemm kien il-valur finanzjarju tax-xogħol mogħti u jekk dan kienx fortt direct order jew tender? Fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol, jekk ingħata?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, il-kumpanija msemmija fil-Mistoqsija minn Marzu 2013 sal-lum ngħatat xogħol darba biss li jammonta għall- €1463.20. Ix-xogħol ingħata wara li ntalbu kwotazzjonijiet skond ir-regolamenti finanzjarji tal-Gvern u kien jikkonsisti f’servizzi relatati mal-Valletta Green Festival.

Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali – xogħol mogħti lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ingħatatx xogħol mis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, inkluż minn kull entità jew dipartiment li jaqgħu taħtu, minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? Jekk iva, meta u kemm kien il-valur finanzjarju tax-xogħol mogħti u jekk dan kienx frott direct order jew tender? Fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol, jekk ingħata?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li r-risposta hija fin-negattiv.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – Positions of trust

Question

Jista' l-Ministru jelenka u jgħid liema kienu l-positions of trust li kien hemm fi ħdan l-Ministeru tiegħu u fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b’sena, matul l-2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant japprezza li l-Ministeru li tiegħu jien responsabbli għalih nibet minn Ministeri oħra li kienu jħaddnu ukoll bosta sezzjonijiet u jew entitajiet u dipartimenti li llum ma jiffurmawx parti minn dan il-Ministeru. Fil-parti l-kbira l-Ministeru tiegħi twieled minn dak li qabel kien il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali (MRRA) li minnu twieled ukoll il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura (MTI) tal-lum. Jiena nfurmat li għalhekk il-positions of trust li kienu jidhru taħt l-MRRA qed jiġu rrapurtati mill-MTI fit-tweġiba tagħhom għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14775. Min-naħa tiegħi qed nirrispondi biss għal-dak li jirrigwarda il-kumpanija WasteServ li fis-snin imsemmija ma kellha l-ebda positions of trust.

Produzzjoni tal-Ħalib u trobbija ta’ għoġġiela — raħħala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn raħħala, kemm f'Malta kif wkoll f'Għawdex, kif ukoll jgħid minn liema raħal ġejjin, li għandhom konnessjoni mal-produzzjoni tal-ħalib kif ukoll mat-trobbija tal-għoġġiela għall-qatla?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-informazzjoni mitluba tinżamm ibbażata fuq in-numru ta' rziezet, mhux in-numru ta’ raħħala f’kull razzett. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Qasam tat-trobbija tal-majjal – Għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'passi konkreti qed jieħu l-Gvern biex jiġi ssalvagwardjat u mgħejjun il-qasam tat-trobbija tal-majjal f'pajjiżna?

Response (BRINCAT, LEO)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2004 is-settur tal-produzzjoni tal-laħam tal-majjal ġie ffaċċjat b’kompetizzjoni qawwija ta’ majjal importat, bi prezzijiet ferm orħos minn dawk lokali, b’riżultat illi l-produzzjoni u l-qatla tal-majjal naqset b’mod sostanzjali sena b’sena mill-2004 ‘l hawn. Kif jaf l-Onor. Interpellant il-Gvern ftit li xejn jista’ jgħin b’mod konkret f’dan is-settur, minħabba regolamenti stretti tal-Unjoni Ewropea dwar state aid li ma jippermettux sussidji li jservu biex il-prodott lokali jkun aktar kompetittiv. Fl-istess waqt is-Servizzi Veterinarji flimkien ma’ dawk Sanitarji qegħdin jimmonitoraw is-suq tal-bejgħ tal-laħam biex ikun żgurat li majjal importat ma jinbiegħx bħala prodott lokali u biex jiżguraw li l- labelling tal-majjal juri l-oriġini tal-laħam skond kif tobbliga l-liġi. L-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari jżomm kuntatt kontinwu mal-Koperattiva ta’ min Irabbi l-Majjal (K.I.M.) biex jippromwovi l-konsum tal-majjal lokali mal-konsumaturi Maltin u biex jinstabu swieq t’ esportazzjoni għall-majjal lokali.

Qasam tat-trobbija tal-majjal – Raħħala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn raħħala li jrabbu l-majjal f'Malta u Għawdex?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-informazzjoni mitluba tinżamm ibbażata fuq in-numru ta’ rziezet u mhux fuq in-numru ta' raħħala f’kull razzett. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.